Kronoloġija - sanzjonijiet tal-UE kontra l-Belarussja
Ħarsa ġenerali lejn is-sanzjonijiet adottati mill-UE b'reazzjoni għar-repressjoni u l-abbużi tad-drittijiet tal-bniedem fil-Belarussja u l-appoġġ militari tal-Belarussja għar-Russja.
-
2026
26 ta' FrarL-UE testendi s-sanzjonijiet kontra l-Belarussja għal sena oħra
Il-Kunsill iddeċieda li jestendi l-miżuri restrittivi marbuta mar-repressjoni interna fil-Belarussja u l-appoġġ tar-reġim ta' Lukashenka għall-gwerra tar-Russja kontra l-Ukrajna għal sena oħra, sat-28 ta' Frar 2027.
-
2025
15 ta' DiċembruL-UE twessa' l-kamp ta' applikazzjoni tar-reġim ta' sanzjonijiet kontra l-Belarussja biex ikopri attivitajiet ibridi
Il-Kunsill introduċa kriterju ġdid għall-elenkar ta' individwi, entitajiet u korpi li jibbenefikaw minn, huma involuti jew jiffaċilitaw azzjonijiet jew politiki attribwibbli lir-Repubblika tal-Belarussja, li jdgħajfu jew jheddu d-demokrazija, l-istat tad-dritt, l-istabbiltà jew is-sigurtà fl-UE u l-istati membri tagħha.
Din id-deċiżjoni tal-lum ġiet wara l-inkursjonijiet ta' blalen tal-arja meteoroloġiċi fl-ispazju tal-ajru tal-Litwanja.
-
2025
23 ta' OttubruSanzjonijiet ġodda fid-dawl tal-kompliċità tal-Belarussja fil-gwerra tar-Russja kontra l-Ukrajna
Il-Kunsill adotta d-19-il pakkett ta' sanzjonijiet kontra r-Russja, li jinkludi xi miżuri fid-dawl tal-kompliċità tal-Belarussja fil-gwerra ta' aggressjoni tar-Russja:
- 5 individwi oħra ssanzjonati
- aktar sanzjonijiet li jirriflettu s-sanzjonijiet kummerċjali kontra r-Russja
-
2025
18 ta' LuljuSanzjonijiet ġodda fid-dawl tal-kompliċità tal-Belarussja fil-gwerra tar-Russja kontra l-Ukrajna
Il-Kunsill adotta t-18-il pakkett ta' sanzjonijiet kontra r-Russja, li jinkludi xi miżuri fid-dawl tal-kompliċità tal-Belarussja fil-gwerra ta' aggressjoni tar-Russja:
- tisħiħ tal-projbizzjoni fuq il-forniment ta' servizzi ta' messaġġi finanzjarji speċjalizzati bbażati fl-UE lil banek Belarussi għal projbizzjoni sħiħa fuq it-tranżazzjonijiet
- embargo fuq l-importazzjonijiet ta' armi mill-Belarussja
- sanzjonijiet fuq tmien kumpaniji li joperaw fil-kumpless militari-industrijali Belarussu
- aktar sanzjonijiet li jirriflettu s-sanzjonijiet relatati mal-kummerċ kontra r-Russja
-
2025
12 ta' ĠunjuTariffi ġodda fuq prodotti agrikoli u fertilizzanti mir-Russja u l-Belarussja
Il-Kunsill adotta regolament li ser jimponi tariffi ġodda fuq prodotti agrikoli u ċerti fertilizzanti mir-Russja u l-Belarussja li kienu għadhom mhumiex soġġetti għal dazji doganali addizzjonali.
It-tariffi mistennija jnaqqsu d-dħul mill-esportazzjonijiet tar-Russja, u jillimitaw il-kapaċità tagħha li tiffinanzja l-gwerra tagħha kontra l-Ukrajna.
