Skip to content

Faċilità Ewropea għall-Paċi

Il-Faċilità Ewropea għall-Paċi (EPF) hija strument li għandu l-għan li jsaħħaħ il-kapaċità tal-UE li tipprevjeni l-kunflitti, tibni u tippreserva l-paċi u ssaħħaħ is-sigurtà u l-istabbiltà internazzjonali.

Stabbiliment tal-Faċilità Ewropea għall-Paċi

Fit-22 ta' Marzu 2021, il-Kunsill adotta deċiżjoni li tistabbilixxi l-Faċilità Ewropea għall-Paċi.

X'inhi l-Faċilità Ewropea għall-Paċi?

Il-Faċilità Ewropea għall-Paċi hija strument li għandu l-għan li jsaħħaħ il-kapaċità tal-UE li:

  • tipprevjeni l-konflitti
  • tibni u tippreserva l-paċi
  • issaħħaħ is-sigurtà u l-istabbiltà internazzjonali

F'era ta' theddid kumpless għas-sigurtà, il-Faċilità Ewropea għall-Paċi tespandi l-kapaċità tal-UE li tipprovdi sigurtà għaċ-ċittadini u s-sħab tagħha. Timmassimizza l-impatt, l-effettività u s-sostenibbiltà tal-azzjoni esterna ġenerali tal-UE fil-paċi u s-sigurtà.

L-EPF issostitwiet u kabbret l-istrumenti finanzjarji preċedenti f'dan il-qasam, jiġifieri l-Mekkaniżmu Athena u l-Faċilità għall-Paċi fl-Afrika.

Elmu, fergħa ta' siġra taż-żebbuġ u l-istilel tal-UE f'ċirku.

Kif taħdem il-Faċilità Ewropea għall-Paċi?

Il-Faċilità Ewropea għall-Paċi topera permezz ta' missjonijiet u operazzjonijiet, kif ukoll permezz ta' miżuri ta' assistenza għall-benefiċċju ta' pajjiżi sħab u organizzazzjonijiet reġjonali u internazzjonali. Dawn il-miżuri jistgħu jinkludu l-forniment ta':

  • tagħmir marbut mal-qasam militari u tad-difiża
  • infrastruttura
  • appoġġ tekniku

L-EPF topera f'konformità mad-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-dritt umanitarju internazzjonali.

X'inhu l-baġit tal-Faċilità Ewropea għall-Paċi?

Il-Faċilità Ewropea għall-Paċi hija fond b'valur ta' aktar minn €17-il biljun iffinanzjat barra mill-baġit tal-UE għal perjodu ta' seba' snin (2021-2027), b'mekkaniżmu uniku biex jiffinanzja l-azzjonijiet kollha taħt il-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni (PESK) f'oqsma militari u ta' difiża.

Meta nħolqot f'Marzu 2021, l-EPF kellha limitu massimu finanzjarju inizjali ta' €5.69 biljun fi prezzijiet attwali.

Il-Kunsill żied il-limitu massimu finanzjarju f'Marzu 2023 (bi €2.29 biljun), f'Ġunju 2023 (b'€4.06 biljun) u f'Marzu 2024 (b'€5 biljun). Iż-żieda ta' Marzu 2024 hija Fond ta' Assistenza għall-Ukrajna ddedikat fil-Faċilità Ewropea għall-Paċi.

Il-kontribuzzjonijiet mill-istati membri ser jiġu ddeterminati abbażi ta' koeffiċjent tad-distribuzzjoni tal-introjtu nazzjonali gross (ING).

Verżjoni testwali
  • Marzu 2021 (baġit inizjali): €5.7 biljun
  • Marzu 2023 (l-ewwel żieda): €2.3 biljun
  • Ġunju 2023 (it-tieni żieda): €4.1 biljun
  • Marzu 2024 (it-tielet żieda): €5 biljun

Appoġġ tal-UE għall-Ukrajna

Bejn l-2022 u l-2024, l-UE mmobilizzat €6.1 biljun fil-qafas tal-Faċilità Ewropea għall-Paċi biex tindirizza l-ħtiġijiet urġenti fil-qasam militari u tad-difiża tal-Ukrajna.

