Skip to content

Sanzjonijiet tal-UE kontra l-Iran

L-UE tikkundanna l-abbużi tad-drittijiet tal-bniedem fl-Iran, kif ukoll l-attivitajiet ta' proliferazzjoni nukleari tal-Iran u l-appoġġ militari tiegħu għall-gwerra ta' aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna. Adottat għadd ta' sanzjonijiet f'dan ir-rigward.

Repressjoni u ksur tad-drittijiet tal-bniedem fl-Iran

L-UE kkundannat ripetutament ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem fl-Iran, inkluż il-mewt fil-kustodja tal-pulizija ta' Mahsa Amini fl-età ta' 22 sena f'Settembru 2022, l-eżekuzzjoni ta' persuni b'ċittadinanza doppja UE-Iranjana fl-2023 u l-2024, id-detenzjoni ta' difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, inkluż ir-rebbieħ tal-Premju Nobel għall-Paċi Narges Mohammadi, u l-imwiet matul il-protesti ta' Jannar 2026.

L-UE tappoġġa l-aspirazzjonijiet fundamentali tal-poplu tal-Iran għal futur fejn id-drittijiet universali tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali tagħhom jiġu rrispettati, protetti u mħarsa.

L-Unjoni Ewropea tikkundanna bil-qawwa:

  • l-użu tal-forza mifrux, brutali u sproporzjonat mill-awtoritajiet Iranjani kontra dimostranti paċifiċi
  • detenzjonijiet arbitrarji bħala mezz biex jissikktu ilħna kritiċi
  • l-użu tat-tortura, it-trattament krudili, inuman u degradanti ta' detenuti f'ħabsijiet Iranjani
  • il-prattika tal-impożizzjoni u t-twettiq ta' sentenzi tal-mewt kontra dimostranti
  • restrizzjonijiet fuq il-komunikazzjoni, inkluż l-għeluq tal-internet

Id-dritt ta' assemblea paċifika u d-dritt għal-libertà tal-espressjoni, inkluż il-libertà li wieħed ifittex, jirċievi u jaqsam informazzjoni u ideat, online u offline, għandhom ikunu aċċertati.

L-UE tappella lill-Iran jelimina, fil-liġi u fil-prattika, il-forom kollha ta' diskriminazzjoni sistemika kontra n-nisa u l-bniet fil-ħajja pubblika u privata, u biex jieħu miżuri li jqisu kwistjonijiet ta' ġeneru biex jipprevjeni l-vjolenza sesswali u abbażi tal-ġeneru fil-forom kollha tagħha kontra n-nisa u l-bniet, u biex jiżgura l-protezzjoni kontra dik il-vjolenza.

L-UE tħeġġeġ lill-awtoritajiet Iranjani biex jirrispettaw l-obbligi tagħhom skont id-dritt internazzjonali u titlob li l-awturi tal-vjolenza u l-ksur tad-drittijiet tal-bniedem jinżammu responsabbli.

L-aħħar dikjarazzjonijiet tal-UE dwar id-drittijiet tal-bniedem fl-Iran:

Sanzjonijiet b'rispons għal abbużi tad-drittijiet tal-bniedem fl-Iran

Fl-2011, l-UE introduċiet reġim ta' sanzjonijiet kontra l-Iran b'reazzjoni għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem fil-pajjiż. Minn dak iż-żmien is-sanzjonijiet ġew imġedda kull sena, bl-aħħar estensjoni valida sat-13 ta' April 2027.

Minn Ottubru 2022, minħabba s-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-pajjiż, li sejra għall-agħar, l-UE żiedet is-sanzjonijiet drastikament.

Is-sanzjonijiet relatati mal-ksur tad-drittijiet tal-bniedem fl-Iran jinkludu:

  • projbizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar għal individwi
  • iffriżar tal-assi għal individwi u entitajiet
  • projbizzjoni fuq it-tqegħid ta' fondi jew riżorsi ekonomiċi għad-dispożizzjoni ta' dawk elenkati
  • projbizzjoni fuq il-bejgħ, forniment, trasferiment jew esportazzjoni lejn l-Iran ta' tagħmir li jista' jintuża għar-repressjoni interna
  • projbizzjoni fuq l-għoti ta' assistenza teknika, servizzi ta' senserija jew finanzjament lil kwalunkwe persuna jew korp fl-Iran jew għall-użu fl-Iran (jekk jistgħu jintużaw b'rabta mar-repressjoni interna)
  • projbizzjoni fuq il-forniment ta' kwalunkwe servizz ta' monitoraġġ jew interċettazzjoni tat-telekomunikazzjoni jew tal-internet lill-Iran

Bħalissa, 269 individwu u 53 entità huma sanzjonati taħt dan ir-reġim.