-
2025
27 ta' MarzuSanzjonijiet ġodda wara l-hekk imsejħa elezzjonijiet
Il-Kunsill iddeċieda li jimponi sanzjonijiet fuq 25 individwu u 7 entitajiet addizzjonali wara l-hekk imsejħa elezzjonijiet reċenti. Huma responsabbli għall-appoġġ tar-reġim repressiv ta' Lukashenka u għall-kontribut għar-repressjoni interna u l-abbużi tad-drittijiet tal-bniedem fil-Belarussja.
Dawk sanzjonati jinkludu l-Kummissjoni Elettorali Ċentrali, il-viċi president, is-segretarju u l-membri tagħha, Aleh Ramanau, li huwa l-president tal-partit politiku b'maġġoranza fil-parlament Belarussu, diversi mħallfin, u membri tad-Direttorat għall-Ġestjoni tal-Proprjetajiet tal-President.
-
2025
14 ta' MarzuTariffi ġodda fuq prodotti agrikoli u fertilizzanti mir-Russja u l-Belarussja
Il-Kunsill adotta l-pożizzjoni tiegħu, bil-ħsieb tan-negozjati mal-Parlament Ewropew, dwar regolament li ser jimponi tariffi fuq il-bqija tal-prodotti agrikoli mir-Russja u l-Belarussja, kif ukoll fuq ċerti fertilizzanti bbażati fuq in-nitroġenu.
It-tariffi mistennija jnaqqsu d-dħul mill-esportazzjonijiet Russi, u b'hekk jillimitaw il-kapaċità tar-Russja li tiffinanzja l-gwerra ta' aggressjoni tagħha kontra l-Ukrajna.
-
2025
24 ta' FrarSanzjonijiet ġodda fid-dawl tal-kompliċità tal-Belarussja fil-gwerra tar-Russja kontra l-Ukrajna
Il-Kunsill adotta s-16-il pakkett ta' sanzjonijiet kontra r-Russja, li jinkludi xi miżuri fid-dawl tal-kompliċità tal-Belarussja fil-gwerra ta' aggressjoni tar-Russja:
- aktar sanzjonijiet li jirriflettu s-sanzjonijiet kummerċjali kontra r-Russja
- restrizzjonijiet fuq il-bejgħ jew il-forniment ta' servizzi u software, depożiti u kartieri ta' kriptoassi, u t-trasport
Barra minn hekk, il-Kunsill estenda r-reġim ta' sanzjonijiet kontra l-Belarussja sat-28 ta' Frar 2026.
-
2024
16 ta' DiċembruSanzjonijiet ġodda fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Belarussja
Il-Kunsill iddeċieda li jimponi miżuri restrittivi fuq 26 individwu u żewġ entitajiet addizzjonali mill-Belarussja, fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-pajjiż.
Il-miżuri restrittivi l-ġodda għandhom fil-mira diversi membri tal-ġudikatura, il-kapijiet u l-viċi kapijiet ta' diversi istituzzjonijiet korrettivi, sidien ta' negozji, sidien parzjali, assoċjati, jew membri ta' bordijiet tad-diretturi li jibbenefikaw mir-reġim ta' Lukashenka, kumpanija tat-trasport u tal-ħżin u kumpanija li tibbenefika mir-reġim u tiffaċilita ċ-ċirkomvenzjoni tas-sanzjonijiet tal-UE.
-
2024
5 ta' AwwissuSanzjonijiet ġodda fid-dawl tal-abbużi tad-drittijiet tal-bniedem fil-Belarussja
Il-Kunsill impona sanzjonijiet fuq 28 individwu ieħor responsabbli għar-repressjoni interna u l-abbużi tad-drittijiet tal-bniedem li għaddejjin fil-Belarussja.
Dawk sanzjonati jinkludu membri tad-dipartiment għall-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata u l-korruzzjoni (HUBAZiK) tal-Ministeru għall-Affarijiet Interni. Dawn jinkludu wkoll membri tal-ġudikatura, kapijiet ta' istituzzjonijiet korrettivi u propagandisti tar-reġim.
Dawn is-sanzjonijiet ġew adottati qabel ir-raba' anniversarju tal-elezzjonijiet presidenzjali frodulenti ta' Awwissu 2020.
