- Kunsill tal-Unjoni Ewropea
- Stqarrija għall-istampa
- 8 ta' Lulju 2016 16:00
Dikjarazzjoni mir-Rappreżentant Għoli f’isem l-Unjoni Ewropea dwar ir-rapport tal-Kwartett tal-Lvant Nofsani
L-Unjoni Ewropea ttenni l-impenn sod tagħha favur is-soluzzjoni ta’ żewġ stati u l-politiki eżistenti tagħha, kif dikjarati f’konklużjonijiet suċċessivi tal-Kunsill, u t-tħassib tagħha dwar it-theddid li qed jikber kontra dik is-soluzzjoni.
Għalhekk l-Unjoni Ewropea tilqa' l-pubblikazzjoni tar-rapport tal-Kwartett tal-Lvant Nofsani u tapprova r-rakkomandazzjonijiet tiegħu bħala kontribut għall-ħolqien tal-kondizzjonijiet għas-soluzzjoni ta’ żewġ stati. L-UE tesprimi tħassib għall-iżviluppi fil-post u tappella lill-partijiet biex minnufih jimpenjaw ruħhom mal-Kwartett u mal-partijiet l-oħra konċernati rilevanti u jimplimentaw ir-rakkomandazzjonijiet b'mod sħiħ. Dik l-implimentazzjoni tkun qed turi impenn ġenwin favur soluzzjoni paċifika bil-bini mill-ġdid tal-fiduċja reċiproka u l-ħolqien tal-kondizzjonijiet għal negozjati diretti u sinifikattivi li jsolvu l-kwistjonijiet kollha tal-istatus finali. L-UE tinsab lesta biex tappoġġa l-partijiet f’dan il-proċess. F’dan ir-rigward, tenfasizza l-importanza ta’ koordinament mill-qrib mar-riżultati tal-Laqgħa ministerjali dwar l-inizjattiva għall-paċi fil-Lvant Nofsani tat-3 ta’ Ġunju 2016 f'Pariġi, bil-ħsieb ta' konferenza internazzjonali kif identifikata fil-konklużjonijiet tagħha tal-20 ta’ Ġunju. L-UE tapprova wkoll l-appell għal aktar djalogu fuq il-bażi tal-Inizjattiva Għarbija għall-Paċi u l-viżjoni tagħha għall-kisba ta’ paċi komprensiva.
L-UE ser tkompli taħdem mal-kontropartijiet tagħha Iżraeljani u Palestinjani, flimkien mal-Kwartett u partijiet konċernati oħra, fir-reġjun u lil hinn minnu, sabiex isir progress lejn paċi ġusta u dejjiema bbażata fuq soluzzjoni ta’ żewġ stati.
Il-Pajjiżi Kandidati l-Eks-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja*, il-Montenegro*, is-Serbja* u l-Albanija*, il-pajjiż tal-Proċess ta' Stabbilizzazzjoni u ta' Assoċjazzjoni u kandidat potenzjali l-Bożnija-Ħerzegovina, u l-pajjiżi tal-EFTA l-Iżlanda, il-Liechtenstein u n-Norveġja, membri taż-Żona Ekonomika Ewropea, kif ukoll l-Ukrajna, ir-Repubblika tal-Moldova, l-Armenja u l-Georgia jallinjaw ruħhom ma' din id-dikjarazzjoni.
* L-Eks-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, il-Montenegro, is-Serbja u l-Albanija għadhom jagħmlu parti mill-Proċess ta' Stabbilizzazzjoni u ta' Assoċjazzjoni.
Kuntatti għall-istampa
-
Maja Kocijančič Kelliem tas-SEAE
- +32 2 298 65 70
- +32 498 98 44 25
Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.
L-aħħar reviżjoni: 13 ta' Jannar 2024