"Il-cookies jintużaw biex intejbu l-esperjenza ta' navigazzjoni tiegħek. Il-cookies meħtieġa huma neċessarji biex jappoġġaw karatteristiċi essenzjali tas-sit web tal-Kunsill. Il-cookies fakultattivi jgħinuna nipproduċu rapporti statistiċi anonimi u aggregati biex naqdu aħjar il-ħtiġijiet tiegħek.

Żur il-paġna tal-politika tal-cookies tagħna għal aktar informazzjoni u biex tibdel is-settings tiegħek.

български español čeština dansk Deutsch eesti Ελληνικά English français Gaeilge hrvatski italiano latviešu lietuvių magyar Malti Nederlands polski português română slovenčina slovenščina suomi svenska
Skip to content

Ċibersigurtà tal-UE: strateġija u politiki ewlenin

Id-diġitalizzazzjoni ġġib magħha opportunitajiet, iżda wkoll theddid ċibernetiku. Biex tiġġieled kontra dawn, l-UE żviluppat strateġija dwar iċ-ċibersigurtà u nediet inizjattivi biex issaħħaħ is-sigurtà u r-reżiljenza.

L-istrateġija tal-UE dwar iċ-ċibersigurtà

F'Ottubru 2020, il-mexxejja tal-UE appellaw lill-istati membri biex:

  • jipproteġu lill-UE kontra t-theddid ċibernetiku
  • jipprovdu ambjent ta' komunikazzjoni sigur, inkluż permezz ta' kriptaġġ kwantistiku
  • jiżguraw l-aċċess għad-data għal finijiet ġudizzjarji u ta' infurzar tal-liġi

Dan għaliex rispons taċ-ċibersigurtà aktar b'saħħtu biex jinbena ċiberspazju miftuħ u sigur jista' jwassal biex iċ-ċittadini jafdaw aktar fl-għodod u s-servizzi diġitali. Iċ-ċibersigurtà tipproteġi n-network u s-sistemi tal-informazzjoni, l-utenti ta' tali sistemi u persuni oħra milqutin minn theddid ċibernetiku

F'Diċembru 2020, il-Kummissjoni Ewropea u s-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) ippreżentaw strateġija ġdida tal-UE dwar iċ-ċibersigurtà. L-għan huwa li tissaħħaħ ir-reżiljenza tal-Ewropa kontra t-theddid ċibernetiku u jiġi żgurat li ċ-ċittadini u n-negozji kollha jibbenefikaw bis-sħiħ minn servizzi u għodod diġitali ta' fiduċja u affidabbli.

Fit-22 ta' Marzu 2021, il-Kunsill adotta konklużjonijiet dwar l-istrateġija dwar iċ-ċibersigurtà, li jissottolinjaw li ċ-ċibersigurtà hija essenzjali għall-bini ta' Ewropa reżiljenti, ekoloġika u diġitali. Il-ministri tal-UE stabbilew l-objettiv ewlieni li tinkiseb awtonomija strateġika filwaqt li tinżamm ekonomija miftuħa. Dan jinkludi t-tisħiħ tal-kapaċità li jsiru għażliet awtonomi fil-qasam taċ-ċibersigurtà, filwaqt li tissaħħaħ it-tmexxija diġitali tal-UE u l-kapaċitajiet strateġiċi tagħha.

Politiki ewlenin tal-UE dwar iċ-ċibersigurtà

Pjan ta' azzjoni ċibernetiku

Il-Kunsill adotta pjan ta' azzjoni tal-UE dwar il-ġestjoni tal-kriżijiet taċ-ċibersigurtà fis-6 ta' Ġunju 2025.

Il-pjan ta' azzjoni jipprovdi qafas komprensiv u dettaljat għall-ġestjoni tal-kriżijiet ċibernetiċi fil-livell tal-UE, filwaqt li jibni fuq il-Pjan ta' Azzjoni Ċibernetiku tal-2017.

