- Kunsill tal-Unjoni Ewropea
- Stqarrija għall-istampa
- 20 ta' Novembru 2015 16:30
Konklużjonijiet tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u tal-Istati Membri mlaqqgħin fi ħdan il-Kunsill dwar it-titjib tar-reazzjoni tal-ġustizzja kriminali għar-radikalizzazzjoni li twassal għat-terroriżmu u l-estremiżmu vjolenti
FILWAQT LI JINNOTAW li, minħabba l-karattru multidimensjonali u dinamiku tagħha, ir-radikalizzazzjoni li twassal għat-terroriżmu u l-estremiżmu vjolenti tqajjem sfidi sinifikanti u li qed jevolvu, li għandhom ukoll jiġu indirizzati fil-livell ġudizzjarju, prinċipalment mill-Istati Membri, iżda wkoll, fejn ikun adatt, permezz ta' appoġġ koordinat fil-livell Ewropew f'konformità mat-Trattati;
FILWAQT LI JFAKKRU li, fil-qafas tal-Istrateġija tal-UE Kontra t-Terroriżmu[1], il-Kunsill adotta "Strateġija riveduta tal-UE kontra r-radikalizzazzjoni u r-Reklutaġġ" f’Ġunju 2014[2] u f’Diċembru 2014[3] u f'Ġunju 2015[4] irrefera għall-importanza tal-prevenzjoni u l-ġlieda kontra dan il-fenomenu bħala prijorità għall-azzjoni futura;
FILWAQT LI JFAKKRU li l-Kunsill Ewropew, fid-dikjarazzjoni tiegħu tat-12 ta’ Frar 2015[5], enfasizza l-ħtieġa li jiġu stabbiliti inizjattivi dwar ir-riabilitazzjoni fil-kuntest ġudizzjarju biex jiġu indirizzati fatturi li jikkontribwixxu għar-radikalizzazzjoni li twassal għat-terroriżmu u l-estremiżmu vjolenti, inkluż fil-ħabsijiet;
ABBAŻI tad-diskussjonijiet tal-Ministri għall-Ġustizzja dwar reazzjoni ġudizzjarja effettiva għar-radikalizzazzjoni li twassal għat-terroriżmu u l-estremiżmu vjolenti, li ġew konklużi bid-Dikjarazzjoni Konġunta ta’ Riga tad-29 u t-30 ta’ Jannar 2015, kif ukoll id-dibattiti li saru waqt l-ikla Ministerjali tat-13 ta’ Marzu 2015, u l-aktar reċenti r-riżultati tal-Konferenza Ministerjali tad-19 ta’ Ottubru 2015 iddedikata għal dan is-suġġett;
B'KONT MEĦUD li l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar "Il-Prevenzjoni tar-Radikalizzazzjoni għat-Terroriżmu u l-Estremiżmu Vjolenti: It-Tisħiħ tar-Reazzjoni tal-UE"[6], l-Aġenda Ewropea dwar is-Sigurtà ta' April 2015[7], kif ukoll il-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-Istrateġija mġedda ta' Sigurtà Interna ta' Ġunju 2015,[8] jikkunsidraw il-kwistjonijiet speċifiċi tad-diżimpenn, ir-riabilitazzjoni u d-deradikalizzazzjoni u l-antiradikalizzazzjoni bħala prijorità għall-azzjoni fis-snin li ġejjin;
Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri mlaqqgħin fi ħdan il-Kunsill,
IQISU li huwa meħtieġ li jiġi adottat approċċ transettorjali u multidixxiplinari biex tiġi indirizzata b'mod effettiv ir-radikalizzazzjoni li twassal għat-terroriżmu u l-estremiżmu vjolenti, b'kont meħud tal-aspetti differenti kollha: prevenzjoni, investigazzjoni, prosekuzzjoni, kundanna, riabilitazzjoni u riintegrazzjoni.
