"Il-cookies jintużaw biex intejbu l-esperjenza ta' navigazzjoni tiegħek. Il-cookies meħtieġa huma neċessarji biex jappoġġaw karatteristiċi essenzjali tas-sit web tal-Kunsill. Il-cookies fakultattivi jgħinuna nipproduċu rapporti statistiċi anonimi u aggregati biex naqdu aħjar il-ħtiġijiet tiegħek.

Żur il-paġna tal-politika tal-cookies tagħna għal aktar informazzjoni u biex tibdel is-settings tiegħek.

български español čeština dansk Deutsch eesti Ελληνικά English français Gaeilge hrvatski italiano latviešu lietuvių magyar Malti Nederlands polski português română slovenčina slovenščina suomi svenska
Skip to content

Sanzjonijiet tal-UE kontra l-Belarussja

L-UE imponiet sanzjonijiet estensivi kontra l-Belarussja b'reazzjoni għall-abbużi tad-drittijiet tal-bniedem, l-appoġġ tal-Belarussja għall-gwerra tar-Russja kontra l-Ukrajna, u l-attakki ibridi tagħha kontra l-UE.

Abbużi tad-drittijiet tal-bniedem fil-Belarussja

L-UE adottat sanzjonijiet massivi fid-dawl tal-elezzjonijiet presidenzjali frodulenti li saru f'Awwissu 2020 u r-repressjoni brutali mill-forzi tas-sigurtà Belarussi fuq id-dimostranti paċifiċi, il-membri tal-oppożizzjoni u l-ġurnalisti.

L-għan ta' dawn is-sanzjonijiet huwa li ssir pressjoni fuq it-tmexxija politika Belarussa biex tipprevjeni aktar vjolenza u repressjoni, teħles lill-priġunieri politiċi kollha u lil persuni oħra detenuti b'mod inġust, u tagħti bidu għal djalogu nazzjonali ġenwin u inklużiv mas-soċjetà inġenerali.

Is-sanzjonijiet għandhom fil-mira persuni responsabbli għar-repressjoni u l-intimidazzjoni kontra dimostranti paċifiċi, membri tal-oppożizzjoni u ġurnalisti, kif ukoll għal tmexxija ħażina tal-proċess elettorali, tortura ta' detenuti u abbużi oħra tad-drittijiet tal-bniedem.

Dawn il-miżuri ġew estiżi l-aħħar sat-28 ta' Frar 2027. Bħalissa 310 individwi u 46 entità huma sanzjonati taħt dan ir-reġim.

Il-lista ta' individwi u entitajiet sanzjonati tinkludi lil:

  • Aliaksandr Lukashenka, President tal-Belarussja
  • Viktor Lukashenka, konsulent dwar is-sigurtà nazzjonali u iben il-President Lukashenka
  • propagandisti tar-reġim u uffiċjali għolja
  • il-president tal-Kunsill tar-Repubblika tal-Assemblea Nazzjonali tal-Belarussja
  • il-prosekutur ġenerali u membri oħra tal-ġudikatura
  • negozjanti li jibbenefikaw mir-reġim Belarussu u jappoġġawh
  • kapijiet u viċi kapijiet ta' diversi istituzzjonijiet korrettivi
  • dawk involuti fl-inżul furzat u illegali ta' titjira ta' Ryanair f'Minsk

Il-lista ta' entitajiet sanzjonati tinkludi lil:

  • mezzi ta' propaganda, il-kumpanija statali tax-xandir tat-televiżjoni u tar-radju Belteleradio
  • kumpaniji li jibbenefikaw mir-reġim Belarussu u jappoġġawh, inkluż fis-settur militari, tat-teknoloġija u tal-agrikoltura
  • kumpaniji li jiffaċilitaw iċ-ċirkomvenzjoni tas-sanzjonijiet
  • kumpaniji tat-trasport, operaturi turistiċi u lukandi li appoġġaw il-qsim illegali tal-fruntieri mill-Belarussja lejn l-UE
  • il-Qorti Suprema
  • il-Kumitat tal-Kontroll tal-Istat
  • il-Kummissjoni Elettorali Ċentrali
  • id-Direttorat tal-Ġestjoni tal-Proprjetà tal-President

Is-sanzjonijiet jinkludu:

Ajruplan b'sinjal ta' projbizzjoni.

Projbizzjoni fuq l-ivvjaġġar

Il-persuni fil-mira ma jistgħux jidħlu f'territorji tal-UE jew jgħaddu minnhom.

Karti tal-flus u ikona tal-borra.

Iffriżar tal-assi

L-assi kollha tal-individwi u l-entitajiet sanzjonati fl-UE huma ffriżati.

Turruni ta' muniti.

Nuqqas ta' disponibbiltà ta' fondi

Persuni u entitajiet tal-UE ma jistgħux iqiegħdu fondi għad-dispożizzjoni ta' dawk sanzjonati.

