Skip to content

Patt Ekoloġiku Ewropew

Il-Patt Ekoloġiku Ewropew għandu l-għan li joħloq Ewropa aktar nadifa, aktar b'saħħitha u b'impatt newtrali fuq il-klima billi jittrasforma l-mod kif nipproduċu u nikkunsmaw.

X'inhu l-Patt Ekoloġiku Ewropew?

Il-Patt Ekoloġiku Ewropew huwa l-istrateġija tal-UE għat-tkabbir. Imniedi fl-2019, huwa jikkonsisti f'pakkett ta' inizjattivi ta' politika, li jpoġġi lill-UE fit-triq lejn tranżizzjoni ekoloġika, bl-għan aħħari li tintlaħaq newtralità klimatika sal-2050.

Huwa l-kontribut tal-UE għall-Ftehim ta' Pariġi, li l-UE u l-pajjiżi kollha tagħha rratifikaw u li stabbilixxa l-għan li t-tisħin globali jinżamm sa massimu ta' +1.5°C meta mqabbel mal-livelli preindustrijali.

Il-Patt Ekoloġiku jappoġġa t-trasformazzjoni tal-UE f'soċjetà ġusta u għanja b'ekonomija moderna u kompetittiva.

Huwa jissottolinja l-ħtieġa li l-oqsma ta' politika kollha jikkontribwixxu għall-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima. L-istrateġija tappoġġa miżuri fis-setturi ekonomiċi kollha li jkopru fost l-oħrajn l-enerġija, it-trasport, l-industrija, l-agrikoltura, il-finanzi sostenibbli.

Skont il-Patt Ekoloġiku, il-Kunsill – flimkien mal-Parlament Ewropew bħala koleġiżlaturi – adotta leġiżlazzjoni li biddlet il-viżjoni tal-istrateġija f'liġijiet u regoli li huma applikati fl-istati membri kollha tal-UE.

Għaliex neħtieġu l-Patt Ekoloġiku

Il-ġejjieni tal-Ewropa jiddependi minn pjaneta b'saħħitha.

L-attività tal-bniedem qed tikkawża żieda fit-temperatura globali medja li qed tħalli impatt fuq ix-xejriet klimatiċi. Eventi ta' temp estrem aktar ta' spiss u b'aktar qawwa għandhom konsegwenzi devastanti fuq il-ħajja u l-ekonomija.

Ix-xejriet ekonomiċi u ta' konsum attwali tagħna ma jaqblux ma' dak li tista' toffrilna l-pjaneta u huma ta' ħsara għall-ambjent u għan-natura. Aħna u l-ekonomija tagħna niddependu kompletament fuq ambjent u ekosistemi li jaħdmu tajjeb.

Xi fatti:

L-azzjoni biex inwaqqfu t-tisħin globali u nipproteġu n-natura hijaobbligu għall-futur tal-UE u għall-benesseri taċ-ċittadini tagħha.

Filwaqt li ser ikollna nħallsu prezz għoli għat-tranżizzjoni ekoloġika billi teħtieġ investiment kbir għat-trasformazzjoni tal-mudell ekonomiku tagħna, in-nuqqas ta' azzjoni jiġi jiswielna ħafna aktar. Skont l-istimi, jekk ma nagħmlu xejn biex nindirizzaw it-tibdil fil-klima, sa tmiem is-seklu l-ħsara globali tista' tlaħħaq sa aktar minn 12% tal-PDG.

L-għanijiet ewlenin tal-Patt Ekoloġiku

Il-viżjoni tal-Patt Ekoloġiku Ewropew hija li sal-2050 tagħmel l-UE l-ewwel żona fid-dinja b'impatt newtrali fuq il-klima, tnaqqas it-tniġġis u ġġib lura bilanċ tajjeb fin-natura u l-ekosistemi.

Newtralità klimatika

Tnaqqis drastiku tal-emissjonijiet ta' gassijiet serra biex l-UE ssir l-ewwel żona fid-dinja b'impatt newtrali fuq il-klima.

Ekonomija ċirkolari

Mudell ekonomiku ġdid fejn il-prodotti jintużaw mill-ġdid, jissewwew u jiġu rriċiklati, jitnaqqas l-iskart u jiġu kkonservati r-riżorsi.

