Skip to content

It-tibdil fil-klima jiswa l-flus u l-ħajjiet

Illustrazzjonijiet li juru t-tisħin globali u l-flus

It-tibdil fil-klima jiswa l-flus u l-ħajjiet

Matul dawn l-aħħar 40 sena, it-temperatura fl-Ewropa żdiedet b’mod qawwi. Temperaturi aktar sħan aggravaw avvenimenti ta' temp estrem madwar il-kontinent, b'konsegwenzi ħorox għal għadd kbir ta' nies u għall-ekonomija.

It-temperatura qed tiżdied aktar malajr minn qatt qabel

It-temperatura medja kienet 2.2°C ogħla matul l-aħħar ħames snin minn kemm kienet fi tmiem is-seklu 19. Is-sena 2020 kienet l-aktar sena sħuna tal-Ewropa s'issa.

It-tibdil fil-klima jikkawża temp estrem

  • L-ammont ta' għargħar serju fl-Ewropa qed jiżdied
  • Ir-reġjun tal-Mediterran ra żieda ta' 22% fl-intensità tax-xita matul dawn l-aħħar 50 sena.
  • Il-pajjiżi fl-Ewropa sofrew aktar nirien kbar fil-foresti fl-2018 milli qatt ġie rreġistrat qabel.
  • Kien hemm aktar nirien fl-Ewropa ċentrali u fit-Tramuntana tal-Ewropa, reġjuni li tipikament ma kinux milquta fil-passat.
  • Mill-1980, il-nirien fil-foresti ħarqu aktar minn 190 000km2 ta' art fl-Ewropa – żona aktar mid-doppju tad-daqs tal-Portugall.

Qed imutu n-nies minħabba temp estrem

Bejn l-1980 u l-2020, aktar minn 138 000 ruħ fl-UE tilfu ħajjithom minħabba inċidenti ta' temp estrem u inċidenti relatati mal-klima. Il-Ġermanja, Franza u l-Italja sofrew l-aktar.

It-tibdil fil-klima jwassal għal telf ekonomiku

It-telf finanzjarju kkawżat minn temp estrem u avvenimenti relatati mal-klima qabeż l-€487 biljun fl-UE27 matul l-aħħar 40 sena. Dan huwa ferm aktar minn kemm tonfoq l-UE fuq medda ta' sentejn fuq il-politika u l-programmi kollha tagħha. L-ispiża totali kienet l-ogħla għall-Ġermanja, l-Italja u Franza. Id-Danimarka, l-Awstrija u l-Lussemburgu kellhom l-ogħla telf għal kull persuna.

  • L-ispiża ekonomika tal-għargħar tax-xmajjar fl-Ewropa taqbeż medja ta' €5 biljun fis-sena.
  • In-nirien fil-foresti jikkawżaw madwar €2 biljun fi ħsara ekonomika kull sena.

Id-data ppreżentata ġejja mis-sorsi li ġejjin:

  • Copernicus Climate Data Store
  • Aġenzija Ewropea għall-Ambjent
  • Ir-Rapport tal-2020 dwar l-Istat tal-Klima fl-Ewropa
  • Meteo-France
  • Is-Sistema Ewropea tal-Informazzjoni dwar Nirien fil-Foresti

L-aħħar reviżjoni: 31 ta' Jannar 2025