Bejn l-2021 u l-2025, il-Kunsill wessa' l-kamp ta' applikazzjoni tar-reġim ta' sanzjonijiet kontra l-Belarussja biex jinkludi individwi u entitajiet involuti fil-gwerra ta' aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna u f'attakki ibridi kontra l-pajjiżi tal-UE.

Barra minn hekk, fl-4 ta' Ġunju 2021, l-UE imponiet projbizzjoni fuq it-titjir fl-ispazju tal-ajru tal-UE u fuq l-aċċess għall-ajruporti tal-UE mit-trasportaturi Belarussi ta' kull tip, wara l-inżul furzat illegali ta' titjira ta' Ryanair f'Minsk fit-23 ta' Mejju 2021.

L-appoġġ militari għar-Russja

B'reazzjoni għall-appoġġ li jkompli jipprovdi r-reġim ta' Lukashenka għall-aggressjoni militari tar-Russja kontra l-Ukrajna, l-UE adottat għadd ta' miżuri individwali u ekonomiċi, l-aktar taħt ir-reġim ta' sanzjonijiet tal-Belarussja. Dawn il-miżuri jirriflettu s-sanzjonijiet adottati kontra r-Russja.

Il-miżuri restrittivi għandhom fil-mira dawk li jappoġġaw il-gwerra tar-Russja kontra l-Ukrajna u jinkludu projbizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar ta' individwi, iffriżar tal-assi ta' individwi u entitajiet, u projbizzjoni tat-tqegħid ta' fondi jew riżorsi ekonomiċi għad-dispożizzjoni ta' dawk elenkati.

Is-sanzjonijiet ekonomiċi għandhom fil-mira s-settur finanzjarju, kummerċjali, tal-enerġija, tat-trasport, tat-teknoloġija u tad-difiża tal-Belarussja, kif ukoll is-servizzi pprovduti lir-Russja jew lil ċittadini Russi. Fil-biċċa l-kbira, dawn jirriflettu l-miżuri adottati kontra r-Russja u jinkludu:

Bank.

Finanzjament

  • projbizzjoni fuq tranżazzjonijiet mal-Bank Ċentrali tal-Belarussja
  • projbizzjoni fuq tranżazzjonijietma' erba' banek oħra Belarussi
  • projbizzjoni fuq il-forniment ta' karti tal-flus iddenominati f'euro lill-Belarussja
  • limiti fuq l-influssi finanzjarji mill-Belarussja lejn l-UE
Mikroċippa.

Difiża u teknoloġija

  • projbizzjoni fuq l-esportazzjoni ta' armi tan-nar, munizzjon u oġġetti b'użu doppju lejn il-Belarussja
  • projbizzjoni fuq l-esportazzjoni ta' oġġetti u teknoloġija tad-difiża lejn il-Belarussja
  • embargo fuq l-armi
Xatba ta' ostaklu tat-triq.

Trasport

  • projbizzjoni fuq l-esportazzjoni ta' oġġetti u teknoloġija tal-avjazzjoni, dawk marittimi u spazjali lejn il-Belarussja
  • projbizzjoni fuq l-operaturi Belarussi tat-trasport bit-triqli jidħlu fl-UE
  • projbizzjoni fuq it-trasport tal-oġġetti bit-triq fit-territorju tal-UE
Karta vojta, pinna u smartphone bl-app tal-kalkolatur miftuħa.

Servizzi

  • projbizzjoni fuq il-forniment ta' servizzi ta' kontabbiltà, tal-awditjar u ta' konsulenza dwar it-taxxa
  • projbizzjoni fuq il-forniment ta' servizzi ta' konsulenza arkitettonika, tal-inġinerija, tal-IT u legali
  • projbizzjoni fuq il-forniment ta' reklamar, riċerka tas-suq u servizzi ta' opinjoni pubblika
Biċċa fojl tar-ram, djamant u xi biċċiet tal-ħadid.

Kummerċ fil-materja prima u oġġetti oħra

  • projbizzjoni fuq il-forniment ta' oġġetti ta' lussu lejn il-Belarussja
  • projbizzjoni fuq l-importazzjoni mill-Belarussja ta' deheb, djamanti, elju, faħam u prodotti minerali
  • projbizzjoni fuq l-importazzjoni ta' prodotti tal-potassa, tal-injam, tas-siment, tal-ħadid, tal-azzar u tal-gomma mill-Belarussja
Martell ta' mħallef.

