"Il-cookies jintużaw biex intejbu l-esperjenza ta' navigazzjoni tiegħek. Il-cookies meħtieġa huma neċessarji biex jappoġġaw karatteristiċi essenzjali tas-sit web tal-Kunsill. Il-cookies fakultattivi jgħinuna nipproduċu rapporti statistiċi anonimi u aggregati biex naqdu aħjar il-ħtiġijiet tiegħek.
Is-sigurtà u l-libertà tan-navigazzjoni fil-Baħar l-Aħmar: il-Kunsill iniedi l-EUNAVFOR ASPIDES
Illum il-Kunsill nieda l-operazzjoni EUNAVFOR ASPIDES. L-objettiv ta' din l-operazzjoni difensiva tas-sigurtà marittima hu li tirrestawra u tissalvagwardja l-libertà tan-navigazzjoni fil-Baħar l-Aħmar u fil-Golf.
Bit-tnedija tal-EUNAVFOR ASPIDES, l-Unjoni Ewropea qed twieġeb malajr għall-ħtieġa li jerġgħu jiġu stabbiliti s-sigurtà marittima u l-libertà tan-navigazzjoni f'kuritur marittimu strateġiku ħafna. L-operazzjoni ser ikollha rwol ewlieni fis-salvagwardja tal-interessi kummerċjali u ta' sigurtà, fl-interess tal-UE u tal-komunità internazzjonali b'mod ġenerali.
Josep Borrell, Rappreżentant Għoli għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà
L-operazzjoni ASPIDES ser tiżgura preżenza navali tal-UE fiż-żona fejn bosta attakki mill-Houthi kellhom fil-mira bastimenti kummerċjali internazzjonali sa minn Ottubru 2023. F'kooperazzjoni mill-qrib ma' sħab internazzjonali tal-istess fehma, l-ASPIDES ser tikkontribwixxi għas-salvagwardja tas-sigurtà marittima u tiżgura l-libertà tan-navigazzjoni, speċjalment għall-bastimenti merkantili u kummerċjali. Fi ħdan il-mandat difensiv tagħha, l-operazzjoni ser tipprovdi għarfien tas-sitwazzjoni marittima, takkumpanja l-bastimenti, u tipproteġihom kontra attakki possibbli fuq il-baħar fuq diversi dominji.
L-operazzjoni ser tkun attiva tul il-linji marittimi ewlenin ta' komunikazzjoni fl-Istrett ta' Baab al-Mandab u l-Istrett ta' Hormuz, kif ukoll fl-ilmijiet internazzjonali fil-Baħar l-Aħmar, il-Golf ta' Aden, il-Baħar Għarbi, il-Golf tal-Oman, u l-Golf.
Il-Kmandant tal-Operazzjoni ser ikun il-Komodor Vasileios Gryparis, u l-Kmandant tal-Forza ser ikun il-Viċi Ammirall Stefano Costantino. Il-kwartieri ġenerali tal-operazzjoni ser ikunu bbażati f'Larissa, il-Greċja.
L-operazzjoni ASPIDES ser tikkoordina mill-qrib mal-EUNAVFOR ATALANTA biex tikkontribwixxi għas-sigurtà marittima fil-Punent tal-Oċean Indjan u fil-Baħar l-Aħmar, kif ukoll ma' sħab tal-istess fehma li jikkontribwixxu għas-sigurtà marittima fiż-żona ta' operazzjoni tagħha.
Informazzjoni ġenerali
Minn Ottubru 2023 'l hawn, bosta attakki mill-Houthi kellhom fil-mira bastimenti fil-Baħar l-Aħmar, il-Golf tal-Aden, il-Baħar Għarbi u l-Golf tal-Oman. Attakki bħal dawn jipperikolaw il-ħajja ta' persuni ċivili fuq bastimenti merkantili u kummerċjali, u jikkostitwixxu ksur tal-libertà fl-ibħra miftuħa u tad-dritt ta' tranżitu fl-istretti użati għan-navigazzjoni internazzjonali minquxa fil-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar.
Fl-10 ta' Jannar 2024, il-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU adotta r-Riżoluzzjoni 2722 (2024), li tikkundanna bl-aktar mod qawwi l-attakki mill-Houthi fuq bastimenti merkantili u kummerċjali; tenfasizza l-importanza tal-eżerċizzju tad-drittijiet u l-libertajiet tan-navigazzjoni tal-bastimenti tal-istati kollha fil-Baħar l-Aħmar, inkluż għall-bastimenti merkantili u kummerċjali li jgħaddu mill-Istrett ta' Baab al Mandab. F'konformità mad-dritt internazzjonali, il-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU talab il-waqfien immedjat tal-attakki mill-Houthi, u afferma li l-eżerċizzju tad-drittijiet u l-libertajiet tan-navigazzjoni minn bastimenti merkantili u kummerċjali, f'konformità mad-dritt internazzjonali, irid jiġi rispettat, b'kont meħud tad-dritt tal-istati membri, f'konformità mad-dritt internazzjonali, li jiddefendu l-bastimenti tagħhom minn attakki, inkluż dawk li jimminaw id-drittijiet u l-libertajiet tan-navigazzjoni.
Fid-29 ta' Jannar 2024, il-Kunsill approva Kunċett ta' Maniġġar ta' Kriżi għal operazzjoni possibbli ta' sigurtà marittima tal-Unjoni Ewropea biex tissalvagwarda l-libertà tan-navigazzjoni fir-rigward tal-kriżi fil-Baħar l-Aħmar, b'durata inizjali ta' sena minn meta titnieda. L-operazzjoni ġiet stabbilita formalment fit-8 ta' Frar 2024.