- Kunsill tal-Unjoni Ewropea
- Stqarrija għall-istampa
- 8 ta' Novembru 2016 11:05
Il-laqgħa annwali bejn l-ECOFIN u l-EFTA kkonċentrat fuq it-tkabbir ekonomiku u l-investimenti
Il-ministri għall-ekonomija u l-finanzi tal-EFTA u l-ministri tal-ECOFIN kellhom il-laqgħa annwali tagħhom biex jiddiskutu punti ekonomiċi, finanzjarji u politiċi ta' interess komuni. Fil-kuntest tal-irkupru ekonomiku moderat fl-Ewropa, huma ffokaw id-diskussjoni tagħhom fuq l-istrateġija ta' politika xierqa għat-tisħiħ tat-tkabbir ekonomiku u l-impjiegi, b'enfasi fuq l-għoti ta' spinta lill-investiment li naqsu mal-kontinent kollu.
"Kellna skambju utli ferm ta' fehmiet ma' sħabna mill-Iżlanda, il-Liechtenstein, in-Norveġja u l-Iżvizzera dwar il-qagħda ekonomika attwali u l-ambjent ta’ investiment fl-Ewropa. Kooperazzjoni li taħdem sew hija essenzjali għaż-żewġ naħat fil-ħidma tagħna biex nagħtu spinta lit-tkabbir ekonomiku u nżidu l-attività ta' investiment, kemm privata kif ukoll pubblika, fl-Ewropa."
Peter Kažimír, il-ministru għall-finanzi tas-Slovakkja u l-president tal-Kunsill
Filwaqt li rrikonoxxew li l-investimenti tal-pajjiżi tal-EFTA huma qrib il-livell ta' qabel il-kriżi, il-partijiet kollha għarfu l-importanza ta' politiki bil-mira li jagħtu spinta lil-livelli ta' investiment fl-Ewropa. F'dan il-qasam, il-ministri enfasizzaw ir-riformi strutturali biex tiżdied il-produttività u jitneħħew l-ostakli għall-investiment, regolamentazzjoni finanzjarja għaqlija bil-għan li tmexxi t-tfaddil lejn proġetti ta' investiment u t-tlestija tas-suq uniku. Il-pjan ta' investiment tal-UE għall-Ewropa tqies bħala mutur importanti ta' sforzi ta' politika bħal dawn.
Il-ministri rrikonoxxew ukoll il-livell sinifikanti ta' interdipendenza bejn l-ekonomiji tal-UE u tal-EFTA. Tnaqqis fir-ritmu ekonomiku fi grupp wieħed ta' pajjiżi jista' jkollu effett indirett immedjat fuq partijiet oħrajn tal-Ewropa. L-UE u l-EFTA għaldaqstant ma jqisux lil xulxin bħala pajjiżi "terzi", iżda bħala ġirien bl-istess sfidi u prijoritajiet ekonomiċi importanti. Il-Brexit sempliċiment jagħti aktar impetu lil din l-aġenda.
Kuntatti għall-istampa
-
Patrick McCullough Press officer
- +32 471 33 38 46
- +32 2 281 91 19
Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.
L-aħħar reviżjoni: 15 ta' Jannar 2024