Skip to content

Emenda għall-protokoll tal-1999 sabiex titnaqqas l-aċidifikazzjoni, l-ewtrofikazzjoni u l-ożonu troposferiku (il-Protokoll ta’ Gothenburg)

Fil-qosor

Il-Konvenzjoni dwar it-Tniġġis Transkonfini tal-Arja fuq Distanza Twila (Konvenzjoni LRTAP) hija l-qafas internazzjonali prinċipali għal kooperazzjoni u miżuri biex jiġi limitat u gradwalment imnaqqas u pprevenut it-tniġġis tal-arja. 51 pajjiż mill-Konvenzjoni Ekonomika tan-NU għall-Ewropa (UNECE) bħala reġjun huma partijiet fil-Konvenzjoni, inklużi l-istati membri tal-UE, il-Kanada, l-Istati Uniti tal-Amerika u diversi pajjiżi fl-Asja Ċentrali.

Minn meta ġiet iffirmata fl-1979, il-Konvenzjoni LRTAP ġiet estiża bi 8 protokolli speċifiċi, inkluż bil-protokoll tal-1999 sabiex jiġu mwaqqfa l-aċidifikazzjoni, l-ewtrofikazzjoni u l-ożonu troposferiku. Dan il-protokoll, magħruf ukoll bħala 'il-Protokoll ta’ Gothenburg', ġie approvat mill-Kunsill f’isem l-UE f’Ġunju 2003. Dan ġie traspost fil-liġi tal-UE prinċipalment permezz tad-direttiva NEC tal-2001 u d-direttiva tal- 2001 dwar l-emissjonijiet minn impjanti kbar ta’ kombustjoni.

Fl-2012, il-protokoll ġie modifikat u ġew miżjuda żewġ annessi ġodda. Il-bidliet għandhom l-għan li jsaħħu l-isforzi biex jintlaħqu l-objettivi dwar il-protezzjoni fit-tul tas-saħħa tal-bniedem u tal-ambjent. Dawn il-bidliet għall-protokoll issa jeħtieġ li jiġu approvati mill-UE

Fid-dettall

Emenda għall-protokoll tal-1999 sabiex titnaqqas l-aċidifikazzjoni, l-ewtrofikazzjoni u l-ożonu troposferiku - 2013/0448 (NLE)

L-emenda proposta għall-protokoll tal-1999 tistabbilixxi l-impenji nazzjonali ġodda għat-tnaqqis ta’ emissjonijiet mill-2020 ’il quddiem. Din tkopri erba’ sustanzi li jniġġsu l-arja - il-kubrit (primarjament id-diossidu tal-kubrit), ossidi tan-nitroġenu, ammonijaka u komposti organiċi volatili (VOC) oħra minbarra l-metan - u materja partikulata.

B’mod partikolari, l-emenda tinkludi:

  • tnaqqis tal-emissjonijiet għall-karbonju iswed
  • aġġornament tal-valuri limitu tal-emissjonijiet stabbiliti fl-anness għall-protokoll
  • standards ġodda dwar il-kontenut ta’ komposti organiċi volatili (VOC’ s) mhux tal-metan fil-prodotti

Barra minn hekk, l-emenda tiffinalizza l-obbligu tar-rappurtar għal emissjonijiet ta’ sustanzi li jniġġsu l-arja.

Fil-Kunsill

Fil-31 ta’ Jannar 2012, il-Kummissjoni ppreżentat proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-aċċettazzjoni tal-Protokoll rivedut ta’ Gothenburg f’isem l-UE. Din il-proposta qed tiġi diskussa bħalissa fil-Kunsill. Il-Parlament Ewropew għandu jagħti l-kunsens tiegħu wkoll.