- Kunsill tal-Unjoni Ewropea
- Stqarrija għall-istampa
- 11 ta' Marzu 2024 14:55
L-UE tintroduċi regoli ġodda dwar it-trasparenza u l-immirar tar-reklamar politiku
Illum il-Kunsill adotta regolament ġdid dwar it-trasparenza u l-immirar tar-reklamar politiku, bl-għan li jiġġieled kontra l-manipulazzjoni tal-informazzjoni u interferenza minn barranin fl-elezzjonijiet.
Ir-regolament ser jagħmilha faċli għaċ-ċittadini biex jagħrfu r-reklami politiċi, jifhmu min jinsab warajhom u jkunu jafu jekk irċevewx reklam immirat, sabiex ikunu f'pożizzjoni aħjar biex jagħmlu għażliet infurmati. Ser jiżgura wkoll li r-reklamar politiku jsir b'rispett sħiħ tad-dritt għall-privatezza u li l-libertà tal-opinjoni u l-libertà tal-espressjoni jiġu protetti.
Elementi ewlenin tar-regolament il-ġdid
Ir-regoli l-ġodda jkopru t-trasparenza u l-immirar tar-reklamar politiku fir-rigward ta' elezzjoni, referendum, jew proċess leġiżlattiv fil-livell tal-UE jew fi stat membru. La jaffettwaw il-kontenut tar-reklami politiċi u lanqas aspetti oħra tar-reklamar politiku, bħat-twettiq ta' kampanji politiċi, li jibqgħu soġġetti għar-regoli nazzjonali speċifiċi tal-istati membri.
Il-kontenut taħt ir-responsabbiltà editorjali, kif ukoll il-fehmiet espressi f'kapaċità personali, mhumiex koperti.
Skont ir-regoli:
- Ir-reklami politiċi jridu jkunu disponibbli b'tikketta ta' trasparenza u avviż ta' trasparenza li jista' jiġi rkuprat faċilment. Dawn iridu jidentifikaw b'mod ċar ir-reklami politiċi bħala tali u jipprovdu xi informazzjoni ewlenija dwarhom, inkluż l-isponsor tagħhom, l-elezzjoni jew ir-referendum li magħhom huma marbuta, l-ammonti mħallsa, u kwalunkwe użu ta' tekniki ta' mmirar.
- L-immirar tar-reklamar politiku online ser ikun permess biss taħt kundizzjonijiet stretti. Id-data trid tinġabar mis-suġġett tad-data u tista' tintuża biss wara li s-suġġett tad-data jkun ta kunsens espliċitu u separat għall-użu tagħha għar-reklamar politiku. Kategoriji speċjali ta' data personali, bħal data li tiżvela oriġini razzjali jew etnika jew opinjonijiet politiċi, ma jistgħux jintużaw għat-tfassil ta' profil.
- Sabiex tiġi evitata l-interferenza barranija, ser ikun hemm projbizzjoni fuq il-forniment ta' servizzi ta' reklamar lil sponsors ta' pajjiżi terzi tliet xhur qabel elezzjoni jew referendum.
Il-passi li jmiss
Issa r-regolament ser jiġi ffirmat, ippubblikat fil-Ġurnal uffiċjali tal-UE u jidħol fis-seħħ 20 jum wara. Il-biċċa l-kbira tad-dispożizzjonijiet tiegħu ser jibdew japplikaw 18-il xahar wara d-dħul fis-seħħ tar-regolament, jiġifieri fil-ħarifa tal-2025.
Kuntatti għall-istampa
-
Dimosthenis Mammonas Press officer
- +32 477 61 20 77
- +32 2 281 2504
- @dimos_mammonas
Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.
L-aħħar reviżjoni: 3 ta' Frar 2025