IQISU li huwa meħtieġ għal dan il-għan li jiġu żgurati l-koordinazzjoni u s-sinerġiji xierqa fost il-partijiet ikkonċernati pubbliċi u privati rilevanti kollha, b'mod partikolari l-prosekuturi u l-imħallfin, bl-użu tal-istrumenti legali u l-politiki eżistenti f'konformità sħiħa mal-Istat tad-Dritt u mal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,
B'KONT DEBITU MEĦUD tar-riskji għas-sigurtà pubblika
KONXJI mill-ħtieġa kemm għad-divrenzjar skont il-ħtiġijiet reali u r-riskji speċifiċi ta' kull sitwazzjoni lokali, is-sistemi legali nazzjonali u l-organizzazzjoni ġudizzjarja, kif ukoll il-partijiet ikkonċernati involuti, u għaldaqstant għal approċċ skont il-każ
Għaldaqstant, JIKKONKLUDU li l-azzjonijiet li ġejjin jikkontribwixxu għar-reazzjoni tal-ġustizzja kriminali għar-radikalizzazzjoni li twassal għat-terroriżmu u l-estremiżmu vjolenti, IĦEĠĠU lill-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha biex jimplimentaw l-azzjonijiet xierqa kull meta u kull fejn ikun possibbli, u JENFASIZZAW ir-rwol essenzjali tal-atturi lokali
1. Struttura u organizzazzjoni tas-sistemi ta’ detenzjoni
- l-Istati Membri għandhom jimplimentaw politika meqjusa u mfassla apposta għall-prevenzjoni tar-radikalizzazzjoni li twassal għat-terroriżmu u l-estremiżmu vjolenti fil-ħabsijiet, adattata għaċ-ċirkostanzi nazzjonali u l-ħtiġijiet tal-individwi involuti, li tista' tinkludi pereżempju
- l-iżvilupp ta’ strumenti ta’ valutazzjoni tar-riskju u strumenti għall-iskoperta bikrija ta’ sinjali ta’ radikalizzazzjoni, u t-tisħiħ tal-kondiviżjoni ta’ informazzjoni bejn l-atturi differenti fil-katina tal-ġustizzja kriminali
- il-provvista fil-ħabsijiet ta' għadd adegwat ta' rappreżentanti reliġjużi mħarrġa tajjeb u l-għoti ta' appoġġ lill-assistenti soċjali u lill-kunsilliera soċjali
- opportunitajiet għall-ħabsin għat-tagħlim u l-iżvilupp ta’ ħiliet ta’ ħsieb kritiku fil-ħabs
- il-faċilitazzjoni ta' ambjent sigur fil-ħabsijiet biex ikunu jistgħu jitħaddmu programmi effettivi ta’ riabilitazzjoni u riintegrazzjoni b’attenzjoni għal-livell ta’ rispett u l-interazzjonijiet bejn il-persunal tal-ħabs u d-detenuti
- f’dan il-kuntest, it-tkomplija tal-ħidma għat-titjib tal-kundizzjonijiet ta’ detenzjoni f’konformità mar-regoli żviluppati u l-ħidma li għaddejja f’dan il-qasam fi ħdan il-Kunsill tal-Ewropa
- f'dan il-kuntest, l-Istati Membri għandhom jagħmlu użu mit-tagħlimiet miksuba, l-aħjar prattiki u r-rakkomandazzjonijiet proposti min-Netwerk ta’ Sensibilizzazzjoni dwar ir-Radikalizzazzjoni (RAN), u b'mod partikolari mill-grupp ta' ħidma tar-RAN "Il-Ħabs u l-Probazzjoni", l-aktar reċentement fid-dokument ta' analiżi ta' Ottubru 2015 "It-trattament tar-radikalizzazzjoni fil-kuntest tal-ħabs u l-probazzjoni"
- ir-RAN għandu jkompli jipprovdi pjattaforma għall-iskambju ta' prattiki tajbin f'dan is-suġġett, u jikkontribwixxi għar-reviżjoni tal-Manwal tal-2008 abbozzat mill-Awstrija, Franza u l-Ġermanja dwar kif għandha tiġi indirizzata r-radikalizzazzjoni li twassal għat-terroriżmu u l-estremiżmu vjolenti, b'mod partikolari fil-ħabsijiet
- l-Istati Membri għandhom jiżviluppaw, kif meħtieġ, programmi ta' deradikalizzazzjoni/diżimpenn/riabilitazzjoni fil-ħabs, bi tħejjija għall-ħruġ mill-ħabs, u programmi għal wara l-ħruġ mill-ħabs li jippromwovu r-riintegrazzjoni
- l-Istati Membri għandhom jagħmlu użu miċ-Ċentru ta' Eċċellenza tar-RAN u l-offertata' appoġġ mingħand ir-RAN biex iwaqqfu programmi bħal dawn meta jkun mitlub jagħmel dan.