Industrija nadifa

L-ispinta għal industriji aktar nodfa, aktar sostenibbli u effiċjenti fl-użu tal-enerġija li jirnexxu fl-UE u fis-swieq globali.

Ambjent aktar b'saħħtu

Pjan biex tiġi restawrata n-natura u ħidma lejn tniġġis żero biex jiġi żgurat ambjent b'saħħtu għall-ġenerazzjonijiet futuri.

Biedja aktar sostenibbli

Prattiki ta' biedja aktar ekoloġiċi biex jiġi protett l-ambjent waqt li jipprovdu ikel tajjeb għas-saħħa u affordabbli.

Ġustizzja u ekwità klimatika

Pjan biex it-tranżizzjoni ssir ġusta u inklużiva biex tgħin lin-nies l-aktar affettwati mit-tranżizzjoni u ħadd ma jitħalla jibqa' lura.

Dawn huma wħud mill-oqsma ta' politika ewlenin skont il-Patt Ekoloġiku li l-Kunsill ħadem fuqhom:

8 modi kif il-ħajja fl-UE qed issir aktar ekoloġika

Il-bidla lejn stil ta' ħajja aktar ekoloġiku hija kruċjali biex tiġi indirizzata l-emerġenza klimatika u titnaqqas id-dipendenza tagħna fuq il-fjuwils fossili, speċjalment dawk mir-Russja. L-UE u s-27 pajjiż tagħha qed jaħdmu fuq regoli komuni ġodda taħt il-pakkett "Lesti għall-mira ta' 55%" biex titnaqqas l-impronta tal-karbonju tal-UE. Ir-regoli l-ġodda kif ser isawru l-mod kif ngħixu, naħdmu u nivvjaġġaw? Aqra l-istorja tagħna għal xi eżempji ta' kif ser tkun il-ħajja fl-UE fl-2030.

Bini, turbina eolika, siġar u karozza elettrika.

Ir-rwol tal-Kunsill fil-Patt Ekoloġiku

Il-Kunsill Ewropew huwa responsabbli għall-istabbiliment tal-istrateġija politika ġenerali u l-gwida għall-UE. Il-mexxejja jadottaw l-aġenda strateġika kull ħames snin biex jistabbilixxu prijoritajiet għall-ħidma politika tal-UE. Il-Patt Ekoloġiku Ewropew huwa r-riżultat tal-viżjoni maqbula mill-mexxejja fl-aġenda strateġika adottata fl-2019.

Wara t-tnedija tal-Patt Ekoloġiku mill-Kummissjoni Ewropea, il-Kunsill Ewropew jirrikonoxxi l-għanijiet tal-istrateġija fil-konklużjonijiet tiegħu ta' Diċembru 2019.

It-tranżizzjoni għan-newtralità klimatika ser iġġib magħha opportunitajiet sinifikanti, bħal potenzjal għal tkabbir ekonomiku, għal mudelli kummerċjali u swieq ġodda, għal impjiegi ġodda u żvilupp teknoloġiku.

Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew, 12 ta' Diċembru 2019

Il-Kunsilltal-UE jaġixxi bħala koleġiżlatur, flimkien mal-Parlament Ewropew, f'konformità mal-proċedura leġiżlattiva ordinarja.

Fil-qosor: il-Kummissjoni ppreżentat proposti għal leġiżlazzjoni ġdida kif imħabbar fl-istrateġija tal-Patt Ekoloġiku. Il-ministri tal-UE mlaqqgħin f'diversi konfigurazzjonijiet tal-Kunsill iddiskutew l-azzjonijiet proposti, introduċew bidliet u nnegozjaw mal-Parlament il-forma finali tal-liġijiet, qabel ma dawn ġew adottati miż-żewġ istituzzjonijiet u saru liġi tal-UE.

L-infografika tispjega l-pakkett Lesti għall-mira ta' 55%, l-oqsma ewlenin ta' azzjoni biex l-UE tnaqqas l-emissjonijiet tal-gassijiet serra u l-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet biex il-proposti jinbidlu f'liġi tal-UE.
Lesti għall-mira ta' 55%: kif l-UE ser issarraf il-miri klimatiċi f'liġi (Infografika)

Lesti għall-mira ta' 55%: kif l-UE ser issarraf il-miri klimatiċi f'liġi (Infografika)

L-aħħar reviżjoni: 21 ta' Frar 2025