"Il-cookies jintużaw biex intejbu l-esperjenza ta' navigazzjoni tiegħek. Il-cookies meħtieġa huma neċessarji biex jappoġġaw karatteristiċi essenzjali tas-sit web tal-Kunsill. Il-cookies fakultattivi jgħinuna nipproduċu rapporti statistiċi anonimi u aggregati biex naqdu aħjar il-ħtiġijiet tiegħek.

Żur il-paġna tal-politika tal-cookies tagħna għal aktar informazzjoni u biex tibdel is-settings tiegħek.

български español čeština dansk Deutsch eesti Ελληνικά English français Gaeilge hrvatski italiano latviešu lietuvių magyar Malti Nederlands polski português română slovenčina slovenščina suomi svenska
Skip to content

Kunsill Affarijiet Barranin

Kunsill Affarijiet Barranin, 24 ta' Ġunju 2024

Riżultati ewlenin

L-aggressjoni Russa kontra l-Ukrajna

Il-Kunsill adotta l-14-il pakkett ta' miżuri restrittivi ekonomiċi u individwali immirati lejn setturi ta' valur għoli tal-ekonomija Russa u li jagħmluha aktar diffiċli biex jiġu evitati s-sanzjonijiet tal-UE.

Il-Kunsill Affarijiet Barranin imbagħad iddiskuta l-aggressjoni Russa kontra l-Ukrajna, wara intervent b'vidjokonferenza mill-Ministru għall-Affarijiet Barranin tal-Ukrajna Dmytro Kuleba, li aġġorna lill-kontropartijiet tiegħu tal-UE dwar l-aħħar żviluppi fuq il-post u l-ħtiġijiet l-aktar urġenti tal-Ukrajna.

Id-diskussjoni li segwiet iffokat fuq l-appoġġ militari tal-UE lill-Ukrajna.

Josep Borrell, Rappreżentant Għoli għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà

Jeħtieġ li nipprovdu lill-Ukrajna b'aktar difiżi tal-ajru, b'aktar munizzjon u b'aktar appoġġ għall-iżvilupp tal-kapaċitajiet industrijali tagħha. Putin qed ikompli jattakka, u jimmira prinċipalment lejn l-infrastruttura tal-enerġija. Huwa ċar li Putin irid jagħti prova li l-Ukrajna hija vulnerabbli, u aħna rridu nagħtu prova li ser nappoġġaw lill-Ukrajna.

Josep Borrell, Rappreżentant Għoli għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà

Josep Borrell, Rappreżentant Għoli għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà

Il-ministri laqgħu d-deċiżjoni adottata l-ġimgħa li għaddiet dwar l-użu ta' profitti mhux mistennija minn assi Russi immobilizzati, li ser jiġu allokati għall-Faċilità Ewropea għall-Paċi. Dan ser jippermetti l-operazzjonalizzazzjoni rapida tal-profitti mhux mistennija li jirriżultaw mill-assi Russi immobilizzati fl-Ewropa bħala riżultat tal-miżuri restrittivi għall-benefiċċju tal-Ukrajna. Dan għandu jammonta għal €1.4 biljun disponibbli matul ix-xahar li jmiss.

Ir-Rappreżentant Għoli enfasizza li l-Kunsill kien qed jiffinalizza l-impenji ta' sigurtà tal-UE lill-Ukrajna, u li b'tali deċiżjoni l-UE ser tibgħat messaġġ ċar lir-Russja dwar id-determinazzjoni tagħha li tkompli tappoġġa lill-Ukrajna.

Is-sitwazzjoni fil-Lvant Nofsani

Il-Kunsill Affarijiet Barranin iddiskuta l-iżviluppi fil-Lvant Nofsani, b'enfasi fuq is-sitwazzjoni fuq il-post, inkluż is-sitwazzjoni umanitarja f'Gaża u t-tbatija tal-ostaġġi.

Ir-Rappreżentant Għoli enfasizza li tliet ġimgħat wara li l-President tal-Istati Uniti Biden ippreżenta l-pjan direzzjonali tiegħu għal waqfien mill-ġlied u kien irċieva appoġġ internazzjonali qawwi, b'mod partikolari l-appoġġ tal-UE, kien għad ma hemm l-ebda sinjal ta' waqfien possibbli mill-ġlied. Huwa enfasizza wkoll id-diffikultajiet insormontabbli għall-appoġġ umanitarju fin-nuqqas ta' tali waqfien mill-ġlied.

F'dan il-kuntest, il-Kunsill iddiskuta l-appoġġ għall-Awtorità Palestinjana u l-UNRWA, kif ukoll aġenziji oħra tan-NU.

Il-ministri ttrattaw ukoll it-tensjonijiet li qed jiżdiedu fil-fruntiera tat-Tramuntana ta' Iżrael u r-riskju serju ta' tixrid fir-reġjun. Ir-Rappreżentant Għoli esprima appoġġ għall-isforzi attivi ta' medjazzjoni, immexxija mill-Istati Uniti u Franza biex itaffu l-konfrontazzjoni bejn Iżrael u l-Hezbollah, u għal-Libanu u Ċipru li kienu mhedda mill-Hezbollah.

Fl-aħħar nett, il-Kunsill iddiskuta l-appoġġ tal-UE biex tinstab soluzzjoni politika għall-konflitt, u qabel li jsegwi u jintensifika l-kooperazzjoni mas-sħab internazzjonali biex jerġa' jitnieda proċess politiku lejn soluzzjoni ta' żewġ stati. Ġiet diskussa wkoll il-possibbiltà ta' Kunsill ta' Assoċjazzjoni ma' Iżrael.

