Skip to content
  • Kunsill tal-Unjoni Ewropea
  • Stqarrija għall-istampa
  • 16 ta' Diċembru 2024 11:28

Il-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-estremiżmu vjolenti: il-Kunsill japprova konklużjonijiet dwar it-tisħiħ tar-rabtiet esterni u interni

Illum, il-Kunsill approva konklużjonijiet immirati lejn it-tisħiħ tal-isforzi biex jiġu indirizzati t-terroriżmu u l-estremiżmu vjolenti. Flimkien mal-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar prijoritajiet futuri għat-tisħiħ tal-isforzi konġunti tal-UE u l-istati membri tagħha kontra t-terroriżmu approvati l-ġimgħa li għaddiet, il-konklużjonijiet tal-lum juru d-determinazzjoni tal-UE li tikkoopera mal-pajjiżi sħab u li tipproteġi liċ-ċittadini tal-UE.

Il-konklużjonijiet jenfasizzaw kif it-theddida terroristika u estremista vjolenti saret dejjem aktar diversa u frammentata. Il-Kunsill jinnota bi tħassib kbir li l-kapaċità tal-Provinċja ta' Khorasan tad-Da'esh (ISKP) li tispira u twettaq operazzjonijiet esterni, anke fl-Ewropa, qed tikber. Il-Kunsill jissottolinja s-sitwazzjoni tas-sigurtà li qed tiddeterjora fl-Afrika u kif il-kriżi li għaddejja fil-Lvant Nofsani qed tixpruna r-radikalizzazzjoni madwar id-dinja. Il-Kunsill ikkonferma l-impenn sod tal-UE fil-ġlieda kontra t-terroriżmu fl-Iraq u s-Sirja.

Fid-dawl ta' din it-theddida li qed tevolvi, il-Kunsill jenfasizza li t-tisħiħ tal-konnessjonijiet esterni u interni huwa kruċjali. Jeħtieġ li t-terroriżmu u l-estremiżmu vjolenti jiġu indirizzati permezz ta' approċċ koerenti li jintegra l-politika estera u ta' sigurtà komuni tal-UE u l-azzjonijiet fil-qasam tal-ġustizzja u l-affarijiet interni.

Il-Kunsill jirriafferma li l-uniku rispons sostenibbli għat-terroriżmu u l-estremiżmu vjolenti huwa wieħed ibbażat fuq id-demokrazija, l-istat tad-dritt, it-trasparenza, ir-responsabbiltà u s-sensittività għal kwistjonijiet ta' ġeneru.

Il-konklużjonijiet tal-Kunsill jissottolinjaw il-ħtieġa li jitkompla l-investiment fil-kooperazzjoni kontra t-terroriżmu bejn l-UE u pajjiżi terzi permezz ta' djalogi u proġetti ta' tisħiħ tal-kapaċitajiet. Il-konklużjonijiet jissottolinjaw ukoll il-ħtieġa li jiġi sfruttat il-potenzjal sħiħ tan-network ta' esperti tal-UE fil-ġlieda kontra t-terroriżmu/tas-sigurtà, b'mod partikolari biex jiġu appoġġati l-iżvilupp tal-politika u l-azzjoni tal-UE b'rabta mal-ġlieda kontra t-terroriżmu.

Biex ikomplu jiżdiedu l-effettività u l-koordinazzjoni tal-isforzi tal-UE fil-ġlieda kontra t-terroriżmu, il-Kunsill jappella għal inizjattivi tat-Tim Ewropa li jiġbru flimkien l-għarfien espert u r-riżorsi tal-UE u tal-istati membri.

Ara l-paġna tal-laqgħa

Kuntatti għall-istampa

Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.

L-aħħar reviżjoni: 7 ta' April 2025