"Il-cookies jintużaw biex intejbu l-esperjenza ta' navigazzjoni tiegħek. Il-cookies meħtieġa huma neċessarji biex jappoġġaw karatteristiċi essenzjali tas-sit web tal-Kunsill. Il-cookies fakultattivi jgħinuna nipproduċu rapporti statistiċi anonimi u aggregati biex naqdu aħjar il-ħtiġijiet tiegħek.

Żur il-paġna tal-politika tal-cookies tagħna għal aktar informazzjoni u biex tibdel is-settings tiegħek.

български español čeština dansk Deutsch eesti Ελληνικά English français Gaeilge hrvatski italiano latviešu lietuvių magyar Malti Nederlands polski português română slovenčina slovenščina suomi svenska
Skip to content

Kunsill Affarijiet Ġenerali

Kunsill Affarijiet Ġenerali, 22 ta' Settembru 2026

Riżultati ewlenin

Il-ministri responsabbli għall-affarijiet Ewropej kellhom dibattitu ta' orjentazzjoni fil-Kunsill Affarijiet Ġenerali (KAĠ) dwar il-Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP) 2028-2034 li jmiss u bdew it-tħejjijiet għall-Kunsill Ewropew ta' Ottubru billi ddiskutew l-aġenda tiegħu. Il-Kummissjoni ppreżentat ittra ta' intenzjoni bi tħejjija għall-programm ta' ħidma tagħha għall-2027 li dwarha l-ministri kellhom skambju ta' fehmiet.

Bħala parti mid-djalogu annwali dwar l-istat tad-dritt, il-ministri kellhom diskussjoni orizzontali dwar l-iżviluppi ġenerali relatati mas-sitwazzjoni tal-istat tad-dritt fl-UE u kellhom skambju ta' fehmiet dwar ix-xejra ġenerali tal-istat tad-dritt f'xi pajjiżi kandidati , jiġifieri l-Albanija, il-Montenegro, il-Maċedonja ta' Fuq u s-Serbja.

Thomas Byrne, Ministru tal-Istat għall-Affarijiet Ewropej u d-Difiża tal-Irlanda

Illum għamilna progress fuq tliet prijoritajiet ewlenin tal-presidenza Irlandiża – l-avvanz tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali li jmiss, l-ispinta lill-kompetittività Ewropea, u l-promozzjoni u l-protezzjoni tal-istat tad-dritt.

Dwar il-QFP, ippresedejt diskussjonijiet kostruttivi fost l-istati membri li nemmen li ser jgħinuna noqorbu lejn ftehim f'waqtu dwar baġit fit-tul li jkun jaqbel mal-ambizzjonijiet tal-Unjoni għas-snin li ġejjin.

Dwar l-aġenda ta' simplifikazzjoni, aġġornajt lill-ministri tal-UE dwar fejn ninsabu f'termini ta' progress sal-lum u ħeġġiġt lill-istati membri l-oħra biex ikomplu bl-isforzi intensivi tagħna biex nissimplifikaw ir-regoli u r-regolamenti tal-UE. Il-presidenza Irlandiża tqis li din l-aġenda hija essenzjali fl-appoġġ tal-kompetittività Ewropea u fit-twettiq tal-Pjan Direzzjonali Ewropa Waħda, Suq Wieħed.

Thomas Byrne, Ministru tal-Istat għall-Affarijiet Ewropej u d-Difiża tal-Irlanda

Thomas Byrne, Ministru tal-Istat għall-Affarijiet Ewropej u d-Difiża tal-Irlanda

Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP)

F'seduta pubblika, il-Kunsill ser ikollu dibattitu ta' orjentazzjoni dwar il-QFP 2028-2034 li jmiss.

