Skip to content

PAK: Organizzazzjoni komuni tas-swieq wara l-2013

X'inhuma l-bidliet fl-organizzazzjoni komuni tas-suq?

Fil-futur l-UE ser tkun tista' twieġeb aħjar għal żbilanċi tas-suq u għal sitwazzjonijiet ta' kriżi. F'każijiet ta' taqlib estrem fis-suq jew volatilità estrema tal-prezzijiet, il-ġabra riveduta ta' strumenti għandha tnaqqas l-impatt fuq il-bdiewa. F'sitwazzjonijiet ta' kriżi, pereżempju tfaqqigħa ta' E.coli, il-Kummissjoni tista' tapplika miżuri ta' emerġenza ġodda.

L-iskema tal-frott fl-iskejjel u l-iskema tal-ħalib fl-iskejjel ser ikomplu, u l-baġit għall-iskema tal-frott fl-iskejjel ser jiżdied.

Il-kwoti taz-zokkor ser jitneħħew mhux aktar tard mill-2017. Dan ser itejjeb il-kompetittività tal-produtturi taz-zokkor Ewropej fis-suq dinji u fl-istess ħin jipprovdi aktar opportunitajiet għall-produtturi taz-zokkor fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw biex ikollhom aċċess għas-suq tal-UE.

Ir-riforma ssaħħaħ ukoll il-pożizzjoni tal-bdiewa meta jinnegozjaw mal-industrija tal-ipproċessar tal-ikel u l-katini tas-supermarkets, b'mod partikolari billi tgħinhom jingħaqdu flimkien b'mod aktar effettiv f'organizzazzjonijiet tal-produtturi u organizzazzjonijiet interprofessjonali. Dan għandu jippermettilhom iżommu marġni ta' profitt sostenibbli fuq żmien twil.