- Kunsill tal-Unjoni Ewropea
- Stqarrija għall-istampa
- 12 ta' Ottubru 2015 10:50
Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-Libja
L-UE tilqa’ u tappoġġa kompletament il-Ftehim Politiku Libjan li ġie ppreżentat mir-Rappreżentant Speċjali tas-Segretarju Ġeneral tan-Nazzjonijiet Uniti, Bernardino Leon, lid-delegati Libjani fi Skhirat fit-8 ta’ Ottubru. Hija tesprimi l-apprezzament tagħha lil dawk kollha li taw sehem kostruttiv fin-negozjati tul bosta xhur, u wrew sens ta’ responsabbiltà u tmexxija. Bl-istess mod, tilqa' b'sodisfazzjon in-nomina ta’ persuni f'karigi għoljin fil-Gvern ta' Kunsens Nazzjonali l-ġdid, li issa ser ikollhom ir-responsabbiltà li jiffurmaw kabinett u li jissorveljaw l-implimentazzjoni rapida tal-ftehim.
L-UE tappella lill-partijiet Libjani kollha biex japprovaw malajr u jappoġġaw dan il-ftehim sabiex il-Libja tkun tista’ taqbad it-triq tal-paċi u l-prosperità. Dan huwa l-uniku mod kif jistgħu jintlaħqu l-aspirazzjonijiet tal-poplu Libjan. L-UE tirrikonoxxi li dan ser ikun l-ewwel pass importanti biex il-Libja terġa' lura fit-triq lejn tranżizzjoni paċifika, iżda huwa essenzjali li dan il-pass jittieħed issa. Dawk li tiġihom it-tentazzjoni li jfixklu dan il-ftehim ser jinżammu responsabbli.
L-UE lesta li taħdem fi sħubija mill-qrib mal-Gvern ta' Kunsens Nazzjonali l-ġdid, ladarba jkun iffurmat, biex toffri appoġġ minnufih u sostanzjali f’għadd ta’ oqsma differenti ddefiniti flimkien mal-awtoritajiet Libjani.
Kuntatti għall-istampa
-
Maria Daniela Lenzu Press officer
- +32 470 88 04 02
- +32 2 281 21 46
- @daniela_lenzu
Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.
L-aħħar reviżjoni: 13 ta' Jannar 2024