Skip to content

Għażla tas-sede taċ-ċentru ta' kompetenza tal-UE fil-qasam taċ-ċibersigurtà

L-UE stabbiliet ċentru ġdid taċ-ċibersigurtà sabiex ittejjeb ir-reżiljenza ċibernetika, tappoġġa r-riċerka u żżid l-isforzi ta' żvilupp teknoloġiku.

Għaliex ċentru ta' kompetenza tal-UE fil-qasam taċ-ċibersigurtà?

L-UE stabbiliet iċ-Ċentru Ewropew ta' Kompetenza Industrijali, Teknoloġika u tar-Riċerka fil-qasam taċ-Ċibersigurtà biex tkompli ttejjeb ir-reżiljenza ċibernetika, tappoġġa r-riċerka fiċ-ċibersigurtà u żżid l-isforzi ta' żvilupp teknoloġiku madwar l-UE.

Iċ-ċentru l-ġdid ser:

  • jiffaċilita l-ħidma tan-network ta' ċentri nazzjonali ta' koordinazzjoni
  • jagħti appoġġ finanzjarju relatat maċ-ċibersigurtà mill-programmi Orizzont Ewropa u Ewropa Diġitali

Iċ-ċentru għandu l-għan li:

  • jikkontribwixxi għall-użu tal-aħħar teknoloġija taċ-ċibersigurtà
  • jappoġġa n-negozji l-ġodda taċ-ċibersigurtà u l-SMEs
  • isaħħaħ ir-riċerka u l-innovazzjoni fil-qasam taċ-ċibersigurtà
  • jikkontribwixxi biex titneħħa d-diskrepanza fil-ħiliet fil-qasam taċ-ċibersigurtà

Il-Kunsill adotta r-regolament li jistabbilixxi ċ-ċentru u n-network f'April 2021.

Il-proċedura għall-għażla tas-sede taċ-Ċentru Ewropew ta' Kompetenza Industrijali, Teknoloġika u tar-Riċerka fil-qasam taċ-Ċibersigurtà (ECCC) tnediet fit-28 ta' Ottubru 2020. Id-deċiżjoni kienet teħtieġ il-qbil komuni tal-istati membri.

L-istati membri vvutaw dwar is-sede tal-ECCC fid-9 ta' Diċembru 2020, fil-marġini tal-Kumitat tar-rappreżentanti permanenti tal-gvernijiet tal-istati membri għall-Unjoni Ewropea (Coreper). Il-post magħżul taċ-ċentru huwa Bucharest, ir-Rumanija.

Applikazzjonijiet biex jiġi ospitat iċ-ċentru l-ġdid

Dawn huma l-pajjiżi l-oħra li offrew li jospitaw is-sede taċ-Ċentru Ewropew ta' Kompetenza Industrijali, Teknoloġika u tar-Riċerka fil-qasam taċ-Ċibersigurtà:

Belġju (Brussell)

Ġermanja (Munich)

Litwanja (Vilnius)

Lussemburgu

Polonja (Varsavja)

Spanja (Leon)

Il-passi tal-proċedura biex tintgħażel is-sede l-ġdida

Il-proċedura kienet tikkonsisti minn:

  • l-applikazzjonijiet mill-istati membri biex jospitaw iċ-Ċentru Ewropew ta' Kompetenza Industrijali, Teknoloġika u tar-Riċerka fil-qasam taċ-Ċibersigurtà, li għandhom jiġu ppreżentati sas-6 ta' Novembru 2020
  • il-pubblikazzjoni tal-applikazzjonijiet fuq is-sit web tal-Kunsill fil-11 ta' Novembru 2020
  • il-valutazzjoni tal-applikazzjonijiet mill-Kummissjoni Ewropea sat-2 ta' Diċembru 2020 abbażi tal-kriterji maqbula
  • diskussjoni politika abbażi tal-valutazzjoni tal-Kummissjoni u deċiżjoni permezz ta' vot mir-rappreżentanti tal-istati membri kollha fil-marġni tal-laqgħa tal-Coreper I fid-9 ta' Diċembru 2020
Stampa: kif ser tintgħażel is-sede taċ-Ċentru ta' Kompetenza Industrijali, Teknoloġika u tar-Riċerka fil-qasam taċ-Ċibersigurtà
Kif ser tintgħażel is-sede taċ-Ċentru ta' Kompetenza Industrijali, Teknoloġika u tar-Riċerka fil-qasam taċ-Ċibersigurtà (Infografika)

Kif ser tintgħażel is-sede taċ-Ċentru ta' Kompetenza Industrijali, Teknoloġika u tar-Riċerka fil-qasam taċ-Ċibersigurtà (Infografika)

Kriterji għall-valutazzjoni

Fit-28 ta' Ottubru 2020, ir-rappreżentanti tal-gvernijiet tal-istati membri qablu dwar il-kriterji li ġejjin:

  1. id-data li fiha ċ-ċentru jista' jibda jopera
  2. l-aċċessibbiltà tal-post
  3. il-preżenza ta' faċilitajiet edukattivi għat-tfal tal-persunal taċ-ċentru
  4. l-aċċess għas-suq tax-xogħol, is-sigurtà soċjali u l-kura tas-saħħa għall-konjuġi u t-tfal tal-impjegati
  5. il-konnettività, is-sigurtà u l-interoperabbiltà mal-faċilitajiet tal-IT għall-ġestjoni tal-finanzjament tal-UE
  6. l-eżistenza ta' ekosistema ta' ċibersigurtà
  7. il-bilanċ ġeografiku

Fit-2 ta' Diċembru 2020, il-Kummissjoni ħarġet il-valutazzjoni ġenerali tagħha tal-applikazzjonijiet kollha li waslu sal-iskadenza.

Diskussjoni politika u votazzjoni

Ir-rappreżentanti tal-gvernijiet tal-istati membri jkollhom diskussjoni politika fil-marġini tal-Coreper I dwar l-għażla tas-sede taċ-ċentru l-ġdid, abbażi tal-valutazzjoni tal-Kummissjoni.

Ir-rappreżentanti vvutaw biex jistabbilixxu s-sede tal-ECCC f'Bucharest, ir-Rumanija, fid-9 ta' Diċembru 2020.