Mara tgħolli idha f'ġest ta' emanċipazzjoni, fuq sfond ta' forom ġeometriċi Persjani ta' lwien ħodor.

L-individwi sanzjonati jinkludu:

  • membri tal-parlament Iranjan
  • il-Ministru għall-Intern, Eskandar Momeni
  • il-Ministru għat-Teknoloġija tal-Informazzjoni u l-Komunikazzjoni, Issa Zarepour
  • gvernaturi u politiċi lokali
  • membri tal-forzi tas-sigurtà Iranjani
  • membri tal-Korp tal-Gwardjani tar-Rivoluzzjoni Iżlamika (IRGC)
  • membri tal-Forzi tal-Infurzar tal-Liġi (LEF) tal-Iran
  • l-iskwadra li arbitrarjament arrestat lil Mahsa Amini
  • uffiċjali għolja u persunal militari
  • kmandanti u membri tal-pulizija
  • gwardjani u diretturi ta' ħabsijiet
  • il-Prosekutur Ġenerali u membri oħra tal-ġudikatura
  • membri tal-Kunsill Suprem taċ-Ċiberspazju

L-entitajiet sanzjonati jinkludu:

  • il-Korp tal-Gwardjani tar-Rivoluzzjoni Iżlamika (IRGC)
  • il-Ministeru għall-Edukazzjoni Iranjan u l-Ministeru għall-Kultura u l-Gwida Iżlamika
  • il-Pulizija tal-Moralità tal-Iran
  • il-Forzi tal-Infurzar tal-Liġi (LEF) tal-Iran
  • il-Kunsill Suprem tar-Rivoluzzjoni Kulturali
  • il-Kunsill Suprem taċ-Ċiberspazju
  • ħabsijiet
  • ix-xandar tat-televiżjoni tal-istat 'Press TV'
  • aġenziji tal-aħbarijiet
  • fornituri ta' servizzi mobbli
  • kumpaniji tas-software u tal-IT
  • l-Iranian Audio-Visual Media Regulatory Authority
  • entitajiet involuti f'attivitajiet ta' ċensura, kampanji ta' trolling fuq il-media soċjali u t-tixrid ta' diżinformazzjoni

Il-Korp tal-Gwardjani tar-Rivoluzzjoni Iżlamika fuq il-lista ta' terroristi

Wara l-qbil politiku li ntlaħaq mill-Kunsill Affarijiet Barranin fid-29 ta' Jannar 2026, il-Kunsill iddeċieda fid-19 ta' Frar 2026 li jiddeżinja lill-Korp tal-Gwardjani tar-Rivoluzzjoni Iżlamika (IRGC) tal-Iran bħala organizzazzjoni terroristika.

Għalhekk, l-IRGC ser ikun soġġett għal miżuri restrittivi skont ir-reġim ta' sanzjonijiet tal-UE għall-ġlieda kontra t-terroriżmu. Dan ifisser li:

  • il-fondi u l-assi finanzjarji jew ir-riżorsi ekonomiċi l-oħra kollha tal-IRGC fl-istati membri tal-UE huma ffriżati
  • L-operaturi tal-UE huma pprojbiti milli jqiegħdu fondi u riżorsi ekonomiċi għad-dispożizzjoni tal-IRGC

L-appoġġ tal-Iran għall-gwerra ta' aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna

L-Unjoni Ewropea tikkundanna bil-qawwa u tqis bħala inaċċettabbli kwalunkwe tip ta' appoġġ militari pprovdut mill-Iran, inkluż il-konsenji ta' vetturi tal-ajru mingħajr ekwipaġġ (magħrufa wkoll bħala droni), għall-gwerra ta' aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna.

Dawn l-armi pprovduti mill-Iran qed jintużaw b'mod indiskriminat mir-Russja kontra l-popolazzjoni ċivili u l-infrastruttura Ukreni u qed jikkawżaw qerda orribbli u tbatija umana.

L-UE tikkundanna wkoll l-appoġġ militari tal-Iran għal gruppi armati fil-Lvant Nofsani u r-reġjun tal-Baħar l-Aħmar.

