- Kunsill tal-Unjoni Ewropea
- Stqarrija għall-istampa
- 29 ta' Ottubru 2015 14:15
Il-Belarussja: L-UE tissospendi l-miżuri restrittivi kontra l-persuni li huma l-aktar fil-mira u l-entitajiet kollha fil-mira bħalissa
Il-Kunsill issospenda għal erba’ xhur l-iffriżar tal-assi u l-projbizzjoni fuq l-ivvjaġġar li japplikaw għal 170 individwu u l-iffriżar tal-assi li japplika għal tliet entitajiet fil-Belarussja. Din id-deċiżjoni ttieħdet b’reazzjoni għall-ħelsien tal-priġunieri politiċi kollha Belarussi fit-22 ta’ Awwissu u fil-kuntest tat-titjib tar-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Belarussja.
L-Unjoni Ewropea ilha ħafna tistinka għall-ħelsien tal-priġunieri politiċi kollha. Permezz tas-sospensjoni tal-parti l-kbira tal-miżuri restrittivi l-UE rreaġixxiet għal dan il-progress, li jinkoraġġixxi aktar żviluppi pożittivi li għandhom iwasslu għal titjib fir-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Belarussja. L-UE ser tkompli tissorvelja mill-qrib is-sitwazzjoni tad-demokrazija u tad-drittijiet tal-bniedem fil-Belarussja.
Il-miżuri restrittivi kontra persuni u entitajiet kienu waslu biex jiskadu fil-31 ta’ Ottubru. Il-Kunsill estenda dawn il-miżuri għal erba’ xhur, sad-29 ta’ Frar 2016, u fl-istess ħin issospendihom għal 170 persuna u tliet entitajiet. Erba’ persuni involuti f'għajbien mhux riżolt fil-Belarussja jibqgħu soġġetti għal miżuri restrittivi. L-embargo fuq l-armi wkoll jibqa' japplika.
Il-Kunsill aġġorna wkoll il-lista ta’ persuni u entitajiet biex jittieħed kont ta' każistika reċenti.
Id-deċiżjoni ġiet adottata permezz ta' proċedura bil-miktub. Atti legali, inklużi dettalji dwar il-persuni u l-entitajiet ikkonċernati, huma ppubblikati fil-ġurnal uffiċjali tal-UE tat-30 ta’ Ottubru u ser jidħlu fis-seħħ fil-31 ta’ Ottubru.
Kuntatti għall-istampa
-
Maria Daniela Lenzu Press officer
- +32 470 88 04 02
- +32 2 281 21 46
- @daniela_lenzu
Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.
L-aħħar reviżjoni: 13 ta' Jannar 2024