Skip to content
  • Kunsill tal-Unjoni Ewropea
  • Stqarrija għall-istampa
  • 19 ta' Ġunju 2023 23:05

Il-Kunsill jilħaq qbil dwar partijiet mir-riforma tas-suq tal-elettriku

Illum il-Kunsill qabel dwar il-pożizzjoni tiegħu (approċċ ġenerali) dwar proposta għal regolament dwar l-integrità u t-trasparenza tas-swieq tal-enerġija bl-ingrossa (REMIT). Il-proposta għandha l-għan li tappoġġa kompetizzjoni miftuħa u ġusta fis-swieq Ewropej tal-enerġija bl-ingrossa, billi tipprojbixxi l-kummerċ ibbażat fuq informazzjoni privileġġata u tiskoraġġixxi l-manipulazzjoni tas-suq.

Ebba Busch, Ministru għall-enerġija, in-negozju u l-industrija tal-Iżvezja
Ninsab kuntenta li sibna ftehim dwar ir-regolament tar-REMIT. Huwa parti importanti mir-riforma tas-suq tal-elettriku li ser tiżgura t-trasparenza u l-integrità fis-suq tal-enerġija tal-UE.
Ebba Busch, Ministru għall-enerġija, in-negozju u l-industrija tal-Iżvezja
Ebba Busch, Ministru għall-enerġija, in-negozju u l-industrija tal-Iżvezja

Il-proposta tar-REMIT hija parti minn riforma usa' tat-tfassil tas-suq tal-elettriku tal-UE. Il-partijiet li fadal tar-riforma, li għandhom l-għan li jagħmlu l-prezzijiet tal-elettriku inqas dipendenti fuq prezzijiet volatili tal-fjuwils fossili, iħarsu lill-konsumaturi minn żidiet qawwija fil-prezzijiet, idaħħlu l-użu tal-enerġiji rinnovabbli aktar malajr u jtejbu l-protezzjoni tal-konsumatur, ser jiġu miftiehma fi stadju aktar tard.

Bidliet ewlenin miġjuba mill-Kunsill

Il-Kunsill għamel ir-rekwiżiti għall-parteċipanti tas-suq fl-UE li huma residenti f'pajjiż terz aktar ċari u aktar stretti.

Il-Kunsill qabel li jsaħħaħ ir-rwol tal-Aġenzija għall-Kooperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija (ACER) fl-investigazzjoni ta' każijiet transkonfinali sinifikanti fil-ġlieda kontra l-ksur tar-REMIT.

Il-Kunsill ibbilanċja dawn is-setgħat ġodda billi saħħaħ ir-rwol tal-awtoritajiet regolatorji nazzjonali (ARN) sabiex l-ACER ma teżerċitax is-setgħat investigattivi tagħha jekk l-ARN ikunu qed iwettqu, jew ikunu diġà wettqu, investigazzjoni bbażata fuq l-istess fatti. L-ispezzjonijiet fuq il-post isiru f'koordinazzjoni u kooperazzjoni mill-qrib mal-awtoritajiet nazzjonali b'ċerti kundizzjonijiet.

Il-Kunsill żied ukoll il-flessibbiltà fil-ħruġ ta' multi amministrattivi mill-istati membri. Inkluda lista ta' kriterji biex jiġu stabbiliti l-multi u ta l-possibbiltà lill-istati membri li jistabbilixxu multi aktar baxxi.

Il-passi li jmiss

L-approċċ ġenerali ser iservi bħala mandat għan-negozjati mal-Parlament Ewropew dwar il-forma finali tal-leġiżlazzjoni. L-eżitu tan-negozjati jkollu jiġi adottat formalment mill-Kunsill u mill-Parlament.

It-test tal-approċċ ġenerali ser ikun disponibbli aktar tard.

Kuntest

Ir-riforma tat-tfassil tas-suq tal-elettriku tipproponi li tiġi emendata l-leġiżlazzjoni rilevanti dwar is-suq tal-elettriku u li tissaħħaħ il-protezzjoni tal-Unjoni kontra l-manipulazzjoni tas-suq permezz ta' titjib fil-monitoraġġ u t-trasparenza (REMIT).

Il-Kummissjoni adottat il-proposti dwar ir-riforma tat-tfassil tas-suq tal-elettriku tal-UE fl-14 ta' Marzu 2023.

Ara l-paġna tal-laqgħa

Kuntatti għall-istampa

Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.

L-aħħar reviżjoni: 16 ta' Jannar 2025