- Kunsill tal-Unjoni Ewropea
- Stqarrija għall-istampa
- 2 ta' Diċembru 2015 11:00
Netwerk ġdid tal-EURES (Servizzi Ewropej tax-Xogħol): il-Kunsill jagħti l-approvazzjoni tiegħu
Fit-2 ta’ Diċembru 2015, il-Kumitat tar-Rappreżentanti Permanenti approva ftehim li ntlaħaq mal-Parlament Ewropew għall-istabbiliment mill-ġdid u l-organizzazzjoni mill-ġdid tan-netwerk eżistenti tal-EURES.
Il-EURES il-ġdid huwa msaħħaħ u modernizzat. Il-portal tiegħu jsir għodda aġġornata tal-mobbiltà bl-użu tal-aħħar teknoloġiji tal-IT, aċċessibbli għal kulħadd.
“Dan ir-regolament ġdid dwar l-istabbiliment mill-ġdid tal-EURES jenfasizza l-importanza li aħna lkoll nagħtu lil waħda mil-libertajiet fundamentali taċ-ċittadini tal-Unjoni, il-moviment liberu tal-ħaddiema. Huwa joffri opportunitajiet ġodda ta’ impjiegi u b’hekk jikkontribwixxi biex jitnaqqas il-qgħad fl-Unjoni Ewropea”, qal Nicolas Schmit, Ministru għax-Xogħol, l-Impjiegi u l-Ekonomija Soċjali u ta’ Solidarjetà.
L-għan tiegħu
L-għan tal-EURES huwa li jiffaċilita l-moviment liberu tal-ħaddiema fi ħdan l-UE, biex b’hekk ikun iffaċilitat suq tax-xogħol aktar integrat tal-Unjoni. Iċ-ċittadini kollha tal-UE jistgħu jibbenefikaw minn firxa sħiħa ta’ servizzi pprovduti. Tingħata attenzjoni speċjali lill-aċċessibbiltà ta’ servizzi għal persuni b’diżabbiltà.
In-netwerk imtejjeb tal-EURES jassisti lill-ħaddiema biex jegħlbu l-ostakli għall-mobbiltà, iżid l-aċċess għall-opportunitajiet ta’ impjiegi fl-UE kollha u jiffaċilita l-ħolqien ta' impjiegi. Huwa jikkontribwixxi għall-indirizzar tal-qgħad billi jgħin biex ikun hemm tqabbil aħjar bejn il-provvista u d-domanda fis-suq tax-xogħol.
Il-parteċipazzjoni fil-EURES ġiet estiża
Sabiex jiġu pprovduti l-aħjar servizzi possibbli għall-ħaddiema u l-impjegaturi kollha, il-firxa ta’ Membri u Sħab tal-EURES ġiet estiża. L-organizzazzjonijiet privati tal-impjiegi jistgħu jingħaqdu man-netwerk u l-postijiet ta' xogħol battala tagħhom jiġu ppubblikati fuq il-portal web flimkien ma’ dawk pubbliċi. L-organizzazzjonijiet bi skop ta’ qligħ għandhom jipprovdu s-servizzi kollha, eż. il-postijiet ta' xogħol battala, CVs fuq il-portal, kif ukoll servizzi ta’ appoġġ lill-persuni li qed ifittxu impjieg u lill-impjegaturi, dment li ma jkunux jistgħu jiġġustifikaw lill-awtoritajiet nazzjonali li huma ma jistgħux jipprovdu dawn it-tliet servizzi. L-organizzazzjonijiet mingħajr skop ta’ qligħ jistgħu jagħżlu bejn it-tliet għażliet. Is-servizzi pubbliċi tal-impjiegi wkoll ser joffru s-servizzi kollha u barra minn hekk ser jiżguraw li l-utenti kollha li mhumiex mħarrġa fl-IT ikun jista’ jkollhom ukoll aċċess offline għal informazzjoni.
It-trade unions, l-organizzazzjonijiet tal-impjegaturi u atturi rilevanti oħra fis-suq tal-impjiegi wkoll ser ikunu involuti fin-netwerk. Ir-rappreżentanti tas-sħab soċjali huma involuti fil-livell tal-UE, iżda wkoll fil-livell nazzjonali u transfruntier.
Pubblikazzjoni ta’ postijiet ta' xogħol battala, applikazzjonijiet għal xogħol u CVs
Il-Portal tal-EURES ser jiġbor mill-ġdid il-postijiet ta' xogħol battala, l-applikazzjonijiet għal xogħol u s-CVs kollha li jkunu disponibbli b'mod pubbliku, biex b’hekk tiżdied it-trasparenza tal-informazzjoni disponibbli. Dan jinkludi wkoll postijiet battala ta' traineeships u apprendistati li huma bbażati fuq relazzjoni ta’ impjieg.
Sabiex jiġu żgurati l-kwalità u l-protezzjoni tal-minorenni, l-istati membri jistgħu jeskludu t-traineeships jew l-apprendistati li jkunu ffokati prinċipalment fuq l-edukazzjoni.
Dimensjoni transfruntiera
Il-EURES għandu wkoll rwol importanti fil-provvediment ta’ informazzjoni u servizzi speċifiċi għall-benefiċċju ta' impjegaturi u ħaddiema tal-fruntiera fir-reġjuni transfruntieri Ewropej. Strutturi speċifiċi ta’ appoġġ ser jgħinu biex jiġu pprovduti servizzi għal ħaddiema tal-fruntiera u b’hekk jiffaċilitaw il-mobbiltà f’dawn ir-reġjuni transfruntieri.
Kuntatti għall-istampa
-
Emma O'Driscoll Press officer
- +32 475 88 48 33
- +32 2 281 48 10
- @eo_press
Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.
L-aħħar reviżjoni: 14 ta' Jannar 2024