Skip to content
  • Kunsill Affarijiet Ġenerali

Kunsill Affarijiet Ġenerali, 16 ta' Ġunju 2026

Riżultati ewlenin

Il-ministri responsabbli għall-affarijiet Ewropej komplew it-tħejjijiet għall-Kunsill Ewropew ta' Ġunju billi ddiskutew l-abbozz ta' konklużjonijiet, kellhom dibattitu ta' orjentazzjoni dwar il-qafas finanzjarju pluriennali (QFP) 2028-2034 li jmiss b'enfasi fuq kaxxa ta' negozjar b'ċifri u ffissaw il-pożizzjoni tal-Kunsill dwar tlieta mill-pilastri ewlenin tiegħu. Il-Kunsill ġie aġġornat ukoll dwar is-sitwazzjoni tal-istat tad-dritt fl-Ungerija, iffoka fuq is-Semestru Ewropew 2026, approva l-programm tiegħu ta' 18-il xahar mill-1 ta' Lulju 2026 sal-31 ta' Diċembru 2027 u ħa nota ta' rapport tal-presidenza dwar is-simplifikazzjoni.

<p>Marilena Raouna, Viċi Ministru għall-Affarijiet Ewropej tar-Repubblika ta' Ċipru</p>

Qabel il-Kunsill Ewropew ta' din il-ġimgħa, ilħaqna stadju importanti sinifikanti fin-negozjati dwar il-Qafas Finanzjarju Pluriennali li jmiss. Il-ministri kellhom diskussjoni produttiva dwar kaxxa ta' negozjar riveduta biċ-ċifri, u laħqu pożizzjonijiet ta' negozjar parzjali dwar it-tliet elementi kostitwenti ewlenin tal-baġit futur.

Aħna u nħallu f'idejn il-kollegi Irlandiżi tagħna, nagħmlu dan b'fiduċja li l-progress miksub taħt il-presidenza Ċiprijotta ser jgħin biex iwitti t-triq lejn ftehim f'waqtu dwar baġit li jaqbel mal-ambizzjonijiet tal-Unjoni u jagħti riżultati għaċ-ċittadini tagħha.

<p>Marilena Raouna, Viċi Ministru għall-Affarijiet Ewropej tar-Repubblika ta' Ċipru</p>

Marilena Raouna, Viċi Ministru għall-Affarijiet Ewropej tar-Repubblika ta' Ċipru

Tħejjija tal-EUCO ta' Ġunju

Il-Kunsill kompla t-tħejjijiet għal-laqgħa ta' Ġunju tal-Kunsill Ewropew billi ddiskuta l-abbozz ta' konklużjonijiet. Il-mexxejja mistennija jiddiskutu:

  • il-gwerra ta' aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna
  • l-aħħar żviluppi fil-Lvant Nofsani
  • il-qafas finanzjarju Pluriennali (QFP) 2028-2034 li jmiss
  • l-isfidi ekonomiċi dinjija
  • id-difiża u s-sigurtà Ewropea
  • il-migrazzjoni
  • id-drogi illeċiti
  • is-Semestru Ewropew

Barra minn hekk, bħala parti mit-tħejjija għall-Kunsill Ewropew li jmiss, il-Kunsill ġie infurmat dwar is-sitwazzjoni attwali tal-implimentazzjoni tad-Dikjarazzjoni Konġunta dwar il-prijoritajiet leġiżlattivi għall-2026 u tal-Pjan Direzzjonali "Ewropa Waħda, Suq Wieħed".

Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP) 2028-2034

F'seduta pubblika, il-Kunsill kellu dibattitu ta' orjentazzjoni dwar il-QFP 2028-2034 li jmiss b'enfasi fuq "kaxxa ta' negozjar" riveduta. Il-QFP huwa l-baġit fit-tul tal-UE, li jkopri perjodu ta' seba' snin.

  • Kaxxa ta' negozjar

Il-ministri qasmu l-fehmiet tagħhom dwar "kaxxa ta' negozjar" għall-QFP 2028-2034. Dan id-dokument, imħejji taħt ir-responsabbiltà tal-presidenza Ċiprijotta, għandu l-għan li jidentifika elementi għal kunsiderazzjoni politika, fosthom ċifri għad-diversi intestaturi u programmi, u jiffaċilita diskussjoni mill-mexxejja tal-UE fil-Kunsill Ewropew ta' Ġunju 2026. Il-kaxxa ta' negozjar għandha tifforma wkoll il-bażi għal negozjati futuri bejn l-istati membri.

