Skip to content
  • Kunsill tal-Unjoni Ewropea
  • Stqarrija għall-istampa
  • 6 ta' Marzu 2017 00:00

Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-progress fl-implimentazzjoni tal-Istrateġija Globali tal-UE fil-qasam tas-Sigurtà u d-Difiża

Introduzzjoni

1. Skont il-Konklużjonijiet tal-Kunsill tal-15 ta’ Diċembru 2016 u l-linji gwida li jinsabu fihom, il-Kunsill analizza l-progress fl-implimentazzjoni tal-konklużjonijiet tiegħu tas-17 ta’ Ottubru u tal-14 ta’ Novembru 2016. Huwa jilqa’ l-avvanzi inizjali li saru, kif jidher hawn taħt, sabiex permezz ta’ sett komprensiv ta’ azzjonijiet jiġi sodisfatt il-livell ta’ ambizzjoni tal-UE li joħroġ mill-Istrateġija Globali tal-UE fil-qasam tas-sigurtà u d-difiża. Huwa jappella għal aktar ħidma u gwida u jaqbel li jerġa’ lura għal dawn il-kwistjonijiet f’Mejju, qabel il-Kunsill Ewropew ta’ Ġunju.

2. Il-Kunsill ifakkar li dan għandu jagħti kontribut għat-titjib tal-kapaċità tal-Unjoni li taġixxi bħala fornitur tas-sigurtà u għat-tisħiħ tal-Politika ta’ Sigurtà u ta’ Difiża Komuni, kif ukoll tar-rwol strateġiku globali tagħha u tal-kapaċità tagħha li taġixxi b’mod awtonomu meta u fejn ikun neċessarju u mas-sħab kull fejn possibbli.

3. Il-Kunsill jilqa’ l-ħidma li għaddejja fir-rigward tal-implimentazzjoni mill-Kummissjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni Ewropew għad-Difiża, f’kooperazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri. Jilqa’ wkoll l-intenzjoni tal-Kummissjoni, inkluża fil-Komunikazzjoni tagħha datata t-30 ta’ Novembru 2016, li tippreżenta proposti ulterjuri fl-ewwel semestru tal-2017 għall-istabbiliment ta’ Fond Ewropew għad-Difiża li jinkludi tieqa għall-iżvilupp konġunt ta' kapaċitajiet li għandhom jiġu maqbula b’mod konġunt mill-Istati Membri, u tieqa għar-riċerka (li l-ewwel pass tagħha huwa t-tnedija tal-Azzjoni Preparatorja għal riċerka relatata mad-difiża) li għandhom jiġu eżaminati taħt il-Qafas Finanzjarju Pluriennali li jmiss. Il-Kunsill ifakkar l-istedina magħmula mill-Kunsill Ewropew f’Diċembru 2016 lill-Bank Ewropew tal-Investiment biex jeżamina l-passi bil-ħsieb li jingħata appoġġ lil investimenti f'attivitajiet ta’ riċerka u żvilupp fil-qasam tad-difiża.

Il-Kunsill itenni wkoll, f'konformità mal-Konklużjonijiet tiegħu tal-14 ta' Novembru 2016, il-ħtieġa li jissaħħu l-effikaċja tal-PSDK u l-iżvilupp u ż-żamma tal-kapaċitajiet tal-Istati Membri, appoġġati minn Bażi Industrijali u Teknoloġika tad-Difiża Ewropea (EDTIB) aktar integrata, sostenibbli, innovattiva u kompetittiva, li tikkontribwixxi wkoll għall-impjiegi, it-tkabbir u l-innovazzjoni fl-UE kollha u tista' ttejjeb l-awtonomija strateġika tal-Ewropa, billi ssaħħaħ il-kapaċità tagħha li taġixxi mas-sħab. Il-Kunsill ifakkar li dawn l-isforzi għandhom ikunu inklużivi, b'opportunitajiet ugwali għall-industrija tad-difiża fl-UE, ibbilanċjati u f'konformità sħiħa mad-dritt tal-UE.

4. Barra minn hekk, il-Kunsill jilqa’ l-azzjoni rapida b'segwitu għall-konklużjonijiet tal-Kunsill tas-6 ta’ Diċembru 2016 li timplimenta l-oqsma kollha tad-Dikjarazzjoni Konġunta ffirmata f’Varsavja mill-President tal-Kunsill Ewropew, il-President tal-Kummissjoni Ewropea u s-Segretarju Ġenerali tal-Organizzazzjoni tat-Trattat tal-Atlantiku tat-Tramuntana. F'dan ir-rigward, huwa jappella għal aktar ħidma, b'rispett sħiħ għall-prinċipji tal-inklużività, r-reċiproċità u l-awtonomija tal-proċessi tal-UE għat-teħid ta’ deċiżjonijiet, u biex jingħata rapport dwar il-progress f’Ġunju 2017.

