Skip to content
  • Kunsill Impjiegi, Politika Soċjali, Saħħa u Affarijiet tal-Konsumatur

Kunsill Impjiegi, Politika Soċjali, Saħħa u Affarijiet tal-Konsumatur (Impjiegi u politika soċjali), 11 ta' Marzu 2024

Riżultati prinċipali

Xogħol fuq il-pjattaformi

Il-ministri għall-impjiegi u l-affarijiet soċjali approvaw il-ftehim li ntlaħaq mal-Parlament Ewropew dwar id-direttiva dwar ix-xogħol fuq il-pjattaformi. Din il-liġi ġdida għandha l-għan li ttejjeb il-kundizzjonijiet tax-xogħol għall-ħaddiema tal-pjattaformi u li tirregola l-użu tal-algoritmi mill-pjattaformi tax-xogħol diġitali.

Dan huwa l-ewwel att leġiżlattiv tal-UE li qatt sar biex jirregola l-ġestjoni algoritmika fuq il-post tax-xogħol u biex jistabbilixxi standards minimi tal-UE biex jittejbu l-kundizzjonijiet tax-xogħol għal miljuni ta' ħaddiema tal-pjattaformi madwar l-UE. Il-ftehim ikkonfermat illum jibni fuq l-isforzi tal-presidenzi preċedenti tal-Kunsill u jafferma mill-ġdid id-dimensjoni soċjali tal-Unjoni Ewropea. Pierre-Yves Dermagne, Viċi Prim Ministru u Ministru għall-Ekonomija u l-Impjiegi tal-Belġju

Matul id-diskussjoni, il-ministri enfasizzaw kemm hija importanti u f'waqtha d-direttiva l-ġdida, minħabba l-espansjoni rapida ta' teknoloġiji ġodda u modi ta' ħidma. Huma laqgħu wkoll il-flessibbiltà li l-ftehim ta' kompromess jagħti lill-istati membri biex jimplimentaw ir-regoli fil-livell nazzjonali.

Il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali u s-Semestru Ewropew

Il-ministri kellhom dibattitu ta' orjentazzjoni dwar l-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali fil-qafas tas-Semestru Ewropew u l-aġenda soċjali futura.

Matul id-diskussjoni, huma enfasizzaw ir-rwol vitali tal-Pilastru bħala boxxla għall-politika soċjali tal-UE u ġibdu l-attenzjoni għall-isfidi kontinwi bħall-adattament għat-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali, ix-xejriet demografiċi, ir-riskji għall-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata, id-disponibbiltà ta' akkomodazzjoni affordabbli, u l-għoli tal-ħajja.

Huma enfasizzaw ukoll oqsma ewlenin ta' enfasi għall-futur, inkluż it-titjib tal-ħiliet u t-taħriġ mill-ġdid, iż-żieda fil-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol (speċjalment il-gruppi vulnerabbli), it-tisħiħ tad-djalogu soċjali, l-indirizzar tal-inugwaljanza, it-tisħiħ tal-konverġenza soċjali 'l fuq, u l-ġlieda kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali.

Fl-aħħar nett, diversi ministri tkellmu biex jilqgħu d-dibattitu ta' orjentazzjoni konġunt li jmiss mal-ministri għall-affarijiet ekonomiċi u finanzjarji dwar l-investimenti soċjali u r-riformi għal ekonomiji reżiljenti, filwaqt li nnotaw il-benefiċċji potenzjali ta' kooperazzjoni msaħħa bejn iż-żewġ konfigurazzjonijiet tal-Kunsill u enfasizzaw li l-politiki soċjali u ekonomiċi huma ż-żewġ naħat tal-istess munita.

Il-Kunsill approva wkoll opinjoni tal-Kumitat tal-Impjiegi (EMCO) u l-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali (KPS) dwar il-prijoritajiet ta' politika futuri tal-UE għall-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali.

Il-presidenza Belġjana ser tieħu kont tal-prijoritajiet ippreżentati mill-ministri u l-opinjoni taż-żewġ Kumitati fit-tħejjija tad-dikjarazzjoni interistituzzjonali li ser tiffirma fil-konferenza ta' La Hulpe mal-istituzzjonijiet tal-UE, is-sħab soċjali u s-soċjetà ċivili.