Sanzjonijiet b'rispons għall-involviment tal-Iran fil-gwerra tar-Russja kontra l-Ukrajna

Il-Kunsill impona tliet ċikli ta' sanzjonijiet b'rabta mad-droni kontra individwi jew entitajiet Iranjani fl-2022 u l-2023, taħt ir-reġim ta' sanzjonijiet applikabbli għal azzjonijiet li jdgħajfu jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna.

Fl-20 ta' Lulju 2023, il-Kunsill stabbilixxa qafas dedikat għas-sanzjonijiet fid-dawl tal-appoġġ militari tal-Iran għall-gwerra ta' aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna.

Il-kamp ta' applikazzjoni tal-qafas twessa' fl-14 ta' Mejju 2024, fid-dawl tal-appoġġ militari tal-Iran għal gruppi armati fil-Lvant Nofsani u fir-reġjun tal-Baħar l-Aħmar u tal-attakki bid-droni u bil-missili li l-Iran wettaq kontra Iżrael f'April 2024.

L-UE tista' tqiegħed fil-mira individwi u entitajiet li jfornu, ibigħu jew jittrasferixxu missili u droni tal-Iran, kif ukoll komponenti użati fl-iżvilupp u l-produzzjoni ta' missili u droni:

  • b'appoġġ tal-gwerra ta' aggressjoni mir-Russja kontra l-Ukrajna
  • użati minn gruppi u entitajiet armati biex jimminaw il-paċi u s-sigurtà fir-reġjun tal-Lvant Nofsani u tal-Baħar l-Aħmar
  • bi ksur tar-riżoluzzjoni 2216 (2015) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti

Is-sanzjonijiet jinkludu:

  • projbizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar għal individwi
  • iffriżar tal-assi għal individwi u entitajiet
  • projbizzjoni fuq it-tqegħid ta' fondi jew riżorsi ekonomiċi għad-dispożizzjoni ta' dawk elenkati

L-UE introduċiet ukoll projbizzjoni fuq tranżazzjonijiet ma' żewġ portijiet li huma proprjetà ta', operati jew ikkontrollati minn individwi u entitajiet sanzjonati, jew li jintużaw għat-trasferiment ta' droni jew missili Iranjani jew teknoloġija u komponenti relatati lir-Russja.

L-individwi u l-entitajiet sanzjonati jinkludu kumpaniji li jimmanifatturaw, jakkwistaw u jbigħu komponenti għal droni, kumpaniji involuti fil-produzzjoni ta' propellant użat għall-isparar ta' rokits u missili, kumpaniji tat-tbaħħir u kummerċjali, il-Flotta Navali tal-Korp tal-Gwardjani tar-Rivoluzzjoni Iżlamika, l-Islamic Republic of Iran Shipping Lines, linji tal-ajru Iranjani, u l-Ministru u l-Viċi Ministru għad-Difiża tal-Iran.

Bħalissa 22 individwu u 27 entità huma sanzjonati taħt dan ir-reġim.

Ir-reġim tas-sanzjonijiet ġie estiż l-aħħar sas-27 ta' Lulju 2027.

test

Il-libertà tan-navigazzjoni fl-Istrett ta' Hormuz

L-UE tħeġġeġ lil dawk kollha involuti jirrispettaw bis-sħiħ il-waqfien mill-ġlied fir-reġjun kollu tal-Lvant Nofsani, iwaqqfu l-operazzjonijiet militari kollha u jiżguraw bis-sħiħ il-libertà ta' navigazzjoni, kif ukoll il-passaġġ liberu u sikur mill-Istrett ta' Hormuz, f'konformità mad-dritt internazzjonali, kif rifless fil-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Dritt tal-Baħar.

L-azzjonijiet tal-Iran kontra bastimenti li jkunu għaddejjin mill-Istrett ta' Hormuz imorru kontra d-dritt internazzjonali. Azzjonijiet bħal dawn jiksru d-drittijiet stabbiliti kemm ta' tranżitu kif ukoll ta' passaġġ innoċenti mill-istretti internazzjonali.

Sanzjonijiet b'reazzjoni għall-azzjonijiet tal-Iran fl-Istrett ta' Hormuz

Fit-22 ta' Mejju 2026, il-Kunsill iddeċieda li jestendi l-kamp ta' applikazzjoni tas-sanzjonijiet tal-UE oriġinarjament stabbiliti biex jindirizzaw l-appoġġ militari tal-Iran għall-gwerra ta' aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna, filwaqt li jqiegħdu fil-mira wkoll diversi gruppi armati fil-Lvant Nofsani u fir-reġjun tal-Baħar l-Aħmar.