Titjib tal-istrutturi tal-PSDK ta’ maniġġar ta’ kriżijiet

5. Illum, il-Kunsill approva d-Dokument Kunċettwali dwar il-kapaċitajiet fil-qasam tal-ippjanar u t-tmexxija operazzjonali tal-missjonijiet u l-operazzjonijiet tal-PSDK. B’segwitu għall-Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew ta’ Diċembru u skont il-Konklużjonijiet tiegħu ta’ Novembru 2016, dan id-Dokument jinkludi miżuri biex titjieb il-kapaċità tal-UE li tirreaġixxi b’mod aktar rapidu, aktar effikaċi u b’inqas xkiel, billi jissaħħu l-istrutturi eżistenti u bil-ħsieb li jittejbu s-sinerġiji ċivili-militari, bħala parti mill-Approċċ Komprensiv tal-UE. Fuq din il-bażi, il-Kunsill jaqbel b’mod partikolari:

  • Li jistabbilixxi, bħala objettiv fuq żmien qasir, Kapaċità Militari tal-Ippjanar u t-Tmexxija (MPCC) fi ħdan il-Persunal Militari tal-UE fi Brussell, li ser tkun responsabbli fuq il-livell strateġiku mill-ippjanar u t-tmexxija operazzjonali tal-missjonijiet militari mhux eżekuttivi, waqt li topera taħt il-kontroll politiku u l-gwida strateġika tal-Kumitat Politiku u ta’ Sigurtà. L-MPCC li jkun għadu kif inħoloq ser jaħdem b’mod parallel u koordinat mal-Kapaċità Ċivili tal-Ippjanar u t-Tmexxija (CPCC).
  • Li d-Direttur Ġenerali tal-Persunal Militari tal-UE ser ikun id-Direttur tal-MPCC u f’dik il-kapaċità huwa ser jassumi l-funzjonijiet ta’ kmandant tal-missjonijiet għal missjonijiet militari mhux eżekuttivi, inkluż it-tliet il-Missjonijiet ta’ Taħriġ tal-UE stazzjonati fir-Repubblika Ċentru-Afrikana, il-Mali u s-Somalja, f’konformità mat-Termini ta’ Referenza maqbula.
  • Li jistieden lir-Rappreżentant Għoli biex tipproponi termini ta’ referenza konsolidati tal-Persunal Militari tal-UE, kif ukoll biex tipproponi Deċiżjoni tal-Kunsill li tirrifletti l-arranġamenti ta’ hawn fuq u li temenda d-Deċiżjonijiet tal-Kunsill tal-missjonijiet tal-PSDK kkonċernati.
  • Li jlaqqa' flimkien l-għarfien espert ċivili u militari fl-oqsma ewlenin tal-appoġġ għall-missjonijiet fi ħdan Ċellula ta' Koordinazzjoni tal-Appoġġ Konġunt fil-livell ta' Brussell, sabiex ta’ kuljum taħdem biex tkompli ssaħħaħ u tippermetti l-koordinazzjoni u l-kooperazzjoni ċivili/militari effettivi u fl-ippjanar u t-tmexxija operazzjonali tal-missjonijiet ċivili u dawk militari mhux eżekuttivi tal-PSDK. Dan ser ikompli jikkontribwixxi għall-implimentazzjoni sħiħa tal-Approċċ Komprensiv tal-UE, filwaqt li jiġu rispettati l-linji ta' kmand ċivili u militari rispettivi u s-sorsi distinti ta’ finanzjament.
  • Li janalizza l-istabbiliment tal-MPCC u taċ-Ċellula ta' Koordinazzjoni tal-Appoġġ Konġunt sena wara li jkunu saru operazzjonali b'mod sħiħ, iżda sa mhux aktar tard minn tmiem l-2018, abbażi ta’ rapport mir-Rappreżentant Għoli. Din l-analiżi għandha titħejja f’konsultazzjoni sħiħa mal-Istati Membri u ma tippreġudika l-ebda deċiżjoni politika li għandha tittieħed.

