Skip to content
  • Kunsill tal-Unjoni Ewropea
  • Stqarrija għall-istampa
  • 27 ta' Novembru 2020 19:55

Regolament tranżizzjonali tal-PAK: ftehim informali dwar kif jiġu ffinanzjati l-bdiewa

Illum il-Kunsill ikkonkluda ftehim informali mal-Parlament Ewropew dwar kif għandhom jiġu estiżi r-regoli attwali tal-PAK sa tmiem l-2022 u jitqassmu t-€8.07 biljun addizzjonali tal-istrument Ewropew għall-irkupru għall-bdiewa Ewropej. Dan il-ftehim informali jsegwi ftehim inizjali f'Ġunju.

Il-ftehim informali jiddeskrivi l-qsim tal-flus għall-irkupru fis-sentejn li ġejjin: 30% ta' €8.07 biljun ser ikunu disponibbli fl-2021 u 70% fl-2022. Jinkariga wkoll lill-istati membri biex jiżguraw madwar terz tal-baġit totali (37%) għall-miżuri favur l-ambjent u l-benesseri tal-annimali u aktar minn nofs il-baġit totali (55%) għal miżuri ta' trasformazzjoni soċjali u diġitali. In-negozjaturi jistennew li dawn il-miżuri jgħinu biex iħaffu t-tranżizzjoni lejn prattiki bħall-biedja ta' preċiżjoni u intelliġenti, itejbu l-aċċess għal ICT ta' kwalità għolja fiż-żoni rurali u jsaħħu s-swieq lokali.

In-negozjaturi qablu wkoll li jestendu l-applikazzjoni tal-appoġġ temporanju eċċezzjonali għall-bdiewa u l-SMEs affettwati mill-kriżi tal-COVID-19 b'sitt xhur. Huma qablu wkoll li fl-2021 u l-2022 ir-reġjuni ultraperiferiċi tal-UE u l-gżejjer minuri tal-Eġew ser jibqgħu jirċievu l-istess ammonti ta' appoġġ finanzjarju kif deskritt fir-regoli attwali.

It-test innegozjat għad irid jiġi approvat mill-Kumitat Speċjali tal-Kunsill dwar l-Agrikoltura u mbagħad ser jiġi ppreżentat għall-adozzjoni finali mill-Kunsill u l-Parlament Ewropew, malajr kemm jista' jkun.

Kuntatti għall-istampa

Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.

L-aħħar reviżjoni: 6 ta' Frar 2025