Il-pjan ta' azzjoni ċibernetiku għandu l-għan li:

  • jiżgura rispons effettiv u effiċjenti għal inċidenti ċibernetiċi fuq skala kbira
  • irawwem kooperazzjoni aktar strutturata bejn l-atturi ċivili u militari
  • jispjega x'inhi kriżi ċibernetika u xi jwassal biex jiskatta mekkaniżmu ta' kriżi ċibernetika

Att tal-UE dwar iċ-ċibersolidarjetà

Fit-2 ta' Diċembru 2024, il-Kunsill adotta l-att dwar iċ-ċibersolidarjetà. Dan ir-regolament il-ġdid jistabbilixxi kapaċitajiet madwar l-UE biex l-Ewropa ssir aktar reżiljenti u reattiva quddiem it-theddid ċibernetiku, filwaqt li jissaħħu l-mekkaniżmi ta' kooperazzjoni.

Ir-regoli l-ġodda:

  • jistabbilixxu "sistema ta' twissija dwar iċ-ċibersigurtà", infrastruttura pan-Ewropea magħmula minn ċentri ċibernetiċi nazzjonali u transfruntiera responsabbli għall-appoġġ tad-detezzjoni ta' theddid u inċidenti ċibernetiċi
  • jipprevedu l-ħolqien ta' mekkaniżmu ta' emerġenza għaċ-ċibersigurtà u jsaħħu l-preparatezza u jipproteġu l-entitajiet kritiċi u s-servizzi essenzjali, bħall-isptarijiet u l-utilitajiet pubbliċi
  • isaħħu s-solidarjetà fil-livell tal-UE, il-ġestjoni miftiehma ta' kriżijiet u l-kapaċitajiet ta' rispons fl-istati membri kollha
  • jikkontribwixxu għall-iżgurar ta' xenarju diġitali sikur u sigur għaċ-ċittadini u n-negozji

L-att dwar iċ-ċibersolidarjetà daħal fis-seħħ fl-4 ta' Frar 2025.

Att tal-UE dwar iċ-Ċibersigurtà

L-att tal-UE dwar iċ-ċibersigurtà ġie adottat mill-Kunsill f'April 2019 u introduċa:

  • skema ta' ċertifikazzjoni għall-UE kollha
  • mandat permanenti u aktar b'saħħtu għall-aġenzija tal-UE għaċ-ċibersigurtà (ENISA)

Skemi Ewropej ta' ċertifikazzjoni

Preċedentement, il-pajjiżi tal-UE użaw skemi differenti ta' ċertifikazzjoni taċ-ċibersigurtà għall-prodotti tat-teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni (ICT), li wasslu għal frammentazzjoni tas-suq u ostakli regolatorji. Permezz tal-att dwar iċ-ċibersigurtà, l-UE introduċiet qafas ta' ċertifikazzjoni uniku għall-UE kollha

li għandu l-għan li:

  • jibni l-fiduċja
  • iżid it-tkabbir tas-suq taċ-ċibersigurtà
  • jiffaċilita l-kummerċ madwar l-UE

Il-qafas jipprovdi sett komprensiv ta' regoli, rekwiżiti tekniċi, standards u proċeduri.

F'Diċembru 2024, l-UE adottat emenda mmirata għall-att dwar iċ-ċibersigurtà biex tippermetti l-istabbiliment ta' skemi ta' ċertifikazzjoni tal-UE għal "servizzi tas-sigurtà ġestiti", bħat-trattament tal-inċidenti, l-ittestjar tal-penetrazzjoni, l-awditi tas-sigurtà, u l-konsultazzjoni relatata mal-appoġġ tekniku.

Aġenzija tal-UE għaċ-ċibersigurtà

L-Aġenzija tal-UE għaċ-ċibersigurtà (ENISA), ibbażata f'Ateni, il-Greċja, taħdem biex tikseb livell għoli komuni ta' ċibersigurtà madwar l-UE. Hija tappoġġa lill-istati membri, l-istituzzjonijiet tal-UE u partijiet ikkonċernati oħra fit-titjib taċ-ċibersigurtà u fl-indirizzar tal-attakki ċibernetiċi.

