Skip to content
  • Kunsill tal-Unjoni Ewropea
  • Stqarrija għall-istampa
  • 18 ta' April 2016 20:35

Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-Libja

  1. L-UE tilqa' b'sodisfazzjon il-wasla tal-Presidenza tal-Kunsill fi Tripli fit-30 ta' Marzu 2016 u tfaħħar il-kuraġġ u d-determinazzjoni tal-Prim Ministru Serraj, il-membri l-oħra tal-Presidenza tal-Kunsill u l-atturi li jipprovdu appoġġ fuq il-post. Dan il-pass jgħin biex titwitta t-triq għal iggvernar effettiv tal-pajjiż mill-Gvern ta' Kunsens Nazzjonali (GKN) u għall-indirizzar tal-ħtiġijiet tal-poplu Libjan.
  2. Is-suċċess tal-GKN ser jiddependi mill-isforzi kollettivi u l-kooperazzjoni tal-poplu Libjan u l-mexxejja tiegħu. L-UE tissottolinja s-sjieda Libjana tal-proċess politiku u l-importanza tal-inklużività tiegħu, b'mod partikolari permezz tal-parteċipazzjoni kontinwa tal-atturi politiċi u lokali, in-nisa u s-soċjetà ċivili. L-UE, flimkien mal-pajjiżi ġirien tal-Libja, in-NU u l-komunità internazzjonali, jinsabu lesti biex jappoġġaw lill-GKN, fuq it-talba tiegħu, biex jgħinuh ireġġa' lura l-paċi u l-istabbiltà fil-Libja.
  3. Il-Ftehim Politiku Libjan, iffirmat fi Skhirat fis-17 ta’ Diċembru 2015, approvat mill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU permezz tar-Riżoluzzjoni 2259 li ġiet adottata b’mod unanimu fit-23 ta’ Diċembru 2015, jibqa’ l-bażi għall-progress politiku fil-Libja. Il-Ftehim Politiku Libjan ġie appoġġat bis-sħiħ mill-UE, li tqis il-Gvern ta' Kunsens Nazzjonali bħala l-uniku gvern leġittimu fil-Libja. L-UE tappella lill-partijiet ikkonċernati kollha, b’mod partikolari dawk fir-reġjun, biex ikomplu jħeġġu lill-partijiet kollha fil-Libja biex jinvolvu ruħhom b’mod kostruttiv mal-GNA u l-istituzzjonijiet l-oħra kollha li huma parti mill-Ftehim Politiku Libjan. L-UE tenfasizza li l-UNSCR 2259 tinkludi talba biex jitwaqqaf l-appoġġ għal u l-kuntatt uffiċjali ma' istituzzjonijiet paralleli li jsostnu li għandhom awtorità leġittima iżda mhumiex fil-Ftehim.
  4. L-UE tilqa’ b'sodisfazzjon ir-rikonoxximent tal-awtorità tal-GKN min-naħa ta’ diversi istituzzjonijiet nazzjonali, inklużi l-Bank Ċentrali, in-National Oil Company, u l-Libyan Investment Authority, kif ukoll muniċipalitajiet Libjani. Hija tistenna b'interess it-trasferiment paċifiku, ordnat u immedjat tal-poter lill-GKN, u tħeġġeġ lill-milizzji eżistenti u l-gruppi armati biex jirrispettaw din l-awtorità. F'dan ir-rigward, l-UE tħeġġeġ lill-Kamra tar-Rappreżentanti u istituzzjonijiet oħrajn, inkluż il-Kunsill tal-Istat li għadu jibda, biex iwettqu r-rwoli assenjati lilhom skont il-Ftehim Politiku Libjan.
  5. L-UE tafferma mill-ġdid l-appoġġ sħiħ tagħha għall-Missjoni ta' Appoġġ tan-Nazzjonijiet Uniti fil-Libja (UNSMIL) u għar-Rappreżentant Speċjali tas-Segretarju Ġenerali tan-NU Martin Kobler fl-isforzi tagħhom biex jiżguraw l-implimentazzjoni sħiħa tal-Ftehim Politiku Libjan mill-partijiet kollha, u ser tkompli tappoġġa b’mod attiv il-ħidma tagħhom.
  6. L-UE implimentat miżuri restrittivi kontra tliet individwi li ostakolaw l-implimentazzjoni tal-Ftehim Politiku Libjan u t-transizzjoni politika. L-UE ser terġa' teżamina l-miżuri restrittivi tagħha f’każ li tinbidel l-imġiba tagħhom u, jekk neċessarju, tista' tintroduċi miżuri restrittivi addizzjonali kontra individwi oħra li jheddu l-paċi, l-istabbiltà u s-sigurtà fil-Libja, jew li jimminaw it-transizzjoni politika tagħha.