Barra minn hekk, f'Marzu 2024, l-UE ddeċidiet li żżid il-limitu massimu finanzjarju tal-Faċilità Ewropea għall-Paċi b'€5 biljun, billi tistabbilixxi Fond ta' Assistenza għall-Ukrajna apposta. Dan iġib l-appoġġ finanzjarju totali allokat permezz tal-Faċilità Ewropea għall-Paċi għal €11.1 biljun.

In-Norveġja appoġġat il-miżuri tal-UE b'kontribuzzjoni ta' NOK 250 miljun (madwar €22 miljun).

Il-miżuri ta' assistenza maqbula taħt il-Faċilità Ewropea għall-Paċi jiffinanzjaw il-forniment ta' tagħmir u provvisti militari letali u mhux letali, bħal tagħmir protettiv personali, kits tal-ewwel għajnuna, fjuwil, munizzjon u missili.

Fl-2022, l-UE nediet il-Missjoni ta' Assistenza Militari b'appoġġ għall-Ukrajna (EUMAM Ukraine). Il-missjoni għandha l-għan li ssaħħaħ il-kapaċitajiet u r-reżiljenza tal-forzi armati Ukreni u tipproteġi l-popolazzjoni ċivili mill-aggressjoni militari Russa li għaddejja bħalissa.

Pilastri

Il-Faċilità Ewropea għall-Paċi tinkludi żewġ pilastri ta' finanzjament fi strument uniku, u b'hekk tissimplifika l-proċeduri tat-teħid tad-deċiżjonijiet, u ġġib aktar għaqda u koerenza għall-azzjonijiet tal-UE f'dan il-kuntest: il-pilastru tal-operazzjonijiet u l-pilastru tal-miżuri ta' assistenza.

Pilastru tal-operazzjonijiet

Il-pilastru tal-operazzjonijiet jiffinanzja l-ispejjeż komuni tal-missjonijiet u l-operazzjonijiet tal-Politika ta' Sigurtà u ta' Difiża Komuni (PSDK) - li jkollhom implikazzjonijiet militari jew ta' difiża - f'konformità mal-artikoli 42(4) u 43(2) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea.

Pilastru tal-miżuri ta' assistenza

Il-pilastru tal-miżuri ta' assistenza jiffinanzja miżuri ta' assistenza f'pajjiżi mhux tal-UE u organizzazzjonijiet reġjonali jew internazzjonali, f'konformità mal-artikoli 28 u 30 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. L-azzjonijiet iffinanzjati taħt dan il-pilastru għandhom l-għan li:

  • isaħħu l-kapaċitajiet militari u ta' difiża
  • jappoġġaw l-aspetti militari tal-operazzjonijiet ta' appoġġ għall-paċi

Governanza

Il-Faċilità Ewropea għall-Paċi topera taħt l-awtorità u d-direzzjoni ta' Kumitat tal-Faċilità, magħmul minn rappreżentanti ta' kull stat membru tal-UE, ippresedut minn rappreżentant tal-presidenza tal-Kunsill.

Il-Kumitat iltaqa' għall-ewwel darba fil-21 ta' April 2021 u huwa responsabbli, fost l-oħrajn, mill-adozzjoni tal-baġit annwali tal-Faċilità Ewropea għall-Paċi, u mir-regoli ta' implimentazzjoni li jirregolaw in-nefqa taħt l-EPF.

Il-Faċilità Ewropea għall-Paċi hija ġestita minn:

  • amministratur għall-operazzjonijiet
  • il-kmandant tal-operazzjonijiet ta' kull operazzjoni u missjoni
  • amministratur għall-miżuri ta' assistenza
  • l-uffiċjali tal-kontabilità għaż-żewġ pilastri

Fl-20 ta' Ottubru 2021, il-Kumitat tal-Faċilità qabel dwar ir-regoli ta' proċedura tiegħu.

Operazzjonijiet

L-istati membri kollha tal-UE jikkontribwixxu fil-prinċipju għall-finanzjament tal-operazzjonijiet militari taħt il-Politika ta' Sigurtà u ta' Difiża Komuni. Hemm 8 missjonijiet u operazzjonijiet militari tal-UE attivi u missjoni ċivili-militari waħda li bħalissa jibbenefikaw minn finanzjament tal-EPF.