L-ENISA ġiet stabbilita fl-2004 u ssaħħet mill-att tal-UE dwar iċ-ċibersigurtà, li taha mandat permanenti, aktar riżorsi u rwol estiż.

F'Diċembru 2024, il-Kunsill approva konklużjonijiet li fihom sensiela ta' rakkomandazzjonijiet u suġġerimenti għal aġenzija tal-UE aktar b'saħħitha għaċ-ċibersigurtà.

Att tal-UE dwar ir-reżiljenza ċibernetika

Adottat mill-Kunsill fl-10 ta' Ottubru 2024, l-att dwar ir-reżiljenza ċibernetika jistabbilixxi rekwiżiti taċ-ċibersigurtà għal prodotti b'elementi diġitali konnessi mal-internet jew ma' apparati oħra. Dan jiżgura li prodotti bħal kameras tad-dar konnessi, friġis, televixins u ġugarelli jkunu sikuri qabel ma jitqiegħdu fis-suq u matul iċ-ċiklu tal-ħajja tagħhom.

Il-liġi ttejjeb ukoll it-trasparenza għall-konsumaturi, billi tippermetti lill-individwi jaċċessaw informazzjoni dwar iċ-ċibersigurtà tal-prodotti li jixtru u jużaw.

Direttiva dwar in-networks u s-sistemi tal-informazzjoni

Id-direttiva dwar is-sigurtà tan-networks u s-sistemi tal-informazzjoni (NIS) kienet l-ewwel leġiżlazzjoni għall-UE kollha li qatt iddaħħlet bl-għan li żżid il-kooperazzjoni bejn l-istati membri fiċ-ċibersigurtà. Introdotta fl-2016, hija stabbiliet obbligi ta' sigurtà għall-operaturi ta' servizzi essenzjali (f'setturi kritiċi bħall-enerġija, it-trasport, is-saħħa u l-finanzi) u għall-fornituri ta' servizzi diġitali (swieq online, magni tat-tiftix u servizzi ta' cloud).

Fl-2022 l-UE adottat direttiva NIS riveduta (NIS2) biex tissostitwixxi d-direttiva tal-2016. Ir-regoli l-ġodda jiżguraw livell komuni għoli ta' ċibersigurtà fl-Unjoni kollha, b'rispons għax-xenarju tat-theddid li qed jevolvi u jqisu t-trasformazzjoni diġitali, li ġiet aċċellerata mill-pandemija tal-COVID-19.

Id-Direttiva NIS2:

  • tistabbilixxi regoli minimi ġodda għal qafas regolatorju
  • tistabbilixxi mekkaniżmi għal kooperazzjoni effettiva bejn l-awtoritajiet rilevanti f'kull pajjiż tal-UE
  • taġġorna l-lista ta' setturi u attivitajiet soġġetti għall-obbligi fil-qasam taċ-ċibersigurtà
  • tittratta inċidenti taċ-ċibersigurtà (marbuta mal-GDPR)

L-istati membri kellhom sa Ottubru 2024 biex jittrasponu u jimplimentaw bis-sħiħ l-NIS2.

Sett ta' għodod tal-UE dwar in-networks tal-5G

In-networks tal-5G huma kruċjali mhux biss għall-komunikazzjoni diġitali iżda wkoll għas-setturi kritiċi bħall-enerġija, it-trasport, is-settur bankarju u s-saħħa.

Il-5G huwa wkoll assi ewlieni li jippermetti lill-Ewropa tikkompeti fis-suq globali u ċ-ċibersigurtà tiegħu hija kruċjali biex tiġi żgurata l-awtonomija strateġika tal-Unjoni.

F'Jannar 2020, l-UE qablet dwar sett ta' għodod biex tidentifika sett komuni possibbli ta' miżuri biex ittaffi r-riskji ewlenin taċ-ċibersigurtà tan-networks tal-5G u biex tipprovdi gwida.