Il-Kunsill jaqbel ukoll dwar il-proposti fir-rigward tal-prospettiva u s-superviżjoni strateġiċi li jinsabu fid-Dokument Kunċettwali u jitlob lir-Rappreżentant Għoli, f’kooperazzjoni mal-Kummissjoni kif meħtieġ, biex tipproċedi bl-implimentazzjoni tagħhom.

Kooperazzjoni Strutturata Permanenti (PESCO)

6. Sabiex jissaħħu s-sigurtà u d-difiża tal-Ewropa fl-ambjent ġeopolitiku mimli sfidi tal-lum, il-Kunsill jaqbel dwar il-ħtieġa li titkompla l-ħidma fir-rigward tal-Kooperazzjoni Strutturata Permanenti (PESCO) inklużiva bbażata fuq approċċ modulari. Din għandha tkun miftuħa għall-Istati Membri kollha li huma lesti jieħdu l-impenji vinkolanti meħtieġa u jissodisfaw il-kriterji, abbażi tal-Artikoli 42.6 u 46 u l-Protokoll 10 tat-Trattat. Il-Kunsill jirrikonoxxi li l-PESCO tista' tikkontribwixxi b’mod sinifikanti biex jinkiseb il-Livell ta’ Ambizzjoni tal-UE inkluż bil-ħsieb tal-missjonijiet l-aktar impenjattivi u li din tista' tiffaċilita l-iżvilupp tal-kapaċitajiet tad-difiża tal-Istati Membri u ssaħħaħ il-kooperazzjoni Ewropea fil-qasam tad-difiża, filwaqt li jsir użu sħiħ mit-Trattati. Jinnota li kwalunkwe kapaċità żviluppata permezz tal-PESCO ser tibqa' proprjetà tal-Istati Membri u mħaddma minnhom. Ifakkar li l-Istati Membri kollha għandhom sett wieħed ta’ forzi li jistgħu jużaw f’oqfsa oħra. Waqt li jenfasizza r-responsabilità u l-kompetenza tal-Istati Membri fil-qasam tad-difiża, huwa jisħaq li l-PESCO għandha tgħin biex jiġu ġġenerati sforzi, kooperazzjoni u proġetti kollaborattivi ġodda.

7. Għal dan l-għan, il-Kunsill jistieden lill-Istati Membri, appoġġati mis-SEAE u l-Aġenzija Ewropea għad-Difiża (EDA), biex ikomplu jaħdmu sabiex jikkunsidraw u jiżviluppaw aktar:

  • Qbil dwar fehim kondiviż tal-impenji, l-għanijiet u l-kriterji komuni fuq il-bażi tad-dispożizzjonijiet rilevanti tat-Trattat, kif ukoll il-mudell ta’ governanza.
  • Il-proġetti u l-inizjattivi possibbli li l-Istati Membri huma lesti jaħdmu fir-rigward tagħhom permezz tal-PESCO inkluż b'mod modulari u filwaqt jagħmlu użu minn proġetti li jkunu għaddejjin u jieħdu impenji ġodda fil-qasam tal-investiment fid-difiża, bil-ħsieb li jiġu trattati nuqqasijiet magħrufa u li jiġu indirizzati l-prijoritajiet tal-UE u tal-Istati Membri fil-qasam tal-kapaċitajiet; li titjieb il-kapaċità ta' insedjament u d-disponibbiltà operazzjonali tal-forzi armati tagħhom; u li tiżdied l-interoperabbiltà tagħhom permezz tal-akkomunament u l-kondiviżjoni ta' kapaċitajiet eżistenti.

Din il-ħidma ser tikkontribwixxi għat-tħejjija tan-notifika lill-Kunsill u lir-Rappreżentant Għoli u tad-Deċiżjoni tal-Kunsill li tistabbilixxi l-PESCO.

8. Filwaqt li jinnota li dawn huma inizjattivi awtonomi, il-Kunsill jissottolinja l-ħtieġa li ssir riflessjoni dwar ir-rabtiet possibbli bejn il-PESCO u r-Rieżami Annwali Kkoordinat dwar id-Difiża (CARD). Il-Kunsill jirrikonoxxi li tinħtieġ aktar ħidma biex tiġi esplorata r-rabta potenzjali mal-proposti tal-Kummissjoni biex jiġi stabbilit Fond Ewropew għad-Difiża, inkluż dwar kif proġetti u inizjattivi tal-PESCO jistgħu jibbenefikaw mill-mekkaniżmi tiegħu, li ser ikunu soġġetti għal teħid ta' deċiżjonijiet ulterjuri dwar l-istabbiliment u l-istruttura finali tal-fond.