-
2024
29 ta' ĠunjuSanzjonijiet ġodda kontra l-Belarussja mmirati lejn is-setturi tal-kummerċ, tas-servizzi u tat-trasport
Il-Kunsill adotta sanzjonijiet immirati lejn l-ekonomija Belarussa, fid-dawl tal-involviment tar-reġim fil-gwerra ta' aggressjoni illegali, mhux provokata u mhux ġustifikata tar-Russja kontra l-Ukrajna.
Dawn is-sanzjonijiet għandhom l-għan li jirriflettu bosta mill-miżuri restrittivi diġà fis-seħħ kontra r-Russja, u jinkludu:
- projbizzjoni fuq l-esportazzjoni ta' oġġetti u teknoloġiji b'użu doppju, oġġetti tan-navigazzjoni marittima u oġġetti ta' lussu lejn il-Belarussja
- projbizzjoni fuq l-importazzjoni ta' deheb, djamanti, elju, faħam u prodotti minerali, inkluż iż-żejt mhux maħdum, mill-Belarussja
- projbizzjoni fuq il-forniment ta' ċerti servizzi
- projbizzjoni usa' fuq it-trasport tal-merkanzija bit-triq fit-territorju tal-UE
- rekwiżit għall-esportaturi tal-UE biex idaħħlu l-hekk imsejħa "klawżola ta' esklużjoni tal-Belarussja" f'kuntratti futuri
- miżuri oħra kontra ċ-ċirkomvenzjoni
-
2024
26 ta' FrarL-UE testendi s-sanzjonijiet kontra l-Belarussja għal sena oħra
Il-Kunsill iddeċieda li jestendi l-miżuri restrittivi marbuta mar-repressjoni interna fil-Belarussja u l-appoġġ tar-reġim għall-gwerra tar-Russja kontra l-Ukrajna għal sena oħra, sat-28 ta' Frar 2025.
Minn Awwissu 2020, l-UE imponiet diversi ċikli suċċessivi ta' sanzjonijiet individwali u settorjali kontra dawk responsabbli għar-repressjoni interna u l-abbużi tad-drittijiet tal-bniedem fil-Belarussja, u fil-kuntest tal-involviment tal-Belarussja fil-gwerra tar-Russja kontra l-Ukrajna. B'dawn il-miżuri, l-UE qed tindika lill-atturi politiċi u ekonomiċi responsabbli li l-azzjonijiet u l-appoġġ tagħhom għar-reġim u għar-Russja għandhom prezz.
-
2024
19 ta' FrarL-UE tafferma mill-ġdid l-appoġġ sod għad-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem fil-Belarussja
Il-Kunsill approva konklużjonijiet li jaffermaw mill-ġdid l-appoġġ sod tiegħu għall- isforzi tal-poplu Belarussu għal Belarussja ħielsa, demokratika, sovrana u indipendenti bħala parti minn Ewropa paċifika u prospera.
Fil-konklużjonijiet tiegħu, il-Kunsill jesprimi t-tħassib kontinwu u serju tiegħu dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem li qed tiddeterjora fil-Belarussja u jikkundanna bil-qawwa l-appoġġ kontinwu pprovdut mir-reġim Belarussu għall-gwerra ta' aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna.
L-UE imponiet sanzjonijiet immirati kontra r-reġim ta' Lukashenka, u tinsab lesta li tieħu aktar miżuri restrittivi u mmirati sakemm l-awtoritajiet Belarussi jkomplu bl-azzjonijiet tagħhom.
-
2023
3 ta' AwwissuL-UE tadotta sanzjonijiet ġodda kontra l-Belarussja
Il-Kunsill impona sanzjonijiet fuq 38 individwu u 3 entitajiet addizzjonali minħabba abbużi kontinwi tad-drittijiet tal-bniedem. Impona wkoll aktar miżuri mmirati b’rispons għall-involviment fl-aggressjoni militari tar-Russja kontra l-Ukrajna, u estenda l-projbizzjonijiet fuq l-esportazzjoni għall-armi tan-nar, l-avjazzjoni u l-industrija spazjali.