2. Miżuri alternattivi jew addizzjonali għall-prosekuzzjoni u/jew id-detenzjoni
- l-Istati Membri għandhom jindirizzaw il-mod kif jittrattaw ġellieda terroristi barranin b'mod multidixxiplinari u olistiku, inkluż, fejn ikun meħtieġ, il-każ kondiviżjoni ta' informazzjoni rilevanti bejn servizzi tal-infurzar tal-liġi u tas-sigurtà u l-prosekuzzjoni u, fejn japplika, mal-awtoritajiet lokali u assistenti soċjali; dan jista' jsir bit-twaqqif ta' korpi multidixxiplinari jew metodi ta' ħidma jew b'modi oħra li jiżguraw segwitu integrat tal-każijiet
- l-Istati Membri għandhom jużaw il-potenzjal sħiħ tal-ECRIS u l-Kummissjoni għandha tippreżenta proposta għall-estensjoni tal-ECRIS biex tkopri ċittadini ta' pajjiżi terzi
- l-Istati Membri għandhom jikkunsidraw, fil-qafas tal-organizzazzjoni ġudizzjarja nazzjonali tagħhom u bl-użu tal-flessibbiltajiet tas-sistema tal-ġustizzja kriminali tagħhom (għall-minorenni), approċċ magħmul apposta, skont il-każ, ibbażat fuq valutazzjoni adatta tar-riskju li tqis kif dovut l-interessi tas-sigurtà u tas-sikurezza pubblika, li jinkludi, fejn xieraq, miżuri alternattivi jew addizzjonali għall-prosekuzzjoni u/jew id-detenzjoni fl-istadji kollha tal-proċedura, fosthom ir-riabilitazzjoni, inkluż bħala kondizzjoni għal probazzjoni jew sospensjoni ta' sentenzi ta' ħabs
- l-Istati Membri għandhom jikkunsidraw li jużaw u jkomplu jiżviluppaw strument għall-valutazzjoni tar-riskju biex jintuża mill-ġudikatura meta jikkunsidraw il-miżuri alternattivi jew addizzjonali msemmija hawn fuq, abbażi ta' approċċ individwali, inkluż il-possibbiltà ta' valutazzjoni ġdida tar-riskju f'intervalli regolari, b'kont meħud li d-deradikalizzazzjoni hija proċess dinamiku; f'dan il-kuntest jużaw il-ħidma li twettqet diġà mill-Kunsill tal-Ewropa u miċ-Ċentru Internazzjonali għall-Ġlieda kontra t-Terroriżmu (ICCT).
3. Integrazzjoni, riabilitazzjoni u riintegrazzjoni
- l-Istati Membri għandhom imexxu sforzi li jindirizzaw il-fatturi sottostanti għar-radikalizzazzjoni li twassal għat-terroriżmu u l-estremiżmu vjolenti permezz ta’ miżuri preventivi mmirati, billi jiżviluppaw azzjonijiet u programmi favur il-koeżjoni, inkluż fil-qasam tal-edukazzjoni, li jippromwovu d-Drittijiet Fundamentali, l-Istat tad-Dritt u d-demokrazija u jinkoraġġixxu soċjetajiet inklużivi, tolleranti u pluralistiċi
- awtoritajiet lokali, nazzjonali, Ewropej u internazzjonali, flimkien mas-soċjetà ċivili, għandhom jiżviluppaw metodi u strumenti li bihom jistgħu jitkissru l-isterjotipi u jiżviluppaw kontronarrattivi indirizzati lil gruppi differenti, inkluż bil-ħolqien ta' netwerks u spazji pubbliċi għad-djalogu
- f'dan il-kuntest, l-Istati Membri, bl-appoġġ tal-Kummissjoni u l-aġenziji kkonċernati tal-UE, għandhom jindirizzaw b'mod partikolari l-użu tal-Internet għal skopijiet ta' radikalizzazzjoni u reklutaġġ għat-terroriżmu kif ukoll għal diskors ta' mibegħda onlajn li jħeġġeġ il-biża', ixerred ideat żbaljati u sterjotipi mmirati lejn komunitajiet u gruppi speċifiċi, u jinċita l-vjolenza u l-mibegħda, b'mod partikolari billijiżviluppaw, inkluż mal-Fornituri tas-Servizz tal-Internet, kooperazzjoni fil-komunikazzjoni strateġika u, fejn ikun adatt, unitajiet ta’ indikazzjoni ta' kontenut fuq l-internet, pereżempjubilli jkomplu jappoġġaw l-Unità ta’ Indikazzjoni ta' Kontenut fuq l-Internet tal-Europol u l-Grupp Konsultattiv għall-Komunikazzjoni Strateġika dwar is-Sirja
- l-Istati Membri għandhom jimplimentaw miżuri li jipprevedu r-riabilitazzjoni, id-deradikalizzazzjoni jew diżimpenn kemm ġewwa kif ukoll barra l-ħabsijiet u r-riintegrazzjoni fis-soċjetà tal-persuni li jirritornaw u dawk imwaqqfa milli jivvjaġġaw, imfassla għas-sitwazzjoni lokali u l-każ individwali
- l-Istati Membri għandhom jinvolvu vittmi u eks-ġellieda terroristi barranin riabilitati kif ukoll assistenti soċjali, komunitajiet u familji
- l-Istati Membri għandhom jiskambjaw bejniethom l-esperjenzi u l-aħjar prattiki fil-qasam tar-riabilitazzjoni, id-deradikalizzazzjoni u d-diżimpenn, ġewwa jew barra mill-ħabsijiet
- l-Istati Membri għandhom jagħmlu użu mill-għarfien espert taċ-Ċentru ta' Eċċellenzatar-RAN u l-offerta mingħand dan tal-aħħar biex jagħtihom appoġġ fit-twaqqif ta' programmi bħal dawn meta jintalab jagħmel dan.
