Skip to content
  • Kunsill tal-Unjoni Ewropea
  • Stqarrija għall-istampa
  • 9 ta' Marzu 2016 15:00

Il-kriżi tar-refuġjati: Il-Kunsill juri solidarjetà mal-Greċja billi japprova l-appoġġ ta’ emerġenza

Fid-9 ta' Marzu 2016, il-Kumitat tar-Rappreżentanti Permanenti tal-Kunsill qabel dwar mekkaniżmu ta’ appoġġ ta' emerġenza b’reazzjoni għas-sitwazzjoni umanitarja diffiċli kkawżata mill-kriżi tar-refuġjati b'mod partikolari fil-Greċja. Dan jippermetti li l-UE tgħin lill-Greċja u stati membri oħra affettwati biex jindirizzaw il-ħtiġijiet umanitarji tal-għadd kbir ta’ wasliet ta’ rġiel, nisa u tfal. L-assistenza umanitarja tal-UE hija mmirata biex jintlaħqu l-ħtiġijiet bażiċi tar-refuġjati permezz tal-provvediment ta’ ikel, kenn, ilma, mediċini u bżonnijiet oħra.

“Din hija espressjoni tassew rapida u prattika tas-solidarjetà tal-UE mal-Greċja li timplimenta l-impenn tal-Kunsill Ewropew. Il-Presidenza Netherlandiża ser tkompli tagħmel l-almu tagħha biex tiżgura li l-Kunsill Affarijiet Ġenerali tal-15 ta’ Marzu jadotta r-regolament”, qal Bert Koenders, il-Ministru għall-Affarijiet Barranin tan-Netherlands u President tal-Kunsill.

Il-Kunsill, flimkien mal-Parlament Ewropew, jeħtieġ ukoll li jadotta abbozz ta’ baġit emendatorju biex jimmobilizza r-riżorsi meħtieġa mill-baġit tal-UE tal-2016. Il-Kummissjoni pproponiet abbozz ta' baġit emendatorju fid-9 ta' Marzu 2016. 

Il-Kummissjoni tistma li fl-2016-2018 ser ikun meħtieġ total ta’ €700 miljun biex jiġu indirizzati l-ħtiġijiet tar-refuġjati, li minnhom €300 miljun ser ikunu meħtieġa fl-2016. 

Il-mekkaniżmu ta’ appoġġ ta’ emerġenza mhuwiex limitat biex jipprovdi assistenza lill-istati membri matul il-kriżi tar-refuġjati. Jista’ wkoll jiġi mmobilizzat b’reazzjoni għal kriżijiet jew diżastri eċċezzjonali b’konsegwenzi umanitarji serji, bħal inċidenti nukleari, attakki terroristiċi u epidemiji. 

Il-passi li jmiss

Il-Kunsill Affarijiet Ġenerali tal-15 ta’ Marzu 2016 ser jiġi mistieden jadotta r-regolament. Il-Kunsill u l-Parlament imbagħad jeħtieġu jadottaw abbozz ta’ baġit emendatorju propost mill-Kummissjoni sabiex jiġu mobilizzati r-riżorsi meħtieġa fl-2016.

Kuntatti għall-istampa

Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.

L-aħħar reviżjoni: 13 ta' Jannar 2024