Skip to content
  • Kunsill tal-Unjoni Ewropea
  • Stqarrija għall-istampa
  • 27 ta' Frar 2017 21:42

Ftehim biex jiġi estiż il-programm tal-UE dwar ir-rappurtar finanzjarju u l-awditjar

Il-presidenza Maltija u r-rappreżentanti tal-Parlament Ewropew laħqu ftehim proviżorju dwar l-estensjoni tal-finanzjament tal-UE għall-Grupp Konsultattiv Ewropew għar-Rappurtar Finanzjarju (EFRAG).

Kważi €14-il miljun ser jiġu allokati għall-perijodu bejn l-2017 u l-2020 biex tiġi żgurata l-kontinwità operazzjonali tal-EFRAG. Il-kontribuzzjoni tal-UE għall-baġit tal-EFRAG tammonta għal madwar 60%.

Christian Cardona, Ministru ta’ Malta għall-Ekonomija, l-Investiment u l-Intrapriżi Żgħar, stqarr: "Finanzjament adegwat ser jippermetti lill-EFRAG iwettaq il-missjoni tiegħu b'mod effettiv. L-EFRAG issa mgħammar sew biex ikompli jagħti konsulenza lill-Kummissjoni Ewropea dwar standards internazzjonali tar-rappurtar finanzjarju fl-interess tal-proġett Ewropew. L-indipendenza u t-trasparenza huma essenzjali biex jissaħħaħ is-suq uniku tas-servizzi finanzjarji u l-kapital".

Il-missjoni tal-EFRAG hija li jiġu żviluppati u promossi l-fehmiet Ewropej fil-qasam tar-rappurtar finanzjarju. Huwa jipprova wkoll jiżgura li jittieħed kont debitu ta' dawn il-fehmiet fil-Bord dwar l-Istandards Internazzjonali tal-Kontabbiltà, li huwa l-korp indipendenti responsabbli għall-iżvilupp ta' Standards Internazzjonali tar-Rappurtar Finanzjarju (IFRS).

Fl-2009, l-UE nediet programm biex tappoġġa attivitajiet fil-qasam tas-servizzi finanzjarji, ir-rappurtar finanzjarju u l-awditjar. Il-benefiċjarji tal-programm huma l-Fondazzjoni IFRS, l-EFRAG, u l-Bord tas-Sorveljanza tal-Interess Pubbliku (PIOB).

Il-programm ġie estiż skont ir-regolament 258/14 għall-perijodu bejn l-2014 u l-2020 għall-Fondazzjoni IFRS u l-PIOB biss.

Rigward l-EFRAG, il-Kunsill u l-Parlament iddeċidew li jistennew sakemm jitlestew għadd ta' riformi fil-governanza tal-EFRAG. Ir-riforma tal-governanza tal-EFRAG biex jissaħħaħ il-kontribut tal-UE għall-iżvilupp ta' standards internazzjonali tal-kontabbiltà ġiet implimentata fil-31 ta' Ottubru 2014.

Il-ftehim proviżorju tal-lum għad irid jiġi kkonfermat mill-Kunsill u l-Parlament Ewropew fil-ġimgħat li ġejjin. Ladarba kkonfermat, l-allokazzjoni totali mill-baġit tal-UE għall-EFRAG ser tammonta għal €23 miljun għall-perijodu bejn l-2014 u l-2020, li taqbel mal-istima inizjali tal-Kummissjoni.

Kuntatti għall-istampa

Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.

L-aħħar reviżjoni: 14 ta' Jannar 2024