- Kunsill tal-Unjoni Ewropea
- Stqarrija għall-istampa
- 15 ta' Frar 2016 11:40
Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar ir‑Repubblika tal-Moldova
- Il-Kunsill jafferma mill-ġdid l-impenn tiegħu li jsaħħaħ l-assoċjazzjoni politika u l-integrazzjoni ekonomika bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Moldova. Barra minn hekk, jikkonferma li l-Istati Membri kollha rratifikaw il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni.
- Il-Kunsill qed isegwi mill-qrib is-sitwazzjoni fir-Repubblika tal-Moldova. L-Unjoni Ewropea hija konvinta li d-diffikultajiet attwali jistgħu jiġu solvuti biss permezz ta’ djalogu kostruttiv bejn il-forzi politiċi kollha fil-pajjiż, li jqis l-aspettattivi tal-poplu tar-Repubblika tal-Moldova. Jeħtieġ li jkun hemm riżultati tanġibbli mir-riformi biex terġa' tinbena l-fiduċja.
- Għal dan l-għan, il-Kunsill jappella biex l-implimentazzjoni tal-Aġenda ta’ Assoċjazzjoni titħaffef. L-Unjoni Ewropea tibqa' impenjata li tappoġġa l-isforzi ta’ riforma sabiex joħroġ il-ġid tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni, inkluż iż-Żona ta’ Kummerċ Ħieles Approfondita u Komprensiva, għaċ-ċittadini tar-Repubblika tal-Moldova.
- Il-Gvern tar-Repubblika tal-Moldova għandu jagħti prijorità lir-riformi mmirati biex jindirizzaw il-politiċizzazzjoni tal-istituzzjonijiet tal-istat, il-korruzzjoni sistematika, ir-riforma tal-amministrazzjoni pubblika bil-għan, fost oħrajn, li jtejjeb l-effikaċja tal-korpi regolatorji, it-trasparenza u r-responsabbiltà fil-ġestjoni tal-finanzi pubbliċi kif ukoll fir-rigward tat-tfassil tal-politika.
- Il-Kunsill jappella lill-awtoritajiet tar-Repubblika tal-Moldova sabiex isaħħu l-governanza korporattiva fis-settur finanzjarju, kif ukoll l-indipendenza u s-setgħat superviżorji tal-Bank Nazzjonali u tal-Kummissjoni Nazzjonali għas-Swieq Finanzjarji. B'mod partikolari, jenfasizza l-ħtieġa li l-Gvernatur tal-Bank Nazzjonali jinħatar abbażi ta’ proċess kredibbli, trasparenti u mhux politiċizzat.
- Il-Kunsill jappella lill-awtoritajiet tar-Repubblika tal-Moldova biex jiżguraw li l-każijiet ta’ frodi li affettwaw is-sistema bankarja tagħha fl-2014 isiru soġġetti għal investigazzjoni imparzjali u bir-reqqa, anke bil-ħsieb li l-fondi devjati jiġu rkuprati u dawk responsabbli jitressqu quddiem il-ġustizzja. Huwa jħeġġeġ lill-awtoritajiet biex iwettqu awditi tat-tliet banek taħt superviżjoni speċjali permezz ta’ rapporti ta’ kwalità għolja u azzjoni ta’ segwitu xierqa, f'kollaborazzjoni mill-qrib mal-FMI kif ukoll jikkunsidraw investigazzjoni tar-riskji fis-sistema tas-settur bankarju. Għandhom jiġu adottati l-miżuri leġislattivi xierqa kollha, inkluż l-allinjament tal-qafas legali tal-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus mal-leġislazzjoni tal-UE, sabiex jonqos ir-riskju ta’ aktar frodi bankarji.
- Il-Kunsill huwa mħasseb dwar in-nuqqas ta’ indipendenza tal-ġudikatura u tal-aġenziji tal-infurzar tal-liġi. Huwa jissottolinja l-importanza tal-implimentazzjoni ta’ riformi li jiżguraw l-indipendenza, l-effikaċja, it-trasparenza u r-responsabbiltà tal-ġudikatura u tal-istituzzjonijiet kontra l-korruzzjoni. Ir-riforma tas-servizz tal-prosekuzzjoni kif ukoll il-ġlieda kontra l-korruzzjoni fil-ġudikatura għandhom jiġu indirizzati bħala kwistjonijiet ta’ prijorità, inkluż permezz ta’ reklutaġġ u promozzjoni ta’ mħallfin li huma trasparenti u bbażati fuq il-mertu.