Taħt dan ir-reġim ta' sanzjonjiet, l-UE ssanzjonat żewġ individwi u entità waħda involuti fl-azzjonijiet u l-politiki tal-Iran li jheddu l-libertà ta' navigazzjoni fl-Istrett ta' Hormuz.

Attivitajiet ta' proliferazzjoni nukleari tal-Iran

Fil-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tas-26 ta' Ġunju 2025, l-Unjoni Ewropea tenniet id-determinazzjoni ċara tagħha li l-Iran ma għandu qatt jitħalla jakkwista arma nukleari u fakkret fl-impenji tal-Iran f'dak ir-rigward, kif ukoll fl-obbligi internazzjonali tiegħu.

L-Unjoni Ewropea hija mħassba ħafna rigward ir-rapporti suċċessivi tal-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija Atomika (IAEA) li jiddokumentaw l-aċċellerazzjoni allarmanti tal-programm nukleari tal-Iran, li jikkostitwixxi devjazzjoni radikali mill-impenji tiegħu skont il-Pjan ta' Azzjoni Komprensiv Konġunt (PAKK), b'mod partikolari fir-rigward tal-espansjoni tal-kapaċità ta' arrikkiment nukleari tiegħu u l-produzzjoni tiegħu ta' uranju arrikkit ħafna.

L-azzjonijiet tal-Iran, li ma għandhom l-ebda skop ċivili kredibbli, iġorru riskji sinifikanti ħafna relatati mal-proliferazzjoni.

L-Unjoni Ewropea tħeġġeġ bil-qawwa lill-Iran biex ireġġa' lura t-trajettorja nukleari allarmanti tiegħu, biex jerġa' lura għall-impenji politiċi tiegħu fil-qasam tan-nonproliferazzjoni nukleari mingħajr aktar dewmien, u biex jerġa' jibda l-miżuri kollha ta' monitoraġġ u verifika relatati mal-PAKK, inkluż dawk stabbiliti fil-Protokoll Addizzjonali tal-PAKK.

Is-sanzjonijiet tan-NU u tal-UE kontra l-Iran għandhom l-għan li jipperswadu lill-Iran jikkonforma mal-obbligi tiegħu.

Sanzjonijiet b'rispons għall-proliferazzjoni nukleari tal-Iran

Sanzjonijiet tan-NU

Mill-2006 'l hawn, il-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU adotta għadd ta' riżoluzzjonijiet li jitolbu lill-Iran iwaqqaf l-arrikkiment tal-uranju għal għanijiet ta' proliferazzjoni nukleari. Dawk ir-riżoluzzjonijiet kienu akkumpanjati progressivament minn sanzjonijiet sabiex jipperswadu lill-Iran jikkonforma.

L-UE timplimenta s-sanzjonijiet tan-NU permezz tal-adozzjoni ta' leġiżlazzjoni tal-UE.

Sanzjonijiet tal-UE

Minbarra li implimentat is-sanzjonijiet tan-NU, l-UE imponiet firxa wiesgħa ta' sanzjonijiet tagħha kontra l-Iran. Dawk il-miżuri b'rabta mal-attivitajiet ta' proliferazzjoni nukleari tal-Iran jinkludu:

  • projbizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar għal individwi
  • iffriżar tal-assi għal individwi u entitajiet
  • projbizzjoni fuq it-tqegħid ta' fondi jew riżorsi ekonomiċi għad-dispożizzjoni ta' dawk elenkati

Il-miżuri jinkludu wkoll sanzjonijiet ekonomiċi u finanzjarji, li jkopru s-setturi tal-kummerċ, il-finanzi u t-trasport.