Mill-preżentazzjoni tal-proposti tal-Kummissjoni f'Ġunju u Settembru tas-sena l-oħra, kompliet il-ħidma kemm fil-livell politiku kif ukoll f'dak tekniku bil-ħsieb li jintlaħaq qbil bejn l-istati membri sa tmiem l-2026. Dan jippermetti l-adozzjoni tal-atti leġiżlattivi rilevanti fl-2027, filwaqt li jiżgura li l-finanzjament tal-UE jkun jista' jilħaq lill-benefiċjarji mingħajr interruzzjoni minn Jannar 2028. Il-Ministru Byrne kellu diskussjonijiet bilaterali individwali dwar il-QFP li jmiss mal-kontropartijiet tiegħu fl-UE. B'appoġġ għal qbil sa tmiem din is-sena, il-President tal-Kunsill Ewropew António Costa ddiskuta l-QFP li jmiss mal-mexxejja tal-UE matul it-"Tour des Capitales" reċenti tiegħu, u witta t-triq għal diskussjonijiet fil-laqgħat li jmiss tal-Kunsill Ewropew.

Id-dibattitu ta' orjentazzjoni ministerjali għalhekk indirizza kemm il-prijoritajiet tan-nefqa kif ukoll is-sorsi tad-dħul tal-baġit tal-UE li jmiss.

Kunsill Ewropew ta' Ottubru

Il-Kunsill beda t-tħejjijiet għal-laqgħa tal-Kunsill Ewropew ta' Ottubru 2026 b'diskussjoni dwar abbozz ta' aġenda annotata. Il-mexxejja tal-UE mistennija jiddiskutu:

  • il-QFP il-ġdid 2028-2034, inkluż kaxxa ta' negozjar riveduta
  • il-gwerra ta' aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna
  • l-aħħar żviluppi fil-Lvant Nofsani
  • it-tkabbir u r-riformi
  • id-difiża u s-sigurtà tal-Ewropa
  • il-kompetittività, u
  • il-migrazzjoni

Il-ħidma preparatorja ser tkompli fil-KAĠ li jmiss fit-13 ta' Ottubru 2026.

Programmazzjoni leġiżlattiva

Waqt seduta pubblika, il-Kummissjoni ppreżentat l-ittra ta' intenzjoni tagħha tas-16 ta' Settembru 2026 wara d-diskors dwar l-Istat tal-Unjoni. Fl-ittra tagħha, il-Kummissjoni tispjega l-inizjattivi ta' importanza politika kbira għas-sena li ġejja, qabel l-adozzjoni tal-programm ta' ħidma tagħha għall-2027.

Il-Kummissjoni ppreżentat il-prijoritajiet ewlenin li ġejjin għas-sena li ġejja:

  • kompetittività u impjiegi
  • kwistjonijiet soċjali u inklużjoni
  • sigurtà u difiża
  • klima u reżiljenza
  • demokrazija, stat tad-dritt u valuri

Din il-preżentazzjoni kienet segwita minn skambju ta' fehmiet fost il-ministri. Il-presidenza ser tiġbor fil-qosor dan l-iskambju ta' fehmiet f'ittra lill-President tal-Kummissjoni biex tipprovdi lill-Kummissjoni b'indikazzjonijiet mill-ministri dwar il-prijoritajiet previsti. Il-programm ta' ħidma tal-2027 ser jiġi ppreżentat lill-KAĠ fid-19 ta' Novembru 2026.

It-tliet istituzzjonijiet imbagħad ser jaħdmu għat-tħejjija tad-dikjarazzjoni konġunta dwar il-prijoritajiet leġiżlattivi tal-UE għall-2027, li għandha tiġi approvata mill-KAĠ fil-15 ta' Diċembru 2026 u tiġi ffirmata mit-tliet presidenti fil-marġini tal-laqgħa tal-Kunsill Ewropew ta' Diċembru.

Djalogu annwali dwar l-istat tad-dritt

Bħala parti mid-djalogu annwali tal-Kunsill dwar l-istat tad-dritt, il-ministri kellhom diskussjoni orizzontali dwar l-iżviluppi ġenerali relatati mas-sitwazzjoni tal-istat tad-dritt fl-UE abbażi tar-rapport tal-Kummissjoni tal-2026 dwar l-istat tad-dritt, ippubblikat fis-17 ta' Lulju 2026.

