Tnaqqis tat-tniġġis tal-arja minn impjanti tal-kombustjoni ta' daqs medju
Fil-qosor
L-impjanti tal-kombustjoni medji jintużaw għal firxa wiesgħa ta' għanijiet, bħall-ġenerazzjoni tal-elettriku, it-tisħin u t-tkessiħ domestiku/residenzjali u biex jipproduċu sħana/stim għal proċessi industrijali. Huma sors importanti ta' emissjonijiet ta' diossidu tal-kubrit, ossidi tan-nitroġenu u materja partikolata (trab fin). Fl-UE hemm madwar 142 986 minn dawn l-impjanti tal-kombustjoni medji.
L-emissjonijiet minn dawn l-impjanti tal-kombustjoni medji bħalissa mhumiex koperti minn regoli speċifiċi fil-livell tal-UE. Id-direttiva proposta tintroduċi limiti għal dawn l-emissjonijiet, u b'hekk tgħin b'mod sinifikanti sabiex l-istati membri jwettqu l-impenji ġenerali tagħhom għat-tnaqqis tal-emissjonijiet.
Fid-dettall
Direttiva proposta dwar il-limitazzjoni tal-emissjonijiet ta' ċertu tniġġis fl-arja minn impjanti medji tal-kombustjoni - 2013/0442 (COD)
Id-direttiva proposta tiffissa limiti tal-emissjonijiet għad-diossidu tal-kubrit, l-ossidi tan-nitroġenu u l-materja partikolata minn impjanti tal-kombustjoni medji. B'mod partikolari, il-proposta tinkludi:
- l-iskema ta’ reġistrazzjoni obbligatorja għal impjanti tal-kombustjoni medji
- limiti speċifiċi għall-emissjonijiet ta’ diossidu tal-kubrit, ossidi tan-nitroġenu u materja partikolata għal impjanti tal-kombustjoni ġodda u eżistenti, u skadenzi għall-introduzzjoni ta’ dawn il-limiti
- obbligu għall-istati membri biex japplikaw limiti aktar stretti għall-emissjonijiet minn impjanti f’żoni fejn il-kwalità tal-arja ma tkunx fil-livell meħtieġ
- il-ħtieġa li l-operaturi jwettqu monitoraġġ tal-emissjonijiet u jirrapportaw nuqqas ta’ konformità - inkluż it-twaqqif fil-livell tal-istati membri ta’ sistema ta’ spezzjonijiet ambjentali għall-impjanti tal-kombustjoni medji, jew l-implimentazzjoni ta’ miżuri oħra biex jivverifikaw il-konformità tagħhom - u li jieħdu l-miżuri meħtieġa f’każ ta’ nuqqas ta’ konformità mar-regoli
- Il-ħolqien ta’ mekkaniżmu ta’ rapportar
- regoli speċifiċi dwar il-pieni applikabbli f’każ ta’ ksur tar-regoli
Fl-10 ta’ Novembru 2015, il-Kunsill adotta d-direttiva.
Fil-Kunsill
Il-Kummissjoni ppreżentat il-proposta tagħha f’laqgħa tal-Kunsill Ambjent fit-3 ta’ Marzu 2014. Il-ministri tal-ambjent tal-UE kellhom dibattitu ta’ orjentazzjoni inizjali dwar id-Direttiva proposta fit-12 ta’ Ġunju 2014.
Il-Kunsill laħaq approċċ ġenerali dwar il-proposta fis-17 ta' Ottubru 2014. Dan għamilha possibbli li l-presidenza tal-Kunsill tibda n-negozjati mal-Parlament Ewropew f'Mejju 2015.
Fit-23 ta’ Ġunju 2015, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill laħqu ftehim proviżorju dwar il-proposta. It-test miftiehem tagħhom fih diversi bidliet mill-proposta oriġinali tal-Kummissjoni. Il-bidliet jinkludu:
- l-ispeċifikazzjoni li l-impjanti tal-kombustjoni medji jistgħu jitħaddmu biss wara reġistrazzjoni jew b'permess
- l-introduzzjoni ta’ reġimi differenti għall-impjanti tal-kombustjoni medji eżistenti, skont id-daqs
- skadenzi mtawla għall-konformità għal xi impjanti, bħas-sistemi ta’ tisħin distrettwali, impjanti fejn il-bijomassa hija l-fjuwil prinċipali, impjanti li huma parti minn sistemi iżolati żgħar (pereżempju fuq gżejjer) u impjanti speċifiċi kollegati ma’ sistema nazzjonali ta’ trażmissjoni tal-gass
- id-dispożizzjoni li l-istati membri għandhom jivvalutaw il-ħtieġa li japplikaw limiti aktar stretti għal impjanti individwali f’żoni li ma jikkonformawx mal-valuri limitu tal-UE għall-kwalità
- l-introduzzjoni ta’ regoli għall-monitoraġġ tal-emissjonijiet ta' monossidu tal-karbonju
Il-ftehim ġie kkonfermat mill-Coreper (il-Kumitat tar-Rappreżentanti Permanenti) fit-30 ta’ Ġunju 2015. Il-Parlament Ewropew qabel dwar il-pożizzjoni tiegħu fis-7 ta’ Ottubru 2015 u l-Kunsill adotta d-direttiva fl-10 ta’ Novembru 2015.