-
2023
27 ta' FrarL-UE testendi l-miżuri restrittivi għal sena oħra
Il-Kunsill iddeċieda li jestendi għal sena oħra l-miżuri restrittivi marbuta mar-repressjoni interna fil-Belarussja u l-appoġġ tar-reġim għall-gwerra kontra l-Ukrajna. Id-deċiżjoni ttieħdet abbażi tar-rieżami annwali u filwaqt li tqiesu l-gravità persistenti tas-sitwazzjoni fil-pajjiż u l-involviment tal-pajjiż fl-aggressjoni Russa kontra l-Ukrajna. Il-miżuri issa japplikaw sat-28 ta' Frar 2024.
Ġew adottati miżuri restrittivi mmirati b'rispons għan-natura frawdolenti tal-elezzjonijiet presidenzjali ta' Awwissu 2020 fil-Belarussja, u l-intimidazzjoni u r-repressjoni vjolenti ta' dimostranti paċifiċi, membri tal-oppożizzjoni u ġurnalisti. Dawn ġew estiżi aktar b'rispons għall-involviment tal-Belarussja fl-aggressjoni Russa kontra l-Ukrajna, u bħalissa japplikaw għal 195 individwu u 34 entità.
-
2022
3 ta' ĠunjuL-UE tadotta ċiklu ġdid ta' miżuri restrittivi b'rabta mar-repressjoni interna
Il-Kunsill illum iddeċieda li jimponi miżuri restrittivi fuq 12-il individwu u 8 entitajiet oħra għar-rwol tagħhom fir-repressjoni interna li għaddejja u l-abbużi tad-drittijiet tal-bniedem fil-Belarussja.
Il-persuni elenkati huma responsabbli mir-repressjoni tas-soċjetà ċivili u l-oppożizzjoni demokratika, jew jibbenefikaw mir-reġim ta' Lukashenko jew jappoġġawh. L-elenkar il-ġdid jinkludi uffiċjali għolja tal-istat, negozjanti u l-familji tagħhom, membri fis-settur ġudizzjarju, u propagandisti prominenti.
-
2022
9 ta' MarzuMiżuri ġodda b'rispons għall-involviment fl-invażjoni militari tal-Ukrajna mir-Russja
Bi tweġiba għall-involviment tal-Belarussja fl-aggressjoni militari Russa mhux ġustifikata u mhux provokata kontra l-Ukrajna, il-Kunsill adotta miżuri addizzjonali mmirati lejn is-settur finanzjarju Belarussu.
Il-miżuri li ntlaħaq qbil dwarhom ser:
- jirrestrinġu l-forniment ta' servizzi ta' messaġġi finanzjarji speċjalizzati (SWIFT) għal tliet banek Belarussi
- jipprojbixxu tranżazzjonijiet mal-Bank Ċentrali tal-Belarussja
- jipprojbixxu l-elenkar u l-forniment ta' servizzi fir-rigward ta' ishma ta' entitajiet statali Belarussi f'ċentri tan-negozjar tal-UE
- jillimitaw b'mod sinifikanti l-influssi finanzjarji mill-Belarussja lejn l-UE
- jipprojbixxu l-forniment ta' karti tal-flus iddenominati fl-euro lill-Belarussja
-
2022
2 ta' MarzuSanzjonijiet b'rispons għall-involviment fl-invażjoni militari tal-Ukrajna mir-Russja
L-UE tikkundanna bl-aktar mod qawwi possibbli l-involviment tal-Belarussja fl-invażjoni militari mhux provokata u mhux ġustifikata tal-Ukrajna mir-Russja. B'rispons għall-azzjonijiet tal-Belarussja, l-UE ħarġet pakkett ta’ sanzjonijiet individwali u ekonomiċi mmirati lejn 22 persuna u restrizzjonijiet ulterjuri fuq il-kummerċ.