  • Programmi QFP

Il-Kunsill laħaq mandati ta' negozjar parzjali dwar ir-regoli li ser jirregolaw il-funzjonament ta' tliet pilastri ewlenin tal-QFP 2028-2034, jiġifieri:

  • il-Pjanijiet ta' Sħubija Nazzjonali u Reġjonali (PSNR)
  • il-Fond Ewropew għall-Kompetittività
  • l-istrument Ewropa Globali

Il-mandati ta' negozjar huma "parzjali" minħabba li jeskludu kwistjonijiet finanzjarji u orizzontali. Dawn bħalissa qed jiġu diskussi bħala parti min-negozjati dwar il-QFP 2028 sal-2034 inġenerali.

Semestru Ewropew

Fil-qafas tas-semestru Ewropew 2026, il-Kunsill approva u bagħat lill-Kunsill Ewropew in-nota orizzontali dwar ir-rakkomandazzjonijiet integrati speċifiċi għall-pajjiżi.

Proċedura tal-Artikolu 7 dwar l-Ungerija

Bħala parti mill-proċedura tal-Artikolu 7(1) TUE, il-Kunsill ġie aġġornat dwar is-sitwazzjoni attwali tal-istat tad-dritt fl-Ungerija.

Id-delegazzjoni Ungeriża pprovdiet aġġornament dwar il-pjanijiet u l-passi konkreti biex jiġi indirizzat it-tħassib imqajjem fil-proposta motivata u fir-rapporti interim sussegwenti mill-Parlament Ewropew iżda wkoll it-tħassib imqajjem mill-istati membri matul diversi seduti ta' smigħ li saru f'laqgħat preċedenti tal-Kunsill Affarijiet Ġenerali. Il-Kummissjoni infurmat ukoll lill-ministri dwar kif qed jevolvu d-diskussjonijiet mal-Ungerija fir-rigward tat-tliet perkorsi ta' kundizzjonalità u r-riformi u l-azzjonijiet ta' rimedju relatati.

Simplifikazzjoni

F'sessjoni pubblika, il-presidenza ppreżentat rapport ta' progress dwar pakketti leġiżlattivi ta' simplifikazzjoni omnibus.

Programm ta' tmintax-il xahar tal-Kunsill (sessjoni pubblika)

F'sessjoni pubblika, il-Kunsill approva l-programm tiegħu ta' 18-il xahar li jkopri l-perjodu mill-1 ta' Lulju 2026 sal-31 ta' Diċembru 2027. Il-programm tħejja mill-Irlanda, il-Litwanja u l-Greċja bħala l-presidenzi li jmiss, u r-Rappreżentant Għoli fir-rigward tal-Kunsill Affarijiet Barranin, b'kooperazzjoni mal-Kummissjoni.

Punti oħra

Bħala punt mingħajr diskussjoni, il-Kunsill approva konklużjonijiet dwar suq intern imkabbar omoġenju u r-relazzjonijiet tal-UE ma' pajjiżi tal-Ewropa tal-Punent li mhumiex fl-UE u mal-Gżejjer Faeroe.

Barra minn hekk, mingħajr diskussjoni, il-Kunsill ħa nota ta' rapport tal-presidenza dwar it-tisħiħ tar-reżiljenza demokratika tal-Ewropa u l-implimentazzjoni ta' Tarka Ewropea għad-Demokrazija.

Matul il-kolazzjon, il-ministri kellhom skambju informali ta' fehmiet dwar il-kooperazzjoni mal-pajjiżi kandidati u l-kandidati potenzjali rigward it-Tarka Ewropea għad-Demokrazija u ċ-Ċentru Ewropew għar-Reżiljenza Demokratika. Il-ministri mill-pajjiżi kandidati u l-kandidati potenzjali attendew ukoll din id-diskussjoni.

Dokumenti tal-laqgħat

Dokumenti ta' tħejjija

Stqarrijiet għall-istampa

Tagħrif għall-istampa

Kuntatti għall-istampa

Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.

Akkreditazzjoni u avvenimenti għall-istampa

Għal informazzjoni ġenerali dwar l-akkreditazzjoni, jekk jogħġbok żur din il-paġna.

L-akkreditazzjoni tal-media għas-summits internazzjonali li jsiru barra mill-Unjoni Ewropea ser tiġi ttrattata mill-awtoritajiet governattivi tal-pajjiż ospitanti.

Kompli segwina

Laqgħat oħra: Kunsill Affarijiet Ġenerali

Ara laqgħat oħrajn

L-aħħar reviżjoni: 18 ta' Ġunju 2026