Id-dibattitu kopra erba' oqsma relatati mal-istat tad-dritt: is-sistemi ġudizzjarji, il-qafas kontra l-korruzzjoni, il-pluraliżmu u l-libertà tal-media, u kwistjonijiet istituzzjonali oħra relatati mal-kontrokontrolli. Matul id-diskussjoni, il-ministri laqgħu l-progress ġenerali fit-twettiq tar-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni, kif ukoll l-integrazzjoni – għat-tieni sena konsekuttiva – ta' valutazzjoni strutturata tal-impatt tal-istat tad-dritt fuq is-suq uniku fir-rapport tal-2026.

Il-ministri laqgħu wkoll – għat-tielet sena konsekuttiva – l-inklużjoni tal-erba' pajjiżi kandidati fir-rapport tal-2026. Il-ministri tennew l-appoġġ tagħhom għall-eżerċizzju bħala għodda utli biex tiggwida r-riformi nazzjonali u qiesu li huwa importanti li jitkompla d-djalogu b'rispett sħiħ għall-prinċipji tal-oġġettività, in-nondiskriminazzjoni u t-trattament ugwali tal-istati membri kollha.

Il-Kunsill mistenni jorganizza diskussjoni speċifika għall-pajjiż fil-laqgħa tal-KAĠ f'Novembru, li tiffoka fuq l-iżviluppi f'Ċipru, il-Litwanja, il-Lussemburgu u l-Ungerija.

L-istat tad-dritt fil-pajjiżi kandidati

Għat-tielet sena konsekuttiva, il-ministri kellhom skambju ta' fehmiet dwar ix-xejra ġenerali tas-sitwazzjoni tal-istat tad-dritt f'erba' pajjiżi kandidati, jiġifieri l-Albanija, il-Montenegro, il-Maċedonja ta' Fuq, u s-Serbja. Il-ministri u r-rappreżentanti mill-pajjiżi kkonċernati ħadu sehem ukoll fid-diskussjoni.

L-istat tad-dritt għandu rwol ċentrali fil-proċess tat-tkabbir bħala kundizzjoni fundamentali għas-sħubija fl-UE. L-inklużjoni tal-pajjiżi kandidati fir-rapport dwar l-istat tad-dritt għandha l-għan li tpoġġihom fuq l-istess livell mal-istati membri u tipprovdi pjattaforma addizzjonali biex tappoġġa l-isforzi ta' riforma u l-proċess ta' adeżjoni tagħhom.

F'dan il-kuntest, il-ministri kellhom skambju wiesa' ta' fehmiet dwar kwistjonijiet tal-istat tad-dritt ma' dawn il-pajjiżi kandidati. Id-diskussjoni ffukat fuq xejriet ġenerali fl-erba' oqsma relatati mal-istat tad-dritt u ma nħarġet l-ebda konklużjoni formali wara d-dibattitu. Id-diskussjonijiet dwar l-istat tad-dritt fil-pajjiżi kandidati individwali ser ikomplu jsiru fil-qafas tal-proċess tat-tkabbir.

Punti oħra

F'seduta pubblika, il-presidenza ppreżentat is-sitwazzjoni attwali tal-pakketti ta' simplifikazzjoni Omnibus u d-delegazzjoni Awstrijaka ppreżentat id-dokument informali tagħha dwar dan is-suġġett appoġġata ukoll minn diversi stati membri.

Id-delegazzjoni Spanjola qajmet il-kwistjoni tal-lingwi uffiċjali tal-UE fil-kuntest tat-tkabbir.

Dokumenti tal-laqgħat

Dokumenti ta' tħejjija

Dokumenti ta' eżitu

Stqarrijiet għall-istampa

Tagħrif għall-istampa

Kuntatti għall-istampa

Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.

Akkreditazzjoni u avvenimenti għall-istampa

Għal informazzjoni ġenerali dwar l-akkreditazzjoni, jekk jogħġbok żur din il-paġna.

L-akkreditazzjoni tal-media għas-summits internazzjonali li jsiru barra mill-Unjoni Ewropea ser tiġi ttrattata mill-awtoritajiet governattivi tal-pajjiż ospitanti.

Kompli segwina

Laqgħat oħra: Kunsill Affarijiet Ġenerali

Ara laqgħat oħrajn

L-aħħar reviżjoni: 23 ta' Settembru 2026