Il-ministri adottaw ukoll ir-rapport konġunt dwar l-impjiegi (JER) u approvaw il-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-istħarriġ annwali dwar it-tkabbir sostenibbli(ASGS) u l-JER għall-2024. Kemm l-istħarriġ dwar it-tkabbir kif ukoll ir-rapport dwar l-impjiegi huma parti mill-pakkett tal-ħarifa tas-Semestru Ewropew.

Pont għall-Impjiegi – It-tisħiħ tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ

Il-ministri approvaw messaġġi ewlenin mill-EMCO dwar l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjoni tal-Kunsill "Pont għall-Impjiegi – It-tisħiħ tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ". L-għan tar-rakkomandazzjoni, li ġiet adottata fl-2020, kien li tappoġġa aħjar l-impjieg taż-żgħażagħ madwar l-UE.

Investimenti soċjali u riformi għal ekonomiji reżiljenti

Nhar it-Tlieta, 12 ta' Marzu, fil-Kunsill Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji, il-ministri għall-impjiegi u l-affarijiet soċjali ħadu sehem f'dibattitu ta' orjentazzjoni mal-ministri għall-affarijiet ekonomiċi u finanzjarji dwar is-suġġett tal-investimenti soċjali u r-riformi għal ekonomiji reżiljenti.

Il-ministri ddiskutew dawk li qiesu bħala l-effetti pożittivi tar-riformi soċjali u l-investimenti fuq it-tkabbir ekonomiku u s-sostenibbiltà fiskali, u qasmu eżempji ta' riformi reċenti fl-impjiegi u riformi soċjali fil-pajjiżi tagħhom li kkontribwew għal potenzjal ogħla ta' tkabbir. Irriflettew ukoll fuq kif il-kooperazzjoni bejn il-flussi ta' ħidma tal-ECOFIN u tal-EPSCO tista' tissaħħaħ iktar biex jiġi vvalutat aħjar l-impatt tal-investimenti u r-riformi soċjali fuq it-tkabbir ekonomiku, is-sostenibbiltà fiskali u l-koeżjoni soċjali fil-kuntest tas-Semestru Ewropew.

Filwaqt li tenniet l-importanza mogħtija minn għadd ta' delegazzjonijiet lill-valutazzjoni tar-redditi tal-investimenti u r-riformi soċjali, il-presidenza Belġjana ħabbret li biħsiebha tistieden lill-Kumitati tal-Impjiegi u tal-Protezzjoni Soċjali biex jiżviluppaw linji gwida komuni f'dan ir-rigward.

Affarijiet oħra

Il-presidenza Belġjana pprovdiet aġġornament dwar is-sitwazzjoni attwali tad-direttivi dwar il-kard Ewropea tad-diżabilità u l-kard Ewropea għall-parkeġġ għall-persuni b'diżabilità. Flimkien mal-Kummissjoni, il-presidenza Belġjana qasmet informazzjoni dwar is-Summit reċenti tas-Sħab Soċjali f'Val Duchesse u s-Summit Soċjali Tripartitiku li jmiss.

Punti oħra fuq l-aġenda kienu jinkludu l-proposti li jmiss tal-Kummissjoni, avvenimenti reċenti organizzati mill-presidenza Belġjana, u l-programmi ta' ħidma tal-EMCO u l-KPS għall-2024.

Id-delegazzjoni Daniża qasmet informazzjoni dwar ittra lill-Kummissjoni rigward valuri ta'limitu għal sustanzi perikolużi fuq il-post tax-xogħol.

Il-Kunsill adotta wkoll mingħajr diskussjoni l-punti li jidhru fil-listi ta' punti A leġiżlattivi u mhux leġiżlattivi.

Dokumenti tal-laqgħat

Stqarrijiet għall-istampa

Tagħrif għall-istampa

Kuntatti għall-istampa

Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.

Akkreditazzjoni u avvenimenti għall-istampa

Għal informazzjoni ġenerali dwar l-akkreditazzjoni, jekk jogħġbok żur din il-paġna.

L-akkreditazzjoni tal-media għas-summits internazzjonali li jsiru barra mill-Unjoni Ewropea ser tiġi ttrattata mill-awtoritajiet governattivi tal-pajjiż ospitanti.

Kompli segwina

Laqgħat oħra: Kunsill Impjiegi, Politika Soċjali, Saħħa u Affarijiet tal-Konsumatur

Ara laqgħat oħrajn

L-aħħar reviżjoni: 9 ta' Jannar 2025