- Il-Kunsill iħeġġeġ lill-Gvern tar-Repubblika tal-Moldova biex jieħu passi biex joħloq kondizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni għan-negozji u jerġa' jistabbilixxi klima ta’ investiment attraenti u stabbli, u biex itejjeb it-trasparenza u l-kondizzjonijiet ta’ investiment fis-settur tal-enerġija. Jenfasizza wkoll l-importanza li jiġu segwiti l-obbligi taħt il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni u t-Trattat dwar il-Komunità tal-Enerġija, li jiġu adottati l-abbozzi ta’ liġijiet rilevanti li qed jiġu eżaminati bħalissa, u tiġi żgurata l-implimentazzjoni tagħhom.
- Il-Kunsill itenni li l-UE lesta tgħin lir-Repubblika tal-Moldova inkluż permezz ta' assistenza teknika u appoġġ għal proġetti, bħal missjonijiet ta' evalwazzjoni bejn il-pari u konsulenti ta' livell għoli. L-iżborżamenti ta’ appoġġ baġitarju jistgħu jkunu previsti li jissoktaw meta l-kondizzjonijiet makroekonomiċi, finazjarji u politiċi jkunu ssodisfati, inkluż ir-rispett għas-sorveljanza baġitarja u l-prinċipji ta’ trasparenza. Il-Kunsill jappella lill-Gvern biex fost l-oħrajn jistabbilixxi pjan direzzjonali dettaljat li jwassal għal programm tal-FMI, li huwa element importanti biex jiżgura li kull tħassib makroekonomiku jiġi indirizzat. Il-Kunsill jilqa' l-istedina mill-Gvern tar-Repubblika tal-Moldova lill-FMI biex tintbagħat missjoni mill-aktar fis possibbli, sabiex jittieħed impenn malajr biex jiġi stabbilit programm komprensiv ta’ stabbilizzazzjoni u ta’ riformi strutturali.
- Komunikazzjoni effikaċi u strateġika, inkluż f'kooperazzjoni mas-soċjetà ċivili u l-media indipendenti, dwar ir-riformi miksuba u li għandhom jitwettqu fil-qafas tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni, inkluża ż-Żona ta’ Kummerċ Ħieles Approfondita u Komprensiva, huma ta’ importanza ewlenija biex titqajjem kuxjenza fost iċ-ċittadini tar-Repubblika tal-Moldova dwar il-benefiċċji mistennija mill-assoċjazzjoni politika u l-integrazzjoni ekonomika mal-Unjoni Ewropea.
- L-Unjoni Ewropea tilqa' b'sodisfazzjon id-diskussjonijiet reċenti dwar ir-riformi kostituzzjonali fir-Repubblika tal-Moldova bil-ħsieb li jiġi evitat l-istaġnar politiku fil-ġejjieni. L-Unjoni Ewropea tappella wkoll lill-awtoritajiet tar-Repubblika tal-Moldova biex jindirizzaw ir-rakkomandazzjonijiet kollha tal-OSKE/ODIHR, speċjalment rigward it-trasparenza tal-finanzjament tal-partiti u r-responsabbiltà tal-kandidati eletti.
- Il-Kunsill ifakkar li l-libertà tal-media hija element tal-ħajja demokratika fundamentali daqs l-oħrajn. Huwa jħeġġeġ lill-Gvern tar-Repubblika tal-Moldova biex itejjeb il-leġislazzjoni nazzjonali sabiex tiġi limitata l-konċentrazzjoni tas-sjieda tal-media u jiggarantixxi l-pluraliżmu.
- Il-Kunsill jilqa' b'sodisfazzjon l-impenn tar-Repubblika tal-Moldova li tittratta l-proċess ta’ riżoluzzjoni Transnistrijan bħala prijorità ewlenija, kif ukoll l-interess li jissoktaw in-negozjati mill-aktar fis possibbli, inkluż fil-format 5+2. Il-Kunsill jilqa' wkoll b'sodisfazzjon l-istabbiliment ta’ grupp ta’ ħidma permanenti għall-kooperazzjoni bejn il-Parlament tar-Repubblika tal-Moldova u l-Assemblea tal-Poplu ta’ Gagauz.
Kuntatti għall-istampa
-
Maria Daniela Lenzu Press officer
- +32 470 88 04 02
- +32 2 281 21 46
- @daniela_lenzu
Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.
L-aħħar reviżjoni: 15 ta' Jannar 2024