Is-sanzjonijiet fis-settur tal-kummerċ jinkludu:

  • projbizzjoni fuq l-esportazzjoni ta' armi lill-Iran
  • projbizzjoni fuq l-esportazzjoni ta' oġġetti b'użu doppju u oġġetti li jistgħu jintużaw f'attivitajiet marbuta mal-arrikkiment nukleari
  • projbizzjoni fuq l-importazzjoni ta' żejt mhux maħdum, gass naturali u prodotti petrokimiċi u petroliferi
  • projbizzjoni fuq il-bejgħ jew il-forniment ta' tagħmir essenzjali użat fis-settur tal-enerġija
  • projbizzjoni fuq il-bejgħ jew il-forniment ta' deheb, metalli prezzjużi oħra u djamanti
  • projbizzjoni fuq ċertu tagħmir navali
  • projbizzjoni fuq ċertu software

Is-sanzjonijiet fis-settur finanzjarju jinkludu:

  • iffriżar tal-assi tal-Bank Ċentrali tal-Iran u tal-banek kummerċjali ewlenin Iranjani
  • stabbiliment ta' mekkaniżmi ta' notifika u awtorizzazzjoni għal trasferimenti ta' fondi 'l fuq minn ċerti ammonti lil istituzzjonijiet finanzjarji Iranjani

Is-sanzjonijiet fis-settur tat-trasport jinkludu:

  • il-prevenzjoni tal-aċċess ta' titjiriet tal-merkanzija Iranjani għall-ajruporti tal-UE
  • projbizzjoni fuq il-manutenzjoni u s-servizz ta' inġenji tal-ajru jew bastimenti tal-merkanzija Iranjani li jġorru materjali jew oġġetti pprojbiti

Pjan ta' Azzjoni Komprensiv Konġunt (PAKK)

Fl-14 ta' Lulju 2015, l-Iran u l-"E3/UE+3" qablu dwar Pjan ta' Azzjoni Komprensiv Konġunt. Il-pjan iddefinixxa sensiela ta' passi għas-snin ta' wara biex jiżgura li l-programm nukleari tal-Iran ikun jeżisti għal finijiet esklużivament paċifiċi.

Il-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU adotta r-riżoluzzjoni 2231 (2015) dwar il-PAKK f'Lulju 2015. Ir-riżoluzzjoni:

  • approvat il-PAKK
  • ippermettiet ċerti eżenzjonijiet mis-sanzjonijiet eżistenti
  • iddeterminat l-iskeda u l-impenji li għandhom jintrabtu bihom il-partijiet kollha bil-ħsieb li s-sanzjonijiet kontra l-Iran jintemmu

Fis-16 ta' Jannar 2016 (jum l-implimentazzjoni), in-NU neħħiet uħud mis-sanzjonijiet tagħha b'rabta man-nukleari, kif jinsabu fir-riżoluzzjoni 2231 (2015), filwaqt li l-Kunsill neħħa s-sanzjonijiet ekonomiċi u finanzjarji kollha tal-UE kontra l-Iran b'rabta man-nukleari. Madankollu, xi restrizzjonijiet baqgħu fis-seħħ.

Fid-dawl tan-nonkonformità tal-Iran fir-rigward tal-impenji tiegħu skont il-PAKK, fit-18 ta' Ottubru 2023 il-Kunsill iddeċieda li jżomm is-sanzjonijiet tal-UE relatati mal-proliferazzjoni li kienu skedati li jitneħħew f'jum it-tranżizzjoni.

Fid-29 ta' Settembru 2025, il-Kunsill iddeċieda li jimponi mill-ġdid is-sanzjonijiet ekonomiċi u finanzjarji kollha tal-UE relatati man-nukleari kontra l-Iran, li kienu tneħħew fl-2016. Id-deċiżjoni ttieħdet wara l-introduzzjoni mill-ġdid tas-sanzjonijiet tan-NU, u ssegwi d-deċiżjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU li ma jestendix it-tneħħija tas-sanzjonijiet fuq l-Iran.

Missili mmarkati b'simbolu ta' radjazzjoni, sħaba forma ta' faqqiegħa tiela' 'l fuq u sinjal ta' projbizzjoni aħmar.
Il-ftehim nukleari tal-Iran

Il-ftehim nukleari tal-Iran

Ara wkoll

Mappa li tenfasizza l-pajjiżi tal-Lvant Nofsani u l-Afrika ta' Fuq.
Il-pożizzjoni tal-UE dwar is-sitwazzjoni fil-Lvant Nofsani

Il-pożizzjoni tal-UE dwar is-sitwazzjoni fil-Lvant Nofsani

Karta b'linji astratti.
Kronoloġija - l-Iran u l-Lvant Nofsani

Kronoloġija - l-Iran u l-Lvant Nofsani

Żewġ persuni b'ilbies protettiv maġenb tank isfar u sustanza mxerrda, b'sinjal biex tieqaf u simbolu ta' radjazzjoni sovrapożizzjonati.
L-eliminazzjoni tal-armi kimiċi

L-eliminazzjoni tal-armi kimiċi