Skip to content
  • Kunsill tal-Unjoni Ewropea
  • Stqarrija għall-istampa
  • 24 ta' Ġunju 2024 10:35

Għajnuna uffiċjali għall-iżvilupp: l-UE u l-istati membri tagħha jibqgħu l-akbar kontributur dinji

Illum il-Kunsill approva konklużjonijiet dwar il-miri tal-UE ta' għajnuna għall-iżvilupp fit-tlettax-il rapport annwali lill-Kunsill Ewropew, li jikkonferma li l-UE u l-istati membri tagħha żammew il-pożizzjoni tagħhom bħala l-akbar fornitur globali ta' assistenza uffiċjali għall-iżvilupp (ODA). Ir-rapport janalizza x-xejriet fir-rigward tal-impenji lejn l-ODA tal-UE u l-għoti tagħha.

F'xenarju ta' finanzjament dejjem aktar kumpless, li ntlaqat profondament mill-gwerra ta' aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna, il-pandemija tal-COVID-19 u l-impatt tat-tibdil fil-klima, it-telf tal-bijodiversità u t-tniġġis, l-ODA tibqa' sors ewlieni ta' finanzjament għall-ifqar pajjiżi, u għad għandha rwol kruċjali fil-kisba tal-Aġenda 2030.

Fir-rapport tiegħu, il-Kunsill jinnota li fl-2023, l-ODA kollettiva tal-UE laħqet EUR 95.9 biljun, żieda minn EUR 93.3 biljun fl-2022 u EUR 71.6 biljun fl-2021. Din iż-żieda mill-2021 'l hawn turi l-isforzi mġedda tal-UE u tal-istati membri tagħha biex jipprovdu appoġġ lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw u lill-persuni f'sitwazzjonijiet vulnerabbli, permezz ta' approċċ ta' Tim Ewropa.

L-UE u l-istati membri tagħha għalhekk żammew il-pożizzjoni tagħhom bħala l-akbar fornitur globali tal-ODA, b'kontribut li fl-2022 u l-2023 ammonta għal 42% tal-ODA globali, u kkonfermaw ir-rwol tagħhom ta' tmexxija fl-aġenda globali għall-iżvilupp sostenibbli.

Fl-2023, l-ODA kkombinata tal-UE rrappreżentat 0.57% tal-Introjtu Nazzjonali Gross (ING) tal-UE. Għalkemm kien hemm tnaqqis żgħir meta mqabbel mas-sehem tagħha ta' 0.59% tal-ING tal-UE fl-2022, dan xorta għadu ogħla b'mod sinifikanti mis-sehem ta' 0.49% fl-2021 u, infatti, mill-aggregat tal-membri mhux tal-UE tal-Kumitat ta' Għajnuna għall-Iżvilupp, li fl-2023 l-ODA tagħhom kienet tirrappreżenta 0.31% tal-ING tagħhom.

Il-Kunsill jenfasizza li l-UE u l-istati membri tagħha jeħtieġ li urġentement jieħdu azzjoni addizzjonali biex jiksbu kemm il-miri individwali kif ukoll l-impenn kollettiv tal-UE li sal-2030 jipprovdu 0.70% tal-ING bħala ODA, u li sal-2030 jiddedikaw 0.20% tal-ODA tagħha lill-pajjiżi l-anqas żviluppati.

Ara l-paġna tal-laqgħa

Kuntatti għall-istampa

Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.

L-aħħar reviżjoni: 29 ta' Jannar 2025