9. Il-Kunsill jaqbel li jmur lura għal din il-kwistjoni f’Mejju 2017 sabiex jagħti aktar gwida politika dwar it-teħid possibbli ta’ deċiżjonijiet.

Rieżami Annwali Kkoordinat dwar id-Difiża (CARD)

10. Il-Kunsill jilqa' l-ħidma mnedija biex jiġu żviluppati l-prinċipji u l-ambitu ta' CARD immexxija mill-Istati Membri biex tiġi approfondita l-kooperazzjoni fil-qasam tad-difiża, inkluż billi jitrawwem żvilupp tal-kapaċitajiet li jindirizza n-nuqqasijiet, u jiġi żgurat użu aktar ottimali, inkluż il-koerenza, tal-pjanijiet għall-infiq militari. Huwa jisħaq fuq l-importanza li jiġi żviluppat, permezz tal-CARD, mod aktar strutturat biex iwassal il-kapaċitajiet ewlenin meħtieġa fl-Ewropa, abbażi ta' trasparenza, viżibbiltà politika u impenn akbar mill-Istati Membri, filwaqt li jevita kwalunkwe sforz amministrattiv addizzjonali bla bżonn mill-Istati Membri u l-istituzzjonijiet tal-UE. Il-Kunsill jisħaq fuq il-ħtieġa li tiġi żgurata l-koerenza bejn il-CARD u l-Proċess tal-Ippjanar tad-Difiża tan-NATO fejn ir-rekwiżiti huma sovrapposti filwaqt li jirrikonoxxi n-natura differenti taż-żewġ organizzazzjonijiet u r-responsabbiltajiet rispettivi tagħhom. Il-Kunsill jisħaq fuq il-fatt li l-CARD, bħala għodda ġenerali, jeħtieġ jibni fuq u jagħmel l-aħjar użu mill-proċessi u l-għodod eżistenti u kemm jista' jkun għandu jkun ibbażat fuq informazzjoni disponibbli ġġenerata minnhom.

11. Il-Kunsill jenfasizza li l-CARD tkun implimentat fuq bażi volontarja u b'rispett sħiħ tal-prerogattivi u l-impenji tal-Istati Membri fid-difiża, inkluż, fejn japplika, fid-difiża kollettiva, u l-proċessi tal-ippjanar tagħhom tad-difiża, u filwaqt li jittieħed kont ta' theddid estern u sfidi tas-sigurtà madwar l-UE.

Il-Kunsill jisħaq fuq l-importanza li tinġieb trasparenza u viżibbiltà politika akbar fl-ambjent tal-kapaċità Ewropea. F'dan ir-rigward, jissottolinja li l-CARD għandu jipprovdi valutazzjoni ġenerali dwar il-kwistjonijiet relatati mal-kapaċitajiet, b'hekk jikkontribwixxi għal gwida politika mill-Kunsill. Il-Kunsill għalhekk jissottolinja li l-CARD għandu jgħin lill-Istati Membri jwettqu kapaċitajiet kruċjali b'mod partikolari abbażi tal-prijoritajiet tal-kapaċitajiet miftiehma permezz tal-Pjan ta' Żvilupp tal-Kapaċitajiet tal-UE. Dan għandu jipprovdi wkoll lill-Istati Membri forum għall-koordinazzjoni u d-diskussjoni tal-ippjanar tad-difiża nazzjonali tagħhom - inkluż f'termini tal-pjanijiet għall-infiq militari, filwaqt li jittieħed kont tal-impenji magħmula mill-Kunsill Ewropew f'Diċembru 2016 - b'mod aktar strutturat li jibni fuq il-miżuri volontarji stabbiliti fil-Qafas ta' Politika għall-Kooperazzjoni Sistematika u fit-Tul fil-Qasam tad-Difiża. Filwaqt li jiġi nnutat li dawn l-inizjattivi huma indipendenti, il-ħidma fuq il-CARD għandha titwettaq f'koerenza mal-implimentazzjoni tal-Pjan ta' Azzjoni Ewropew għad-Difiża.

12. Il-Kunsill jilqa' l-idea ta' laqgħat regolari u apposta tal-Ministri għad-Difiża, inizjalment kull sentejn, u aktar spiss jekk hekk jiġi deċiż. L-Aġenzija Ewropea għad-Difiża (EDA) għandha taqdi rwol ewlieni fil-CARD biex tagħti l-valutazzjoni oġġettiva ġenerali u l-analiżi ta' sostenn fil-forma ta' rapport bil-miktub lill-Ministri għad-Difiża, filwaqt li tagħmel użu sħiħ mill-għodod eżistenti u taġixxi wkoll bħala s-segretarjat tal-CARD.