Il-Balkani tal-Punent

Is-sitt Ministri għall-Affarijiet Barranin mill-pajjiżi sħab tal-Balkani tal-Punent mbagħad ingħaqdu mal-ministri għall-Affarijiet Barranin tal-UE biex ikollhom diskussjoni informali dwar impenn komuni aktar b'saħħtu dwar il-politika estera u ta' sigurtà waqt l-ikla ta' nofsinhar.

Aħna lesti li napprofondixxu aktar l-integrazzjoni gradwali u nespandu l-appoġġ tagħna lis-sħab tal-Balkani tal-Punent. U nistennew li dawn jingħaqdu magħna biex jiddefendu l-ordni internazzjonali bbażata fuq ir-regoli u b'mod partikolari l-Ukrajna, notevolment dwar il-miżuri meħuda sabiex tiġi miġġielda l-invażjoni Russa tal-Ukrajna. L-allinjament tagħhom mal-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni tagħna huwa espressjoni tal-għażla strateġika u l-impenn tagħhom għas-sħubija fl-UE. Iż-żamma ta' rabtiet mill-qrib mar-reġim ta' Putin mhijiex kompatibbli mal-bini ta' futur komuni mal-UE u fi ħdanha.

Josep Borrell, Rappreżentant Għoli għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà

Il-Georgia

Il-Kunsill Affarijiet Barranin iddiskuta l-Georgia, b'segwitu għall-iskambju ta' fehmiet li sar fil-Kunsill ta' Mejju. Il-Kunsill iddiskuta b'mod partikolari l-iżviluppi politiċi fil-pajjiż, inkluż l-adozzjoni u l-infurzar tal-liġi dwar it-trasparenza tal-influwenza barranija.

Jiddispjaċina li hemm diżinformazzjoni mifruxa dwar l-Unjoni Ewropea u l-valuri tagħha li ġejjin ukoll minn atturi uffiċjali. Smajna l-ilħna mill-Georgia fl-ogħla livell, li b'mod sorprendenti ddikjaraw li din il-liġi qed tqarreb il-pajjiż lejn l-Unjoni Ewropea. U rrid inkun ċar. Le. Din il-liġi u l-iżviluppi negattivi kollha madwarha qed ibiegħdu lill-Georgia mill-Unjoni Ewropea. [...] Ser inżidu l-appoġġ tagħna għas-soċjetà ċivili u l-media, ser niġġieldu d-diżinformazzjoni u nżidu l-appoġġ għall-proċess elettorali.

Josep Borrell, Rappreżentant Għoli għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà

Il-Kunsill iddiskuta modi possibbli ta' azzjoni f'każ ta' deterjorament tas-sitwazzjoni u ser ikompli jissorvelja s-sitwazzjoni u jadatta l-miżuri tal-UE kif meħtieġ.

Ir-reġjun tal-Lagi l-kbar u t-Tuneżija

Il-Kunsill Affarijiet Barranin kellu skambju ta' fehmiet dwar ir-Reġjun tal-Lagi l-Kbar fl-Afrika, inkluż il-kriżi li għaddejja fil-Lvant tar-Repubblika Demokratika tal-Kongo (RDK), u l-implikazzjonijiet reġjonali u ġeopolitiċi tagħha. Ir-Rappreżentant Għoli ħabbar li l-UE dalwaqt ser tinnomina mibgħut speċjali għar-reġjun biex jimplimenta l-istrateġija tal-UE.

Taħt ġrajjiet kurrenti, il-Kunsill ġie infurmat dwar l-iżviluppi politiċi fit-Tuneżija u ddiskuta l-ħtieġa li l-ewwel tiġi vvalutata b'mod kollettiv is-sitwazzjoni, u mbagħad jiġi kkunsidrat kif l-aħjar tiġi ġestita s-sħubija tal-UE mal-pajjiż u jinżamm l-appoġġ tal-UE għall-poplu Tuneżin.

Konklużjonijiet tal-Kunsill

Il-Kunsill approva konklużjonijiet dwar:

- l-Evalwazzjoni ta' Nofs it-Terminu tal-istrument ta' finanzjament estern tal-NDICI-Ewropa Globali

- l-aġġornament tal-Linji Gwida tal-UE dwar it-Tfal u l-Konflitti Armati

- il-prijoritajiet tal-UE fin-Nazzjonijiet Uniti matul l-UNGA79 (Settembru 2023 - Settembru 2024)

- ir-Rapport Annwali tal-2024 lill-Kunsill Ewropew dwar il-Miri ta' Għajnuna għall-Iżvilupp tal-UE

Dokumenti tal-laqgħat

Dokumenti ta' eżitu

Stqarrijiet għall-istampa

Tagħrif għall-istampa

Kuntatti għall-istampa

Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.

Akkreditazzjoni u avvenimenti għall-istampa

Għal informazzjoni ġenerali dwar l-akkreditazzjoni, jekk jogħġbok żur din il-paġna.

L-akkreditazzjoni tal-media għas-summits internazzjonali li jsiru barra mill-Unjoni Ewropea ser tiġi ttrattata mill-awtoritajiet governattivi tal-pajjiż ospitanti.

Kompli segwina

Laqgħat oħra: Kunsill Affarijiet Barranin

Ara laqgħat oħrajn

L-aħħar reviżjoni: 5 ta' Frar 2025