-
2022
24 ta' FrarL-UE testendi l-miżuri restrittivi għal sena oħra
Il-Kunsill iddeċieda li jestendi l-miżuri restrittivi għal sena oħra fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Belarussja. Id-deċiżjoni ttieħdet abbażi tar-rieżami annwali u b'kunsiderazzjoni tal-gravità persistenti tas-sitwazzjoni fil-pajjiż. Il-miżuri issa japplikaw sat-28 ta' Frar 2023.
Ġew adottati miżuri restrittivi mmirati b'rispons għan-natura frawdolenti tal-elezzjonijiet presidenzjali ta' Awwissu 2020 fil-Belarussja, u l-intimidazzjoni u r-repressjoni vjolenti ta' dimostranti paċifiċi, membri tal-oppożizzjoni u ġurnalisti. Dawn ġew estiżi aktar b'rispons għal repressjoni kontinwa, abbużi tad-drittijiet tal-bniedem u l-istrumentalizzazzjoni tal-migranti u attwalment japplikaw għal 183 individwu u 26 entità.
-
2021
2 ta' DiċembruIl-ħames pakkett ta' sanzjonijiet dwar l-abbużi li qed jibqa' jkun hemm tad-drittijiet tal-bniedem u l-istrumentalizzazzjoni tal-migranti
Fit-2 ta' Diċembru 2021, il-Kunsill impona miżuri restrittivi fuq 17-il individwu u 11-il entità addizzjonali.
Il-miżuri huma mmirati lejn membri prominenti tal-fergħa ġudizzjarja u s-sorsi ta' propaganda li jikkontribwixxu għar-repressjoni li qed tkompli għaddejja tas-soċjetà ċivili, l-oppożizzjoni demokratika, il-mezzi tax-xandir indipendenti u l-ġurnalisti.
Il-miżuri huma mmirati wkoll lejn uffiċjali politiċi ta' livell għoli tar-reġim ta' Lukashenko, kif ukoll kumpaniji (bħal Belavia Airlines), operaturi turistiċi u lukandi li għenu biex jinċitaw u jorganizzaw il-qsim illegali tal-fruntieri mill-Belarussja lejn l-UE, u b'dan il-mod ipparteċipaw fl-istrumentalizzazzjoni tal-migrazzjoni għal finijiet politiċi.
-
2021
15 ta' NovembruL-UE twessa’ l-ambitu għal sanzjonijiet
Fil-15 ta' Novembru, il-Kunsill emenda r-reġim ta' sanzjonijiet tiegħu minħabba s-sitwazzjoni fil-fruntiera tal-UE mal-Belarussja, sabiex ikun jista' jirreaġixxi għall-istrumentalizzazzjoni tal-bnedmin imwettqa għal finijiet politiċi mir-reġim tal-Belarussja.
Ir-reġim ta' sanzjonijiet ġie emendat permezz ta' deċiżjoni tal-Kunsill u regolament tal-Kunsill, li jwessgħu l-kriterji ta' elenkar li fuqhom jistgħu jiġu bbażati deżinjazzjonijiet speċifiċi. Issa l-UE ser ikollha fil-mira tagħha individwi u entitajiet li jorganizzaw jew jikkontribwixxu għal attivitajiet mir-reġim ta' Lukashenko li jiffaċilitaw il-qsim illegali tal-fruntieri esterni tal-UE.
-
2021
21 ta' ĠunjuIr-raba' pakkett ta' sanzjonijiet tal-UE minħabba repressjoni dejjiema u l-inżul furzat ta' titjira ta' Ryanair
Fil-21 ta' Ġunju, il-Kunsill iddeċieda li jimponi miżuri restrittivi kontra 78 individwu Belarussu u tmien entitajiet. Din id-deċiżjoni ttieħdet fid-dawl tal-eskalazzjoni ta' ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem fil-Belarussja u r-repressjoni vjolenti tas-soċjetà ċivili, l-oppożizzjoni demokratika u l-ġurnalisti.
Barra minn hekk, seba' individwi u entità waħda soġġetti għal din is-sensiela ġdida ta' miżuri restrittivi ġew iddeżinjati b'rabta mal-inżul furzat u illegali ta' titjira ta' Ryanair f'Minsk, il-Belarussja, fit-23 ta' Mejju 2021.