13. Il-Kunsill jaqbel mal-parametri tal-CARD stabbiliti hawn fuq u jistieden lir-Rappreżentant Għoli/Kap tal-Aġenzija, f'kooperazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri, tiżviluppa proposti aktar dettaljati dwar l-ambitu, il-metodi u l-kontenut tal-CARD sa Ġunju, b'mod partikolari f'termini ta' interazzjoni mal-Istati Membri, bil-ħsieb li jitħejja l-istabbiliment tal-CARD sa tmiem l-2017. L-ewwel CARD sħiħ għandu jiġi implimentat abbażi b'mod partikolari tal-prijoritajiet riveduti tal-Pjan ta' Żvilupp tal-Kapaċitajiet kif ukoll il-proċessi u l-għodod eżistenti l-oħra mill-2018.

Żvilupp ta' Kapaċitajiet Ċivili

14. Il-Kunsill jissottolinja l-importanza li l-ħidma fuq l-iżvilupp ta' kapaċitajiet ċivili titmexxa 'l quddiem b'mod rapidu. Huwa jaqbel dwar il-ħtieġa li tissaħħaħ il-kapaċità ta' rispons sabiex jiġi żgurat skjerament aktar effettiv, rapidu u flessibbli ta' missjonijiet ċivili tal-PSDK, li jaqdu rwol importanti bħala pilastru tal-Approċċ Komprensiv tal-UE. F'dan il-kuntest, il-Kunsill jinnota d-diskussjonijiet li għaddejjin, inkluż dwar kapaċità permanenti, timijiet speċjalizzati kkonfigurati minn qabel ta' esperti u kontinġenti tal-pulizija u/jew kategoriji professjonali oħra, u l-eżami mill-ġdid tal-mekkaniżmu tat-Tim ta' Rispons Ċivili (CRT). Huwa jitlob lir-Rappreżentant Għoli u, fejn rilevanti, il-Kummissjoni, filwaqt li jaħdmu flimkien mal-Istati Membri, biex jippreżentaw proposti konkreti biex isaħħu l-kapaċità ta' rispons bil-ħsieb tal-approvazzjoni tagħhom qabel il-Kunsill Ewropew ta' Ġunju. Huwa jaqbel ukoll dwar il-ħtieġa ta' rieżami ulterjuri tal-oqsma ta' prijorità tal-Feira ta' missjonijiet ċivili tal-PSDK. Il-Kunsill jissottolinja l-importanza ta' sinerġiji, kompatibbiltà u interoperabbiltà msaħħa bejn l-UE u n-NU f'dan il-qasam ukoll. Huwa ser jerġa' lura għal dawn il-kwistjonijiet f'Mejju.

Implimentazzjoni f'diversi oqsma oħra

15. Bħala kontribut importanti biex jippermetti l-UE tipprovdi t-tisħiħ tal-kapaċitajiet b'mod effettiv, responsabbli u uniformi, il-Kunsill jistenna b'interess il-finalizzazzjoni rapida tal-ħidma leġislattiva dwar il-proposta biex jiġi emendat l-Istrument li jikkontribwixxi għall-Istabbiltà u l-Paċi. Il-Kunsill ifakkar fil-Konklużjonijiet tiegħu ta' Novembru 2016 dwar il-ħtieġa li jiġu koperti r-rekwiżiti kollha biex jiġu appoġġati aktar il-pajjiżi sħab fil-prevenzjoni u l-maniġġar tal-kriżijiet waħedhom, inkluż dawk fil-kuntest ta' missjonijiet mhux eżekuttivi tal-PSDK. F'dan il-kuntest, jappella biex titkompla l-ħidma ta' tħejjija li għaddejja biex tidentifika l-ħtiġijiet fil-qasam tat-Tisħiħ tal-Kapaċitajiet għas-Sigurtà u l-Iżvilupp (CBSD). Il-Kunsill itenni l-ambitu ġeografiku flessibbli tas-CBSD u jappella biex jiġu identifikati u żviluppati proġetti ġodda. Barra minn hekk il-Kunsill ikompli jfakkar fil-proposta tiegħu li jaħdem fuq strument dedikat li jipprovdi tisħiħ tal-kapaċitajiet. Il-Kunsill ser jerġa' lura għas-CBSD f'Mejju 2017.