Operazzjonijiet militari attivi tal-UE ffinanzjati mill-Faċilità Ewropea għall-Paċi

Verżjoni testwali
  • Missjoni ta' Assistenza Militari fil-Mozambique (EUMAM MOZAMBIQUE)
  • Missjoni ta' Assistenza Militari b'Appoġġ għall-Ukrajna (EUMAM UKRAINE)
  • Operazzjoni Militari fil-Bożnija-Ħerzegovina (EUFOR ALTHEA)
  • Operazzjoni Militari fil-Mediterran (EUNAVFOR MED IRINI)
  • Operazzjoni Militari għall-Kontribut għas-Sigurtà Marittima fil-Punent tal-Oċean Indjan u fil-Baħar l-Aħmar (EUNAVFOR ATALANTA)
  • Operazzjoni ta' Sigurtà Marittima biex tiġi Ssalvagwardata l-Libertà ta' Navigazzjoni b'Rabta mal-Kriżi tal-Baħar l-Aħmar (EUNAVFOR ASPIDES)
  • Missjoni ta' Taħriġ fis-Somalja (EUTM SOMALIA)
  • Missjoni ta' Taħriġ fir-Repubblika Ċentru-Afrikana (EUTM RCA)
  • Inizjattiva ta' sigurtà u difiża fil-Golf tal-Guinea (EU SDI GoG)

Kamp ta' applikazzjoni tal-operazzjonijiet taħt il-Faċilità Ewropea għall-Paċi

Perċentwal kbir tal-ispejjeż assoċjati mal-operazzjonijiet militari taħt il-Politika ta' Sigurtà u ta' Difiża Komuni għandhom jiġġarrbu mill-istati membri tal-UE (u pajjiżi terzi) li jipparteċipaw f'operazzjoni, f'konformità mal-prinċipju ''kull parti ġġarrab l-ispejjeż tagħha stess''.

Diversi spejjeż huma ffinanzjati b'mod komuni mill-pajjiżi tal-UE permezz tal-pilastru tal-operazzjonijiet. Il-lista sħiħa ta' spejjeż komuni hija inkluża fl-Annessi II sa V tad-deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-istabbiliment tal-Faċilità Ewropea għall-Paċi.

Bħala eżempju, l-ispejjeż li ġejjin huma dejjem iffinanzjati b'mod komuni:

  • spejjeż ta' implimentazzjoni u tħaddim tal-kwartieri ġenerali, inkluż l-ivvjaġġar, is-sistemi tal-IT, l-amministrazzjoni, l-informazzjoni pubblika, il-persunal ikkuntrattat lokalment, il-kwartieri ġenerali tal-forza, l-iskjerament u l-akkomodazzjoni
  • appoġġ għall-forza kollha kemm hi, l-infrastruttura, is-servizzi mediċi, l-evakwazzjoni medika, l-immarkar ta' identifikazzjoni u l-immaġnijiet satellitari
  • ħlas lura lin-/min-NATO jew organizzazzjonijiet oħra bħan-NU
  • spejjeż speċifiċi għall-iskjerament jew ir-riskjerament ta' grupp tattiku tal-UE

Jekk il-Kunsill jiddeċiedi hekk, il-Faċilità Ewropea għall-Paċi tista' tiffinanzja wkoll spejjeż marbutin mat-trasport u l-akkomodazzjoni tal-forzi, u kwartieri ġenerali multinazzjonali taħt il-livell tal-kwartieri ġenerali tal-forza.

Il-Kunsill jista' jiddetermina wkoll, f'deċiżjonijiet li jistabbilixxu jew jestendu operazzjonijiet, li ċerti spejjeż inkrimentali (flimkien ma' dawk li jikkwalifikaw bħala spejjeż komuni f'dak iż-żmien) għandhom jitqiesu bħala spejjeż komuni għal operazzjoni partikolari.