  7. L-UE ttenni l-impenn tagħha li tipprovdi pakkett sħiħ ta’ miżuri immedjati u sostanzjali b’appoġġ għall-GKN u l-poplu Libjan li jammontaw għal €100m f’numru ta’ oqsma differenti, li għandhom jiġu definiti u prijoritizzati f’kooperazzjoni mill-qrib mal-GKN u f’koordinazzjoni mal-UNSMIL. L-UE tilqa' b'sodisfazzjon il-laqgħa kopreseduta f'Tuneż fit-12 ta' April mill-UNSMIL u r-Renju Unit dwar kif il-komunità internazzjonali tista' tappoġġa l-prijoritajiet stabbiliti mill-GKN biex il-poplu Libjan ikollu l-paċi, is-sigurtà, l-istabbiltà u l-prosperità. F'dan ir-rigward, il-Faċilità ta' Stabbiltà għal-Libja li għadha kif twaqqfet ser tkun strument importanti. L-UE tkompli tipprovdi assistenza fuq żmien qasir permezz ta’ diversi strumenti ta’ finanzjament, inkluż permezz ta’ appoġġ lill-muniċipalitajiet u l-forniment ta’ servizzi essenzjali lill-popolazzjoni Libjana fil-bżonn. Kundizzjonijiet ta’ sigurtà mtejba fuq il-post jiffaċilitaw it-twassil effettiv ta’ assistenza mill-UE. L-UE tinsab lesta li tappoġġa lill-GKN fil-ġestjoni tal-migrazzjoni u l-asil, b'koordinazzjoni mill-qrib mal-UNHCR u l-IOM, b'kont meħud tal-eżitu tas-Summit tal-Belt Valletta.
  8. L-UE tikkundanna bil-qawwa kull tentattiv maħsub biex ixekkel l-istabbilizzazzjoni tal-Libja u ttenni t-tħassib serju tagħha dwar it-theddida dejjem akbar tat-terroriżmu inkluż mid-Daesh u l-affiljati tagħha. Din it-theddida tenfasizza l-bżonn urġenti li l-GKN jgħaqqad il-forzi Libjani mir-reġjuni kollha bħala l-uniku mod għal-Libja biex taqbad it-triq tal-paċi, l-istabbiltà u l-prosperità, waqt li tippreserva l-għaqda u l-integrità territorjali tagħha.
  9. L-UE tinsab lesta li toffri appoġġ lis-settur tas-sigurtà bi tweġiba għal talbiet possibbli mill-GKN. F'każ ta' talba mil-Libja u wara konsultazzjonijiet mal-Libjani, missjoni ċivili possibbli tal-PSDK tista' tappoġġa l-isforzi Libjani inter alia permezz ta' konsulenza u bini tal-kapaċità fl-oqsma tal-pulizija u l-ġustizzja kriminali inkluż dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu, il-ġestjoni tal-fruntieri kif ukoll il-ġlieda kontra l-migrazzjoni irregolari, il-faċilitazzjoni ta' immigrazzjoni illegali u t-traffikar ta' bnedmin, bħala parti mill-appoġġ usa' tar-Riforma tas-Settur tas-Sigurtà. Din il-missjoni possibbli tista' tkun ibbażata fuq il-kapaċità eżistenti tal-ippjanar tal-EUBAM Libya. Minbarra l-missjoni ċivili possibbli, ser tingħata wkoll aktar attenzjoni għall-appoġġ li jista’ jiġi pprovdut permezz ta’ EUNAVFOR MED Sophia, billi tissaħħaħ il-kapaċità tagħha li xxekkel il-mudell kummerċjali tal-kuntrabandisti tal-bnedmin u n-netwerks tat-traffikar ta' bnedmin u li tikkontribwixxi biex tiżdied is-sigurtà b’appoġġ lill-awtoritajiet leġittimi Libjani, pereżempju permezz tat-tisħiħ tal-kapaċitajiet potenzjali għall-Gwardja tal-kosta Libjana, u l-implimentazzjoni tad-dritt internazzjonali. L-UE ser tiżgura li l-kontribut tagħha jwieġeb għat-talbiet u l-ħtiġijiet tal-awtoritajiet Libjani għal garanzija ta' sjieda sħiħa Libjana, u li jkun ikkoordinat u koerenti ma' appoġġ internazzjonali ieħor taħt il-koordinazzjoni ġenerali tal-UNSMIL. Barra minn hekk, l-UE tirrikonoxxi l-importanza tas-sigurtà tal-fruntieri tal-Libja għas-sigurtà reġjonali u dik Ewropea. F'dan ir-rigward, l-UE ser tikkunsidra modi kif issaħħaħ l-appoġġ reġjonali tagħha, inkluż permezz tal-attivitajiet eżistenti tal-PSDK fis-Saħel.
  10. L-UE ttenni l-kundanna qawwija tagħha għal kull ksur u kull abbuż tad-drittijiet tal-bniedem fil-Libja. L-UE ser tappoġġa bis-sħiħ lill-GKN fil-protezzjoni u l-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem.
  11. L-UE tinsab tassew imħassba dwar is-sitwazzjoni umanitarja li qiegħda tmur għall-agħar u titlob għal sforzi urġenti biex tiġi indirizzata s-sitwazzjoni fiż-żoni l-aktar milquta, inkluża Bengażi. F’dan ir-rigward, l-UE tilqa’ l-pjan ta’ rispons umanitarju tan-NU u tinsab lesta li tipprovdi assistenza ulterjuri. L-UE tappella lill-partijiet kollha fil-Libja biex jiżguraw aċċess umanitarju mingħajr xkiel u s-sigurtà tal-ħaddiema li jagħtu għajnuna umanitarja sabiex jiffaċilitaw l-assistenza u l-protezzjoni għall-popolazzjoni ċivili fil-bżonn.
Ara l-paġna tal-laqgħa

Kuntatti għall-istampa

Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.

L-aħħar reviżjoni: 14 ta' Jannar 2024