Kronoloġija - Sanzjonijiet immirati lejn l-attivitajiet ta' proliferazzjoni nukleari tal-Iran
Il-kronoloġija ta' hawn taħt tagħti stampa ġenerali tal-iżviluppi ewlenin fil-miżuri restrittivi relatati mal-kwistjoni nukleari fil-konfront tal-Iran, għal finijiet ta' informazzjoni biss. Id-dokumenti uffiċjali kollha huma disponibbli fil-Ġurnal Uffiċjali tal-UE.
-
2025
-
29 ta' Settembru L-UE timponi mill-ġdid sanzjonijiet fid-dawl tal-attivitajiet ta' proliferazzjoni nukleari tal-Iran
Il-Kunsill qabel li jerġa' jimponi sanzjonijiet kontra l-Iran li kienu ġew sospiżi bid-dħul fis-seħħ tal-Pjan ta' Azzjoni Komprensiv Konġunt (PAKK jew il-ftehim nukleari mal-Iran) fl-2015.
Id-deċiżjoni ssegwi d-deċiżjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU li ma jestendix it-tneħħija tas-sanzjonijiet kontra l-Iran. Il-miżuri introdotti mill-ġdid jinkludu kemm dawk adottati mill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU sa mill-2006 kif ukoll il-miżuri awtonomi tal-UE.
-
2023
-
17 ta' Ottubru Il-Kunsill iżomm il-miżuri restrittivi wara l-Jum ta' Tranżizzjoni tal-PAKK
Il-Kunsill iddeċieda li jieħu l-passi meħtieġa biex iżomm il-miżuri restrittivi skont ir-reġim ta' nonproliferazzjoni tal-UE dwar l-Iran.
Il-Kunsill ikkonkluda li hemm raġunijiet validi biex ma jneħħix dawn ir-restrizzjonijiet fil-Jum ta' Tranżizzjoni (18 ta' Ottubru 2023), kif previst oriġinarjament fil-Pjan ta' Azzjoni Komprensiv Konġunt (PAKK).
-
2016
-
16 ta' Jannar Il-Kunsill ineħħi s-sanzjonijiet ekonomiċi u finanzjarji kollha tal-UE b'rabta man-nukleari
F'Jum l-Implimentazzjoni, il-Kunsill neħħa s-sanzjonijiet ekonomiċi u finanzjarji kollha tal-UE kontra l-Iran b'rabta man-nukleari. Dan seħħ wara li l-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija Atomika (IAEA) vverifikat li l-Iran implimenta l-miżuri miftiehma b'rabta ma' kwistjonijiet nukleari kif jidhru fil-Pjan ta' Azzjoni Komprensiv Konġunt (PAKK).
-
14 ta' Jannar Il-Kunsill jestendi s-sospensjoni tas-sanzjonijiet tal-UE
Il-Kunsill estenda s-sospensjoni ta’ ċerti miżuri restrittivi tal-UE sat-28 ta'Jannar 2016. Dawn huma l-miżuri sospiżi bħala parti mill-ftehim interim (Pjan ta’ Azzjoni Konġunt ta’ Novembru 2013).
-
2015
-
18 ta' Ottubru Adozzjoni ta' atti legali biex jitneħħew is-sanzjonijiet ekonomiċi u finanzjarji kollha tal-UE b'rabta man-nukleari
Il-Kunsill adotta l-atti legali li jipprevedu r-revoka tas-sanzjonijiet ekonomiċi u finanzjarji kollha relatati mal-kwistjoni nukleari. L-atti legali ser isiru effettivi f'Jum l-Implimentazzjoni, fl-istess ħin tal-implimentazzjoni mill-Iran ivverifikata mill-IAEA ta' miżuri miftiehma relatati mal-kwistjoni nukleari.
- Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/1861 tat-18 ta' Ottubru 2015 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 267/2012 dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran
- Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2015/1862 tat-18 ta' Ottubru 2015 li jimplimenta r-Regolament(UE) Nru 267/2012 dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran
- Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2015/1863 tat-18 ta' Ottubru 2015 li temenda d-Deċiżjoni 2010/413/PESK dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran
- Dikjarazzjoni tal-Kunsill, 18 ta' Ottubru 2015
-
31 ta' Lulju Tibda l-implimentazzjoni tal-PAKK
Il-Kunsill adotta l-atti legali li jsawru fid-dritt tal-Unjoni ċerti dispożizzjonijiet definiti mir-Riżoluzzjoni 2231(2015) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU tal-20 ta’ Lulju 2015 dwar il-Pjan ta' Azzjoni Komprensiv Konġunt (PAKK).
-
20 ta' Lulju Adozzjoni tar-riżoluzzjoni 2231 (2015) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU u konklużjonijiet tal-Kunsill li japprovaw il-PAKK
Il-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU adotta r-riżoluzzjoni 2231 (2015).
F’dan l-istess jum, il-Kunsill tal-UE adotta konklużjonijiet li japprovaw il-PAKK u ntrabat li jsegwi l-pjan ta’ implimentazzjoni.
-
14 ta' Lulju Qbil għal ftehim mal-Iran dwar in-nukleari
L-Iran u l-E3/UE+3 qablu dwar Pjan ta’ Azzjoni Komprensiv Konġunt (PAKK).
- Dikjarazzjoni konġunta mir-Rappreżentant Għoli tal-UE u l-Ministru għall-Affarijiet Barranin tal-Iran, u test tal-PAKK
- Stqarrija mill-President Donald Tusk dwar il-ftehim dwar il-programm nukleari tal-Iran
Il-Kunsill estenda s-sospensjoni ta’ ċerti miżuri restrittivi tal-UE, sospiżi bħala parti mill-ftehim interim (Pjan ta’ Azzjoni Konġunt), għal sitt xhur oħra, sa Jannar 2016.
-
2014
-
20 ta' Jannar Sospensjoni tas-sanzjonijiet tal-UE
Wara li ntlaħaq ftehim interim dwar Pjan ta’ Azzjoni Konġunt, il-Kunsill issospenda ċerti miżuri restrittivi kontra l-Iran koperti mill-Pjan ta’ Azzjoni Konġunt għal perjodu ta’ 6 xhur. Din is-sospensjoni kienet imbagħad ġiet estiża b’mod regolari sakemm intlaħaq ftehim finali fl-14 ta’ Lulju 2015.
- Iran: l-UE tissospendi ċerti sanzjonijiet hekk kif jidħol fis-seħħ il-Pjan ta’ Azzjoni Konġunt, 20 ta’ Jannar 2014
- Estensjoni tas-sospensjoni tas-sanzjonijiet tal-UE sal-24 ta' Novembru 2014
- Estensjoni tas-sospensjoni tas-sanzjonijiet tal-UE sat-30 ta' Ġunju 2015
- Estensjoni tas-sospensjoni tas-sanzjonijiet tal-UE sas-7 ta' Lulju 2015
- Estensjoni tas-sospensjoni tas-sanzjonijiet tal-UE sal-10 ta' Lulju 2015
- Estensjoni tas-sospensjoni tas-sanzjonijiet tal-UE sat-13 ta' Lulju 2015
-
2013
-
24 ta' Novembru Ftehim dwar il-programm nukleari tal-Iran
L-Iran u l-E3/UE+3 qablu dwar Pjan ta’ Azzjoni Konġunt
-
2012
-
31 ta' Diċembru L-UE timplimenta sanzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU u tadotta sanzjonijiet addizzjonali awtonomi
Biex jikkonvinċi lill-Iran jikkonforma mal-obbligi internazzjonali tiegħu, il-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU adotta għadd ta’ riżoluzzjonijiet li jimponu sanzjonijiet fuq l-Iran. L-UE timplimenta dawn is-sanzjonijiet u tadotta wkoll sanzjonijiet awtonomi addizzjonali.
L-aħħar reviżjoni: 29 ta' Settembru 2025