Skip to content
  • Kunsill Ewropew
  • Dikjarazzjoni u kummenti
  • 23 ta' Frar 2024 15:30

Dikjarazzjoni konġunta mill-President tal-Kunsill Ewropew, il-President tal-Kummissjoni Ewropea u l-President tal-Parlament Ewropew

Illum infakkru anniversarju traġiku: dak tal-gwerra ta' aggressjoni fuq skala kbira tar-Russja kontra l-Ukrajna bi ksur evidenti tad-dritt internazzjonali u tal-Karta tan-NU. Sentejn ta' vjolenza, brutalità, terrur u qerda. Qatt m'għandna ninsew ix-xokk inizjali tal-attakk, l-orrur tal-avvenimenti f'Borodianka, f'Bucha, f'Mariupol.

Madankollu, minkejja l-atroċitajiet kollha li għadhom qed isiru u t-tbatija kollha kkawżata fil-pajjiż kollu, l-Ukrajna tinsab soda. Il-poplu erojku Ukren qed juri forza u determinazzjoni fid-difiża ta' art twelidu u fil-ġlieda għal-libertà tiegħu u għall-valuri Ewropej kondiviżi tagħna.

L-Unjoni Ewropea dejjem ser tappoġġa l-indipendenza, is-sovranità u l-integrità territorjali tal-Ukrajna, fil-fruntieri rikonoxxuti internazzjonalment tagħha. L-annessjoni illegali tal-Krimea u Sevastopol 10 sena ilu timmarka l-bidu tal-aggressjoni sostnuta tar-Russja kontra l-Ukrajna.

Ir-Russja u t-tmexxija tagħha huma l-uniċi responsabbli għal din il-gwerra u l-konsegwenzi globali tagħha, kif ukoll għad-delitti serji mwettqa. Aħna nibqgħu determinati li nżommuhom responsabbli, inkluż għad-delitt ta' aggressjoni.

Kuljum, l-Ukrajna qed tiffaċċja l-attakki kontinwi, brutali u indiskriminati tal-aggressur tagħha. Aktar minn qatt qabel, nibqgħu magħqudin u leali għall-wegħda tagħna li nappoġġaw lill-Ukrajna sakemm ikun hemm bżonn. Għall-poplu tal-Ukrajna, għall-paċi u s-sigurtà fl-Ewropa u biex jipprevali l-ordni internazzjonali bbażat fuq ir-regoli.

L-Unjoni Ewropea ser tkompli bl-appoġġ politiku, militari, finanzjarju, ekonomiku, diplomatiku u umanitarju qawwi u sod tagħha biex tgħin lill-Ukrajna tiddefendi ruħha, tipproteġi lill-poplu tagħha, lill-bliet tagħha u lill-infrastruttura kritika tagħha, terġa' tikseb l-integrità territorjali tagħha, iġġib lura l-eluf ta' tfal deportati, u ttemm il-gwerra.

L-Unjoni Ewropea ddeċidiet li tiftaħ negozjati mal-Ukrajna dwar l-adeżjoni u ser tgħinha fi triqitha lejn sħubija fl-UE. Il-futur tal-Ukrajna jinsab fi ħdan l-Unjoni Ewropea. L-Unjoni Ewropea ser tkompli tipprovdi lill-Ukrajna b'appoġġ finanzjarju regolari u prevedibbli. Il-pakkett ta' assistenza finanzjarja ta' EUR 50 biljun għall-2024-2027 ser jgħin lill-Ukrajna tissodisfa l-ħtiġijiet immedjati tagħha, tibni mill-ġdid l-ekonomija u s-soċjetà tagħha, timmodernizza l-istituzzjonijiet tagħha u tikkonsolida d-demokrazija u l-istat tad-dritt.

Aħna ser inkomplu nindirizzaw il-ħtiġijiet urġenti tal-Ukrajna fil-qasam militari u tad-difiża, inkluż il-konsenji ta' munizzjon u missili meħtieġa b'mod urġenti. Ħadna azzjonijiet mingħajr preċedent fil-livell tal-UE biex inżidu l-produzzjoni tal-industrija tad-difiża Ewropea, u ser inkomplu nżidu l-kapaċità, li ser tippermettilna nżidu l-appoġġ militari u l-kooperazzjoni tagħna mal-Ukrajna filwaqt li fl-istess ħin insaħħu t-tħejjija tagħna fil-qasam tad-difiża kif ukoll is-sovranità Ewropea. Qed naħdmu wkoll fuq impenji futuri fil-qasam tas-sigurtà li ser jgħinu lill-Ukrajna tiddefendi ruħha, tirreżisti l-isforzi ta' destabbilizzazzjoni u tiskoraġġixxi atti ta' aggressjoni fil-futur.i

Ir-Russja u l-mexxejja tagħha ser iħallsu prezz dejjem akbar għall-azzjonijiet tagħhom. Flimkien mas-sħab, imponejna sanzjonijiet bla preċedent kontra r-Russja u dawk kompliċi fil-gwerra u nibqgħu lesti li nżidu l-pressjoni fuq ir-Russja biex tillimita l-kapaċità tagħha li tagħmel gwerra. Ħadna wkoll l-ewwel passi konkreti biex nidderieġu dħul straordinarju li jirriżulta mill-assi immobilizzati Russi biex nappoġġaw lill-Ukrajna. Ser inkomplu bl-azzjonijiet immirati tagħna biex niżolaw aktar lir-Russja f'fora internazzjonali.

Nappoġġaw il-Formula ta' Paċi tal-Ukrajna għal paċi ġusta, komprensiva u dejjiema bbażata fuq il-prinċipji tal-Karta tan-NU u tad-dritt internazzjonali kif ukoll l-isforzi kollha lejn Summit Globali dwar il-Paċi bl-akbar appoġġ internazzjonali possibbli.

Illum, il-bnadar tagħna ser ikunu qed itiru maġenb xulxin bħala simbolu tas-solidarjetà, l-impenn u d-determinazzjoni tagħna.


i L-appoġġ militari u l-impenji fil-qasam tas-sigurtà ser jiġu pprovduti b'rispett sħiħ għall-politika ta' sigurtà u ta' difiża ta' ċerti Stati Membri u b'kont meħud tal-interessi fil-qasam tas-sigurtà u tad-difiża tal-Istati Membri kollha.

Kuntatti għall-istampa

Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.

L-aħħar reviżjoni: 3 ta' Marzu 2025