Skip to content
  • Kunsill tal-Unjoni Ewropea
  • Stqarrija għall-istampa
  • 19 ta' Ottubru 2021 10:20

Ċibersigurtà: il-Kunsill jadotta konklużjonijiet dwar l-esplorazzjoni tal-potenzjal ta' ċiberunità konġunta

Illum il-Kunsill adotta konklużjonijiet li jistiednu lill-UE u lill-istati membri biex jiżviluppaw aktar il-qafas tal-UE għall-ġestjoni tal-kriżijiet taċ-ċibersigurtà, inkluż billi jiġi esplorat il-potenzjal ta' ċiberunità konġunta.

Fil-konklużjonijiet tiegħu, il-Kunsill jenfasizza l-ħtieġa li jiġu kkonsolidati n-networks eżistenti u li jiġi stabbilit immappjar tal-lakuni u l-ħtiġijiet possibbli b'rabta mal-kondiviżjoni tal-informazzjoni fi ħdan u bejn il-komunitajiet ċibernetiċi. Dan għandu sussegwentement iwassal għal ftehim dwar għanijiet u prijoritajiet ewlenin possibbli ta' ċiberunità konġunta potenzjali. Huwa proċess inkrementali, trasparenti u inklużiv li huwa essenzjali biex tissaħħaħ il-fiduċja. Il-Kunsill għandu rwol strumentali fil-funzjoni tat-tfassil tal-politika u tal-koordinazzjoni fir-rigward tal-iżvilupp ulterjuri tal-qafas tal-UE għall-ġestjoni tal-kriżijiet taċ-ċibersigurtà u ser jimmonitorja l-progress u jipprovdi gwida biex tikkomplementa dan il-qafas.

Il-Kunsill jenfasizza wkoll il-ħtieġa li jiġu stabbiliti metodi ta' ħidma u governanza adegwati li jippermettu l-parteċipazzjoni tal-istati membri kollha fid-deliberazzjonijiet, l-iżvilupp u l-proċessi effettivi ta' teħid ta' deċiżjonijiet. Ċiberunità konġunta potenzjali jkollha tirrispetta l-kompetenzi, il-mandati u s-setgħat legali tal-parteċipanti futuri possibbli tagħha u kwalunkwe parteċipazzjoni mill-istati membri tkun ta' natura volontarja.

Il-Kunsill jappella għal aktar riflessjoni dwar elementi individwali tar-rakkomandazzjoni dwar iċ-ċiberunità konġunta, inkluż fir-rigward tal-ideat ta' timijiet ta' rispons rapidu ċibernetiku tal-UE u pjan ta' rispons għall-inċidenti u l-kriżijiet taċ-ċibersigurtà tal-UE.

Kuntest

Fit-23 ta' Ġunju, il-Kummissjoni Ewropea ppubblikat rakkomandazzjoni dwar il-bini ta' ċiberunità konġunta biex jiġi indirizzat l-għadd dejjem jikber ta' inċidenti serji taċ-ċibersigurtà li għandhom impatt fuq is-servizzi pubbliċi, in-negozji u ċ-ċittadini madwar l-UE. Skont din ir-rakkomandazzjoni, iċ-ċiberunità konġunta tkun taġixxi bħala pjattaforma li tiġbor flimkien ir-riżorsi u l-għarfien espert mill-komunitajiet ċibernetiċi differenti fl-UE u fl-istati membri tagħha biex b'mod effettiv tipprevjeni, tiskoraġġixxi u tirrispondi għal inċidenti taċ-ċibersigurtà fuq skala kbira.

Ara l-paġna tal-laqgħa

Kuntatti għall-istampa

Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.

L-aħħar reviżjoni: 24 ta' Frar 2025