Fuq talba tal-kmandant tal-operazzjoni u bl-approvazzjoni mill-Kumitat tal-Faċilità, l-EPF tista' tiffinanzja wkoll dawn li ġejjin:

  • kwartieri u akkomodazzjoni/infrastruttura, tagħmir addizzjonali essenzjali, servizzi mediċi, kisba ta' informazzjoni (intelligence fil-livell taż-żona tal-operazzjonijiet, rikonjizzjoni u sorveljanza, inkluż sorveljanza u rikonjizzjoni tal-art mill-ajru u intelligence umana)
  • mezzi kritiċi oħra fil-livell taż-żona tal-operazzjonijiet (tneħħija ta' mini, protezzjoni kimika, bijoloġika, radjoloġika, u nukleari, ħażna u qerda ta' armi)

L-operazzjonijiet taħt il-Faċilità Ewropea għall-Paċi jistgħu wkoll jiffinanzjaw minn qabel u jiġġestixxu ċerta nefqa b'rabta ma' operazzjoni ("spejjeż imħallsa min-nazzjonijiet"), filwaqt li tibqa' r-responsabbiltà tal-istat membru kkonċernat. L-ispejjeż imħallsa min-nazzjonijiet jistgħu jinkludu l-akkomodazzjoni, il-fjuwil, u spejjeż simili marbuta mal-kontinġenti nazzjonali. Dawn jiġu rimborżati aktar tard mill-istati membri benefiċjarji.

Monitoraġġ u konformità

Il-Faċilità Ewropea għall-Paċi tiżgura valutazzjoni tar-riskju adegwata u miżuri ta' mitigazzjoni f'konformità mad-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem, id-dritt umanitarju internazzjonali u l-liġijiet tal-UE dwar l-esportazzjoni tal-armi.

Timmonitorja wkoll ir-rispett tad-dritt internazzjonali u l-impenji mill-benefiċjarju u tippermetti lis-soċjetà ċivili tirrapporta dwar ksur tad-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem u tad-dritt umanitarju internazzjonali.

L-assistenza taħt l-EPF tista' tiġi sospiża jew itterminata fi kwalunkwe ħin mill-Kunsill f'każ ta' ksur u/jew abbuż.

Regoli ta' implimentazzjoni

Wara l-istabbiliment tal-Faċilità Ewropea għall-Paċi, fit-30 ta' Ġunju 2021 il-Kumitat tal-Faċilità adotta r-regoli għall-implimentazzjoni tan-nefqa ffinanzjata taħt l-EPF. Ir-regoli ġew emendati parzjalment fl-20 ta' Lulju 2022 u fit-30 ta' Novembru 2022.

Regoli għall-protezzjoni tad-data

Fid-19 ta' Ġunju 2024, il-Kumitat tal-Faċilità adotta r-regoli ta' implimentazzjoni dwar l-ipproċessar ta' data personali mill-Faċilità Ewropea għall-Paċi.

Aċċess għad-dokumenti miżmuma mill-Faċilità Ewropea għall-Paċi

Meta jitolbu aċċess għal dokumenti miżmuma mill-Faċilità Ewropea għall-Paċi, dawk li jagħmlu t-talba għandhom iqisu li hemm żewġ pilastri (operazzjonijiet u miżuri ta' assistenza), kif deskritt hawn fuq.

Il-Kummissjoni Ewropea taġixxi bħala l-amministratur għall-miżuri ta' assistenza permezz tas-Servizz tal-Istrumenti tal-Politika Barranija.

Regoli għall-aċċess pubbliku għad-dokumenti f'konformità mad-deċiżjoni tal-Kumitat tal-Faċilità tat-13 ta' Lulju 2022:

Għal dokumenti li jikkonċernaw il-pilastru tal-operazzjonijiet tal-Faċilità Ewropea għall-Paċi, fittex fir-reġistru tal-Kunsill:

Jekk id-dokument ma jkunx jista' jinstab, ibgħat talba permezz tal-ħolqa li ġejja:

Għal dokumenti li jikkonċernaw il-pilastru tal-miżuri ta' assistenza fittex fir-reġistru tal-Kummissjoni Ewropea:

Jekk id-dokument ma jkunx jista' jinstab, ibgħat talba għal informazzjoni permezz ta' din il-paġna web:

Ara wkoll

Missjonijiet u operazzjonijiet ċivili u militari

Missjonijiet u operazzjonijiet ċivili u militari

Sħubijiet għas-sigurtà u d-difiża

Sħubijiet għas-sigurtà u d-difiża

Prontezza tad-difiża Ewropea

Prontezza tad-difiża Ewropea

L-aħħar reviżjoni: 4 ta' Diċembru 2024