4. Taħriġ
- l-Istati Membri għandhom jipprovdu r-riżorsi għat-taħriġ adegwat tal-atturi kollha (persunal tal-ħabsijiet, uffiċjali tal-probazzjoni, ġudikatura eċċ.) involuti f'ħidma ma' estremisti vjolenti radikalizzati jew persuni f’riskju li jsiru radikalizzati, b’mod sostnut u multidixxiplinari u bl-użu tal-appoġġ disponibbli fil-livell tal-UE u dak internazzjonali
- in-Netwerk Ewropew tat-Taħriġ Ġudizzjarju (EJTN), is-CEPOL, u bl-użu tal-għarfien espert tal-Eurojust,iċ-Ċentru ta' Eċċellenza tar-RAN, u fejn ikun adatt, il-Konfederazzjoni Ewropea tal-Probazzjoni (CEP) u l-Europris, għandhom jappoġġaw lill-Istati Membri b'firxa ta' taħriġ (korsijiet tradizzjonali, webinars, skambji ta' persunal, ...) għall-katina sħiħa ta' atturi tal-ġustizzja kriminali li jittrattaw mat-terroriżmu; f'dan il-kuntest, għandha tingħata enfasi speċjali lill-metodoloġija tal-valutazzjoni tar-riskji u lill-iżvilupp ta' programmi ta' riabilitazzjoni, l-użu ta' alternattivi għad-detenzjoni, kif ukoll possibbiltajiet simili ta' taħriġ għal atturi mhux ġudizzjarji involuti f'ħidma ma' persuni radikalizzati.
5. Tagħlim minn monitoraġġ u minn skambju ta’ prattiki
- il-Eurojust għandha tkompli ssegwi t-tendenzi u l-iżviluppi, bl-użu tal-Monitor tal-Kundanni għal Terroriżmu (TCM), tal-qafas leġislattiv applikabbli u l-ġurisprudenza rilevanti fl-Istati Membri fir-rigward tat-terroriżmu u r-radikalizzazzjoni vjolenti, inkluż l-użu ta’ alternattivi għal prosekuzzjoni u detenzjoni, u b’hekk jikkontribwixxi għall-iżvilupp ulterjuri tal-politika kriminali fir-rigward ta' ġellieda terroristi barranin
- il-Eurojust, ir-RAN (permezz tal-gruppi ta' ħidma tiegħu, kif ukoll permezz taċ-Ċentru ta' Eċċellenza tiegħu), l-EJTN, u fejn ikun adatt, il-Europol, kif ukoll is-CEP u l-Europris, irawmu l-iskambju tal-prattiki nazzjonali eżistenti u t-tagħlimiet miksuba minnhom, bl-użu wkoll tal-ħidma mwettqa f'korpi rilevanti oħra (b'mod partikolari l-UNICRI[9] u l-GCTF[10]) dwar ir-reazzjoni tal-ġustizzja kriminali għar-radikalizzazzjoni li twassal għat-terroriżmu u l-estremiżmu vjolenti, b'mod partikolari l-kwistjonijiet indirizzati taħt il-punti 1 sa 4:
- l-istruttura u l-organizzazzjoni tal-faċilitajiet ta’ detenzjoni
- l-istrumenti ta’ valutazzjoni tar-riskju li għandhom jintużaw minn imħallfin u prosekuturi u mill-persunal tal-ħabsijiet biex jivvalutaw il-livell tat-theddida minn ġellieda terroristi barranin u minn dawk li jirritornaw
- is-sistemi ta' separazzjoni ("triage"), maħsuba biex jivvalutaw il-“linja” l-aktar xierqa għal kull każ individwali
- miżuri alternattivi jew addizzjonali għal prosekuzzjoni u/jew detenzjoni, b'mod partikolari programmi ta' riabilitazzjoni kemm ġewwa kif ukoll barra l-ħabsijiet
- kooperazzjoni fost l-atturi rilevanti involuti, kemm ġewwa kif ukoll barra mill-kuntest ġudizzjarju, inkluż taħriġ