Finanzjament u riċerka

L-UE qed taġixxi fuq diversi oqsma biex issaħħaħ ir-reżiljenza ċibernetika, tipproteġi l-komunikazzjoni u d-data, u tassigura s-soċjetà u l-ekonomija online tagħna. Dan jinkludi l-appoġġ għar-riċerka u ż-żieda fil-finanzjament għall-innovazzjoni fiċ-ċibersigurtà.

Ewropa Diġitali

Skont il-Programm Ewropa Diġitali għall-perjodu 2021-2027, l-UE impenjat ruħha li tinvesti €1.6 biljun fil-kapaċità taċ-ċibersigurtà u l-installazzjoni mifruxa ta' infrastruttura u għodod taċ-ċibersigurtà madwar l-UE, għall-amministrazzjonijiet pubbliċi, in-negozji u l-individwi.

Orizzont Ewropa

Huwa kruċjali li jinstabu soluzzjonijiet innovattivi li jistgħu jipproteġuna kontra l-aktar theddid ċibernetiku reċenti u avvanzat. Għal din ir-raġuni, iċ-ċibersigurtà hija parti importanti mill-programmi qafas tal-UE għall-finanzjament tar-riċerka u l-innovazzjoni Orizzont 2020 u s-suċċessur tiegħu Orizzont Ewropa. F'Mejju 2020, l-UE impenjat €49 miljun biex tagħti spinta lill-innovazzjoni fis-sistemi taċ-ċibersigurtà u tal-privatezza.

Programm tal-2030 dwar id-Deċennju Diġitali

Is-sigurtà diġitali tiddependi fuq li jkun hemm biżżejjed esperti bil-ħiliet it-tajba. Bħalissa, hemm nuqqas sinifikanti, u għalhekk l-UE qed tinvesti b'mod attiv fl-iżvilupp tal-ħiliet fiċ-ċibersigurtà.

Il-programm tal-2030 dwar id-deċennju diġitali jappoġġa l-investimenti f'oqsma ewlenin bħall-computing ta' prestazzjoni għolja, l-infrastruttura u s-servizzi tad-data komuni, il-blockchain, il-proċessuri b'konsum baxx tal-enerġija, il-varar pan-Ewropew ta' kurituri 5G, sħubijiet ta' teknoloġija avvanzata għall-ħiliet diġitali, infrastruttura kwantistika, network siguri taċ-ċentri taċ-ċibersigurtà, amministrazzjoni pubblika diġitali, faċilitajiet tal-ittestjar u ċentri ta' innovazzjoni diġitali.

Ċentru ta' kompetenza fil-qasam taċ-ċibersigurtà

F'April 2021, il-Kunsill adotta r-regolament li jistabbilixxi ċ-Ċentru Ewropew ta' Kompetenza Industrijali, Teknoloġika u tar-Riċerka fil-qasam taċ-Ċibersigurtà f'Bucharest, ir-Rumanija, appoġġat minn network ta' ċentri nazzjonali ta' koordinazzjoni.

Iċ-ċentru għandu l-għan li:

  • ikompli jtejjeb ir-reżiljenza ċibernetika
  • jikkontribwixxi għall-użu tal-aħħar teknoloġija taċ-ċibersigurtà
  • jappoġġa n-negozji l-ġodda taċ-ċibersigurtà u l-SMEs
  • isaħħaħ ir-riċerka u l-innovazzjoni fil-qasam taċ-ċibersigurtà
  • jikkontribwixxi biex titneħħa d-diskrepanza fil-ħiliet fil-qasam taċ-ċibersigurtà
A hand holding a smartphone in front of a laptop screen with a target symbol and surrounded by circuit lines, a warning icon and a padlock.

Ċibersigurtà

A hand holding a key towards a padlock icon on a smartphone screen, with a watchful eye and question and exclamation marks.

Kif l-UE tiġġieled iċ-ċiberkriminalità

Id iżżomm smartphone b'ikona tal-password fuq l-iskrin quddiem globu b'insett u simbolu ta' twissija fuqu.

It-theddid ċibernetiku fl-UE: fatti u ċifri

L-aħħar reviżjoni: 2 ta' Diċembru 2024