Il-miżuri restrittivi tal-UE fuq il-Belarussja issa japplikaw għal 166 persuna u 15-il entità. Dawk iddeżinjati huma soġġetti għal iffriżar tal-assi u ċ-ċittadini u l-kumpaniji tal-UE huma pprojbiti milli jagħmlu fondi disponibbli għal dawk elenkati.
-
2021
21 ta' ĠunjuIl-pajjiżi kandidati u dawk taż-ŻEE jallinjaw ruħhom mad-Deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-projbizzjoni tal-ispazju tal-ajru
Id-Deċiżjoni tal-Kunsill iddeċidiet li ssaħħaħ il-miżuri restrittivi eżistenti fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Belarussja billi tintroduċi projbizzjoni fuq it-titjir minn fuq l-ispazju tal-ajru tal-UE u fuq l-aċċess għal ajruporti tal-UE minn trasportaturi Belarussi ta' kull tip.
Il-Pajjiżi Kandidati r-Repubblika tal-Maċedonja ta' Fuq, il-Montenegro, is-Serbja u l-Albanija, u l-membri taż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE), jallinjaw ruħhom ma' din id-Deċiżjoni tal-Kunsill.
-
2021
4 ta' ĠunjuL-UE tipprojbixxi t-trasportaturi tal-ajru Belarussi
Fl-4 ta' Ġunju, il-Kunsill iddeċieda li jsaħħaħ il-miżuri restrittivi eżistenti fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Belarussja billi introduċa projbizzjoni fuq it-titjir minn fuq l-ispazju tal-ajru tal-UE u fuq l-aċċess għal ajruporti fl-UE minn trasportaturi Belarussi ta' kull tip.
Għalhekk l-istati membri tal-UE ser ikollhom l-obbligu li jiċħdu l-permess tal-inżul, tat-tlugħ jew tat-titjir minn fuq it-territorji tagħhom għal kull inġenju tal-ajru mħaddem minn kumpaniji tal-ajru Belarussi, inkluż bħala trasportatur kummerċjali.
-
2021
24 ta' MejjuIl-mexxejja tal-UE jikkundannaw l-inżul furzat f'Minsk u jappellaw għal sanzjonijiet ġodda
Il-Kunsill Ewropew jikkundanna b'mod qawwi l-inżul furzat ta' titjira tar-Ryanair f'Minsk, il-Belarussja, fit-23 ta' Mejju 2021 fejn ġiet ipperikolata s-sikurezza tal-avjazzjoni, u d-detenzjoni mill-awtoritajiet Belarussi tal-ġurnalist Raman Pratasevich u ta' Sofia Sapega.
Il-mexxejja tal-UE stiednu lill-Kunsill jadotta sanzjonijiet rilevanti li jikkonċernaw persuni u entitajiet malajr kemm jista' jkun
-
2020
17 ta' DiċembruL-UE timponi t-tielet sensiela ta' sanzjonijiet minħabba r-repressjoni li għaddejja bħalissa
B'rispons għall-brutalità tal-awtoritajiet tal-Belarussja u b'appoġġ għad-drittijiet demokratiċi tal-poplu tal-Belarussja, il-Kunsill iddeċieda li jadotta 36 deżinjazzjoni addizzjonali. Dawn is-sanzjonijiet għandhom fil-mira uffiċjali ta' livell għoli responsabbli għar-repressjoni vjolenti u l-intimidazzjoni li għaddejjin bħalissa ta' dimostranti paċifiċi, membri tal-oppożizzjoni u ġurnalisti, fost oħrajn. Għandhom fil-mira wkoll atturi ekonomiċi, negozjanti prominenti u kumpaniji li jibbenefikaw minn u/jew li jappoġġaw ir-reġim ta' Aleksandr Lukashenko.