16. Il-Kunsill jilqa' l-ewwel riflessjonijiet u jistenna b'interess ħidma ulterjuri dwar it-tisħiħ tar-rilevanza, l-użabbiltà u l-iskjerabbiltà tas-sett ta' għodod għar-Reazzjoni Rapida tal-UE inkluż il-Gruppi tattiċi tal-UE - b'mod partikolari għat-tisħiħ tal-modularità tagħhom, it-tħejjija tagħhom u l-finanzjament effettiv tagħhom. Bħala parti minn dan, għandha tingħata aktar konsiderazzjoni lill-modalitajiet partikolari u l-ispejjeż komuni u dispożizzjonijiet finanzjarji oħra għal operazzjonijiet ta' rispons rapidu b'mod ġenerali u l-Gruppi tattiċi tal-UE b'mod partikolari.

Il-Kunsill ser jerġa' lura għall-kwistjoni f'Mejju abbażi ta' proposti konsolidati li għandhom jiġu ppreżentati mir-Rappreżentant Għoli f'konsultazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri. Fir-rigward tal-aspetti finanzjarji tagħhom, dawn il-proposti jistgħu jikkontribwixxu għar-rieżami komprensiv tal-mekkaniżmu Athena previst sa tmiem l-2017 u li għandu jiġi diskuss fil-qafas rilevanti.

17. Il-Kunsill itenni l-importanza tal-ħidma mas-sħab tiegħu, b'mod partikolari n-NU, in-NATO, l-OSKE, l-Unjoni Afrikana, il-Lega tal-Istati Għarab u l-ASEAN, kif ukoll is-sħab strateġiċi u pajjiżi sħab oħra, fil-viċinat tagħna u aktar globalment, bir-rispett dovut għall-qafas istituzzjonali u l-awtonomija fit-teħid ta' deċiżjonijiet tal-UE, u l-prinċipju tal-inklużività. F'dan ir-rigward, il-Kunsill ifakkar fil-ħtieġa li jitmexxew 'il quddiem sħubiji tal-PSDK u jistieden lir-Rappreżentant Għoli tippreżenta opzjonijiet qabel Mejju 2017 għal approċċ aktar strateġiku għas-sħab tal-PSDK kif jinsab fil-Konklużjonijiet tal-Kunsill ta' Novembru 2016.

18. Il-Kunsill jilqa' r-rieżami u l-passi organizzattivi meħuda biex jippromwovu għarfien akbar tas-sitwazzjoni bbażat fuq l-intelligence ċivili-militari tal-UE biex jinforma l-previżjoni strateġika. Huwa jappoġġa passi ulterjuri li għandhom jittieħdu bil-ħsieb ta' żieda futura ta' persunal, loġistika u infrastruttura, jekk dan jitqies meħtieġ, u ser jerġa' lura għall-kwistjoni f'Ġunju.

19. Il-Kunsill, filwaqt li jfakkar fil-ħtieġa għal implimentazzjoni f'waqtha tar-rieżami tal-Pjan ta' Żvilupp tal-Kapaċitajiet sar-rebbiegħa tal-2018, jilqa' l-fatt li l-EDA qed tiżviluppa proposti dwar it-titjib tal-proċess ta' Żvilupp tal-Kapaċità tal-UE. F'dan ir-rigward, jilqa' wkoll il-ħidma li għaddejja dwar ir-reviżjoni tal-Katalogu tar-Rekwiżiti. Il-ħidma li qed titmexxa 'l quddiem mill-Istati Membri fi ħdan l-EDA dwar il-prijoritajiet tal-kapaċitajiet, il-prijoritajiet ġenerali tar-Riċerka u t-Teknoloġija u l-Attivitajiet Strateġiċi Ewlenin ser tgħin biex tiggwida investimenti futuri u tinforma l-implimentazzjoni tal-Pjan ta' Azzjoni Ewropew għad-Difiża. Barra minn hekk, il-Kunsill ifakkar fil-ħtieġa għall-implimentazzjoni rapida tal-azzjonijiet immexxija 'l quddiem fi ħdan l-EDA b'rabta ma' abilitaturi kritiċi u s-sigurtà tal-provvista skont l-impenji politiċi tal-Istati Membri u ftehimiet speċifiċi għal programm/settur.

Kuntatti għall-istampa

Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.

L-aħħar reviżjoni: 14 ta' Jannar 2024