- il-politika kriminali fir-rigward ta’ ġellieda terroristi barranin
- l-użu tal-Internet u ta' pjattaformi soċjali
6. Finanzjament
- il-Kummissjoni għandha tiffaċilita dak li ssemma hawn fuq permezz ta' finanzjament mill-UE għal programmi ta' taħriġ għall-partijiet ikkonċernati differenti u għal proġetti speċifiċi, skont ir-regoli tal-programmi ta' finanzjament rilevanti,
- il-Kummissjoni għandha tipprovdi disponibbiltà ta' finanzjament sabiex l-Istati Membri jiżviluppaw programmi ta’ deradikalizzazzjoni/riabilitazzjoni kemm fil-ħabsijiet kif ukoll biex jintużaw fi proċedimenti kriminali, b’mod partikolari billi jirreplikaw eżempji tal-aħjar prattiki mill-Istati Membri bħala prijorità, kif ukoll b'appoġġ għat-twaqqif ta’ programmi bħal dawn miċ-Ċentru ta’ Eċċellenza tar-RAN
- l-Istati Membri għandhom iwettqu proġetti speċifiċi maħsuba għal implimentazzjoni aħjar tal-leġislazzjoni dwar ir-razziżmu u l-ksenofobija, inkluż bit-taħriġ ta' mħallfin, prosekuturi u pulizija; il-Kummissjoni ser tipprovdi finanzjament maħsub apposta għal dan il-għan
- l-Istati Membri għandhom jappoġġaw lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fil-promozzjoni tat-tolleranza u l-ġlieda kontra delitti ta' mibegħda u diskors ta' mibegħda, inkluż bl-iżvilupp ta' kontronarrattivi onlajn, b'kontribut mill-Kummissjoni favur dan l-isforz
- il-Kummissjoni għandha trawwem l-użu ta’ politiki ta’ integrazzjoni soċjali permezz tal-Fond Soċjali Ewropew
- l-Istati Membri għandhom iħeġġu lill-partijiet ikkonċernati differenti involuti, inklużi l-atturi fil-ġustizzja kriminali, l-awtoritajiet lokali u s-soċjetà ċivili biex jagħmlu użu sħiħ mill-fondi disponibbli
- l-azzjonijiet imsemmija hawn fuq għandhom jitwettqu fil-limiti tar-riżorsi finanzjarji stabbiliti fil-Qafas Finanzjarju Pluriennali, u dawn il-kwistjonijiet jiġu integrati fir-rieżami ta’ nofs it-terminu ta’ dan il-Qafas.
7. Dimensjoni esterna
- l-UE għandha tippromwovi miżuri ta' reazzjoni tal-ġustizzja kriminali għar-radikalizzazzjoni li twassal għat-terroriżmu u l-estremiżmu vjolenti, internazzjonalment u għandha tassisti lil sħab terzi f’dan ir-rigward, filwaqt li tikkunsidra b'mod dovut iċ-ċirkostanzi lokali u t-tħassib rigward is-sigurtà u s-sikurezza pubblika
JISTIEDEN lill-Presidenza, il-Kummissjoni u l-Koordinatur tal-UE għall-Ġlieda Kontra t-Terroriżmu biex jibagħtu rapporti lill-Kunsill, kif u meta jkun adatt, dwar il-progress fl-implimentazzjoni ta' dawn il-konklużjonijiet.
[1]14469/4/05
[2] 9956/14
[3] 16526/14
[4] 9951/15
[5]SN 10/15
[6]5451/14
[7] 8293/15
[8]9798/15
[9] Istitut Interreġjonali ta' Riċerka tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Kriminalità u l-Ġustizzja
[10] Forum Globali Kontra t-Terroriżmu
Kuntatti għall-istampa
-
Laura Bérard Press officer
- +32 471 33 09 49
- +32 2 281 57 95
Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.
L-aħħar reviżjoni: 15 ta' Jannar 2024