- Kunsill tal-Unjoni Ewropea
- Stqarrija għall-istampa
- 15 ta' Lulju 2024 11:05
Iran: il-Kunsill itawwal il-miżuri restrittivi tal-UE fid-dawl tal-appoġġ militari tal-Iran għall-gwerra ta' aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna u għall-gruppi u l-entitajiet armati fil-Lvant Nofsani u r-reġjun tal-Baħar l-Aħmar
lIllum il-Kunsill estenda l-miżuri restrittivi fid-dawl tal-appoġġ militari tal-Iran għall-gwerra ta' aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna u għall-gruppi u l-entitajiet armati fil-Lvant Nofsani u r-reġjun tal-Baħar l-Aħmar sas-27 ta' Lulju 2025. Il-miżuri restrittivi eżistenti ser ikomplu jiġu rieżaminati kull sena.
Bħalissa r-reġim tas-sanzjonijiet japplika għal 12-il persuna u disa' entitajiet.
Dawk fil-mira huma soġġetti għal iffriżar tal-assi, u l-forniment ta' fondi jew riżorsi ekonomiċi, direttament jew indirettament, lilhom jew għall-benefiċċju tagħhom huwa pprojbit. Barra minn hekk, għall-persuni fiżiċi elenkati tapplika projbizzjoni fuq l-ivvjaġġar lejn l-UE.
Kuntest
Fil-konklużjonijiet tiegħu tal-21 u t-22 ta' Marzu 2024, il-Kunsill Ewropew appella lil partijiet terzi, inkluż l-Iran, biex immedjatament jieqfu jipprovdu appoġġ materjali għall-gwerra ta' aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna.
Fil-konklużjonijiet tiegħu tas-17 u t-18 ta' April 2024, il-Kunsill Ewropew tenna l-impenn tiegħu li jieħu aktar miżuri restrittivi kontra l-Iran, b'mod partikolari fir-rigward ta' vetturi tal-ajru mingħajr ekwipaġġ (UAVs) u missili. Fl-aħħarnett, il-Kunsill Ewropew tenna li l-UE tibqa' impenjata bis-sħiħ li tikkontribwixxi għat-tnaqqis tat-tensjoni u għas-sigurtà fir-reġjun.
Fl-14 ta' Mejju 2024, il-Kunsill wessa' l-kamp ta' applikazzjoni tal-qafas tal-UE għal miżuri restrittivi fid-dawl tal-appoġġ militari tal-Iran għall-gwerra ta' aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna, sabiex ikopri kemm droni u missili, kif ukoll l-appoġġ tal-programm Iranjan tad-droni u tal-missili għal gruppi u entitajiet armati fil-Lvant Nofsani u r-reġjun tal-Baħar l-Aħmar.
Barra minn hekk, il-Kunsill ipprojbixxa l-esportazzjoni ta' aktar komponenti mill-UE lejn l-Iran li jintużaw fl-iżvilupp u l-produzzjoni ta' UAVs.
Fil-31 ta' Mejju u l-24 ta' Ġunju, il-Kunsill elenka sitt individwi u erba' entitajiet f'dan il-qafas.
- Iran: l-UE telenka aktar individwi u entitajiet għat-trasferiment ta' droni għall-gwerra ta' aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna u għat-trasferiment ta' droni u missili fil-Lvant Nofsani u r-reġjun tal-Baħar l-Aħmar (stqarrija għall-istampa, 31 ta' Mejju 2024)
- Iran: il-Kunsill iwessa' l-miżuri restrittivi tal-UE fid-dawl tal-appoġġ militari tal-Iran għall-gwerra ta' aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna u l-gruppi armati fil-Lvant Nofsani u r-reġjun tal-Baħar l-Aħmar (stqarrija għall-istampa, 14 ta' Mejju 2024)
- Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew, 17 u 18 ta' April 2024
- Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew, 21 u 22 ta' Marzu 2023
- Sanzjonijiet tal-UE kontra l-Iran (informazzjoni ġenerali)
Kuntatti għall-istampa
-
Maria Daniela Lenzu Press officer
- +32 470 88 04 02
- +32 2 281 21 46
- @daniela_lenzu
Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.
L-aħħar reviżjoni: 28 ta' Jannar 2025