-
2020
16 ta' NovembruAlexandr Lukashenko u 14-il uffiċjal ieħor sanzjonati minħabba r-repressjoni li għaddejja bħalissa
Il-Kunsill żied 15-il membru tal-awtoritajiet Belarussi, inkluż Alexandr Lukashenko kif ukoll ibnu u l-Konsulent tas-Sigurtà Nazzjonali Viktor Lukashenko, mal-lista ta' individwi sanzjonati b'rabta mar-repressjoni vjolenti u l-intimidazzjoni ta' dimostranti paċifiċi, membri tal-oppożizzjoni u ġurnalisti wara l-elezzjoni presidenzjali tal-2020 fil-Belarussja.
-
2020
2 ta' OttubruL-UE timponi sanzjonijiet għar-repressjoni u l-falsifikazzjoni tal-elezzjoni
Il-Kunsill impona miżuri restrittivi kontra 40 individwu identifikati bħala responsabbli għar-repressjoni u l-intimidazzjoni kontra dimostranti paċifiċi, membri tal-oppożizzjoni u ġurnalisti wara l-elezzjoni presidenzjali tal-2020 fil-Belarussja, kif ukoll għat-tmexxija ħażina tal-proċess elettorali.
Il-miżuri restrittivi jinkludu projbizzjoni fuq l-ivvjaġġar u ffriżar tal-assi. Il-projbizzjoni fuq l-ivvjaġġar timpedixxi lin-nies elenkati milli jidħlu jew jgħaddu minn territorji tal-UE, filwaqt li l-iffriżar tal-assi jintuża kontra l-fondi jew ir-riżorsi ekonomiċi tal-persuni elenkati. Barra minn hekk, ċittadini u kumpaniji tal-UE huma pprojbiti milli jagħmlu fondi disponibbli lil dawk elenkati.
-
2020
14 ta' AwwissuIl-ministri għall-affarijiet barranin tal-UE jindirizzaw l-elezzjonijiet presidenzjali Belarussi tal-2020
Il-ministri għall-affarijiet barranin tal-UE jindirizzaw l-elezzjonijiet presidenzjali Belarussi tal-2020
Il-ministri tennew l-appell ripetut tagħhom lill-awtoritajiet Belarussi biex iwaqqfu l-vjolenza sproporzjonata u inaċċettabbli kontra d-dimostranti paċifiċi u biex jeħilsu lil dawk li ġew arrestati. Matul id-diskussjonijiet tagħhom, il-ministri bagħtu sinjal qawwi ta' appoġġ mill-UE lill-popolazzjoni Belarussa fix-xewqa tagħha għal bidla demokratika.
-
2020
1 ta' OttubruIl-mexxejja tal-UE jaqblu li għandhom jiġu imposti miżuri restrittivi
Il-mexxejja tal-UE appellaw lill-awtoritajiet Belarussi biex itemmu l-vjolenza u r-repressjoni, jeħilsu lid-detenuti u l-priġunieri politiċi kollha, jirrispettaw il-libertà tal-media u s-soċjetà ċivili, u jibdew djalogu nazzjonali inklużiv. Huma qablu li għandhom jiġu imposti miżuri restrittivi u appellaw lill-Kunsill biex jadotta d-deċiżjoni mingħajr dewmien. Il-Kunsill Ewropew ħeġġeġ ukoll lill-Kummissjoni Ewropea biex tħejji pjan ta' appoġġ ekonomiku għal Belarussja demokratika.
-
2020
19 ta' AwwissuIl-mexxejja tal-UE jiddiskutu l-elezzjonijiet tal-Belarussja
Peress li l-elezzjonijiet fil-Belarussja la kienu liberi u lanqas ġusti, u ma kinux konformi mal-istandards internazzjonali, l-UE ma tirrikonoxxix ir-riżultati ppreżentati mill-awtoritajiet tal-Belarussja. Il-mexxejja kkundannaw il-vjolenza kontra d-dimostranti paċifiċi. Huma affermaw li l-UE tistenna investigazzjoni sħiħa u trasparenti dwar l-allegati abbużi kollha, u li l-atturi tas-soċjetà ċivili u tal-oppożizzjoni għandhom jiġu protetti minn arresti arbitrarji u vjolenza.
L-aħħar reviżjoni: 26 ta' Frar 2025