Il-pakkett ta' politika dwar l-arja nadifa: Intejbu l-kwalità tal-arja tal-Ewropa
X'inhu l-pakkett ta' politika dwar l-arja nadifa?
Il-pakkett ta' politika dwar l-arja nadifa għandu l-għan li jnaqqas sostanzjalment it-tniġġis tal-arja fl-UE. L-istrateġija proposta tistabbilixxi objettivi biex sal-2030 jitnaqqsu l-impatti tat-tniġġis tal-arja fuq is-saħħa u fuq l-ambjent, u tinkludi proposti leġislattivi biex jiġu implimentati standards aktar stretti għall-emissjonijiet u t-tniġġis tal-arja.
Il-pakkett ġie ppubblikat mill-Kummissjoni fit-18 ta’ Diċembru 2013, u jikkonsisti f’komunikazzjoni dwar il-'programm għal arja nadifa għall-Ewropa', flimkien ma' tliet proposti leġislattivi dwar l-emissjonijiet u t-tniġġis tal-arja.
Il-pakkett ta' politika dwar l-arja nadifa f’ċifri
Sal-2030, meta mqabbel mas-sitwazzjoni attwali, il-miżuri taħt il-pakkett ta' politika dwar l-arja nadifa huma stmati li:
- jevitaw 58 000 mewta prematura
- isalvaw 123 000km2 ta’ ekosistemi mit-tniġġis min-nitroġenu
- isalvaw 56 000km2 ta’ żoni protetti tan-Natura 2000
- isalvaw 19 000km2 ta’ ekosistemi tal-foresti mill-aċidifikazzjoni
Għalfejn għandna bżonnu?
Il-kwalità ħażina tal-arja għandha impatt negattiv fuq il-kwalità tal-ħajja tagħna. Hija tikkawża ħafna kwistjonijiet ta’ saħħa, bħalma huma l-ażma u l-problemi kardjovaskulari. Dan imbagħad jirriżulta f'jiem ta’ xogħol mitlufa minħabba nuqqas ta’ saħħa, u spejjeż ogħla għas-servizzi tal-kura tas-saħħa, speċjalment għat-tfal u l-anzjani.
Il-problemi tas-saħħa marbutin mal-kwalità ħażina tal-arja huma partikolarment ħżiena f’żoni urbani mibnija, fejn il-kwalità tal-arja hija ġeneralment aktar baxxa. Il-kwalità ħażina tal-arja hija wkoll l-akbar kawża ta’ mwiet prematuri fl-UE, u fil-fatt għandha impatt ogħla mill-inċidenti tat-traffiku. Minbarra l-effetti ta' ħsara fuq is-saħħa tal-bniedem, il-kwalità ħażina tal-arja tagħmel ħsara wkoll lill-ekosistemi.
L-implimentazzjoni tal-pakkett dwar l-arja nadifa tirriżulta fi kwalità aħjar tal-arja għaċ-ċittadini kollha tal-UE, u tnaqqas l-ispejjeż tal-kura tas-saħħa għall-gvernijiet. Il-proposti jservu ta' ġid ukoll għall-industrija, peress li miżuri li jnaqqsu t-tniġġis tal-arja għandhom jagħtu spinta lill-innovazzjoni u jsaħħu l-kompetittività tal-UE fil-qasam tat-teknoloġija ekoloġika.
Fid-dettall
Il-pakkett ta' politika dwar l-arja nadifa huwa magħmul minn diversi elementi:
- il-programm għal arja nadifa għall-Ewropa - strateġija tal-Kummissjoni li tiddeskrivi miżuri biex jiġi żgurat li jintlaħqu l-miri eżistenti u tistabbilixxi objettivi ġodda għall-kwalità tal-arja għall-perjodu sal-2030
- direttiva riveduta dwar limiti massimi ta' emissjonijiet nazzjonali, b'limiti massimi ta' emissjonijiet stretti għas-sitt sustanzi li jniġġsu prinċipali
- direttiva proposta biex jitnaqqas it-tniġġis minn impjanti ta' kombustjoni ta' daqs medju
- proposta għal approvazzjoni tar-regoli internazzjonali emendati dwar tniġġis transkonfinali tal-arja fuq distanza twila (il-Protokoll ta’ Gothenburg) fil-livell tal-UE
Fil-Kunsill
Il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-programm għal arja nadifa ġiet ippreżentata lill-Kunsill fl-20 ta’ Diċembru 2013. Il-Kummissjoni ppreżentat ukoll il-programm lill-Kunsill, flimkien mal-proposti leġislattivi li jakkumpanjawh, f'laqgħa tal-Kunsill Ambjent fit-3 ta’ Marzu 2014.
Żewġ elementi tal-pakkett ta' politika dwar l-arja nadifa jaqgħu taħt il-proċedura leġislattiva ordinarja - il-proposta biex jiġu mmodifikati l-limiti massimi ta' emissjonijiet nazzjonali, u l-proposta dwar impjanti ta’ kombustjoni ta’ daqs medju. Fir-rigward ta' dawn iż-żewġ proposti leġislattivi, il-Kunsill għalhekk jikkoleġisla mal-Parlament Ewropew.
Reċentement, il-Kunsill adotta d-direttiva dwar l-impjanti ta’ kombustjoni ta' daqs medju f’Diċembru 2015. Intlaħaq approċċ ġenerali għad-direttiva "NEC" dwar il-livelli nazzjonali massimi tal-emissjonijiet u issa hija mistennija d-deċiżjoni tal-Parlament.
Il-proposta dwar il-Protokoll ta’ Gothenburg teħtieġ Deċiżjoni tal-Kunsill. Għalhekk jinħtieġ li l-Parlament Ewropew jagħti l-kunsens tiegħu ladarba l-Kunsill jixtieq jadotta l-proposta leġislattiva.