Miżuri kontra ċ-ċirkomvenzjoni

  • rekwiżit għall-esportaturi tal-UE biex idaħħlu l-hekk imsejħa "klawżola ta' esklużjoni tal-Belarussja" fil-kuntratti tagħhom
  • rekwiżit għall-operaturi tal-UE biex jimplimentaw mekkaniżmi ta' diliġenza dovuta
  • projbizzjoni fuq it-tranżitu ta' oġġetti u teknoloġiji b'użu doppju mit-territorju tal-Belarussja

Tariffi fuq prodotti agrikoli u fertilizzanti

Fit-12 ta' Ġunju 2025, il-Kunsill adotta regolament li jintroduċi tariffi fuq prodotti agrikoli u fertilizzanti mir-Russja u l-Belarussja li kienu għadhom mhumiex soġġetti għal dazji doganali addizzjonali.

It-tariffi mistennija jnaqqsu d-dħul mill-esportazzjonijiet Russi u Belarussi, u b'hekk jillimitaw il-kapaċità tal-Belarussja li tappoġġa l-gwerra ta' aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna. Ilhom japplikaw mill-1 ta' Lulju 2025.

Sanzjonijiet b'reazzjoni għall-attakki ibridi tal-Belarussja

Biex iwieġeb għall-kampanja ibrida tal-Belarussja kontra l-UE, il-Kunsill wessa' l-kamp ta' applikazzjoni tas-sanzjonijiet kontra l-Belarussja fid-dawl tal-istrumentalizzazzjoni tal-migranti (Novembru 2021) u tal-vjolazzjonijiet tal-ispazju tal-ajru fil-Litwanja u attivitajiet ibridi oħra li jaffettwaw lill-istati membri tal-UE (f'Diċembru 2025).

Il-kriterji li żdiedu jippermettu lill-UE timponi sanzjonijiet kontra dawk responsabbli għal jew involuti fi:

  • strumentalizzazzjoni tal-migranti għal finijiet politiċi
  • il-manipulazzjoni tal-informazzjoni u l-interferenza minn barranin (FIMI)
  • azzjonijiet immirati lejn il-funzjonament ta' istituzzjonijiet demokratiċi, attivitajiet ekonomiċi jew servizzi ta' interess pubbliku tal-UE u tal-istati membri tagħha
  • azzjonijiet li jiffaċilitaw jew jippermettu t-tfixkil tal-funzjonament tal-infrastruttura kritika

Dawk sanzjonati huma soġġetti għal projbizzjoni fuq l-ivvjaġġar u ffriżar tal-assi. Iċ-ċittadini u l-kumpaniji tal-UE huma pprojbiti milli jpoġġu fondi għad-dispożizzjoni tagħhom.

Sanzjonijiet oħrajn kontra l-Belarussja

B'mod parallel mas-sanzjonijiet marbuta mal-elezzjonijiet ta' Awwissu 2020, hemm ukoll tipi oħra ta' sanzjonijiet fis-seħħ kontra l-Belarussja.

Fl-2004 l-UE adottat miżuri restrittivi b'rabta mal-għajbien mhux solvut ta' żewġ politiċi tal-oppożizzjoni, negozjant u ġurnalist fl-1999 u fl-2000. Dawn il-miżuri kienu jinkludu ffriżar tal-assi u projbizzjoni fuq l-ivvjaġġar kontra erba' persuni.

Aktar tard il-Kunsill adotta aktar miżuri restrittivi kontra l-individwi u l-entitajiet involuti fil-ksur tal-istandards elettorali internazzjonali u d-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem, kif ukoll fir-repressjoni tas-soċjetà ċivili u tal-oppożizzjoni demokratika.

L-embargo fuq l-armi ġie introdott fl-2011.

Fi Frar 2016, il-Kunsill iddeċieda li jneħħi s-sanzjonijiet eżistenti kontra l-individwi u l-entitajiet involuti fil-ksur tad-drittijiet tal-bniedem, filwaqt li ħalla l-embargo fuq l-armi u s-sanzjonijiet kontra l-erba' persuni involuti fl-għajbien mhux solvut.

Din id-deċiżjoni ttieħdet filwaqt li ġew rikonoxxuti l-passi li ħadet il-Belarussja li kkontribwixxew għat-titjib tar-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Belarussja, b'mod partikolari l-ħelsien tal-priġunieri politiċi kollha.

Madankollu, dan il-perjodu ta' relazzjonijiet imtejba twaqqaf wara l-elezzjonijiet presidenzjali ta' Awwissu 2020 u l-UE imponiet sensiela ta' sanzjonijiet ġodda kontra l-Belarussja.

Ara wkoll

Persuna żżomm karta bil-kitba "Belarus free".

Belarussja

Collage li jinkludi dixx tas-satellita, id mgħollija mdawra bl-istilel tal-bandiera tal-UE u bastiment kbir tal-merkanzija.

Il-gwerra tar-Russja kontra l-Ukrajna: sanzjonijiet tal-UE

Għaliex l-UE tadotta sanzjonijiet

L-aħħar reviżjoni: 26 ta' Frar 2026