Skip to content
  • Kunsill tal-Unjoni Ewropea
  • Stqarrija għall-istampa
  • 7 ta' Ġunju 2017 11:10

Il-Kunsens Ewropew ġdid dwar l-Iżvilupp – l-UE u l-Istati Membri jiffirmaw strateġija konġunta biex jinqered il-faqar

L-Unjoni Ewropea u l-istati membri tagħha ffirmaw illum pjan ta' azzjoni strateġiku, li jiddeskrivi l-futur tal-politika Ewropea għall-iżvilupp. Dan il-''Kunsens Ewropew Ġdid dwar l-Iżvilupp'' jirrappreżenta viżjoni kollettiva ġdida u pjan ta' azzjoni biex jinqered il-faqar u jinkiseb l-iżvilupp sostenibbli.

L-istrateġija żviluppata b'mod konġunt, fil-forma ta' Dikjarazzjoni Konġunta, ġiet iffirmata llum matul il-Jiem Ewropej tal-Iżvilupp annwali fuq jumejn mill-Prim Ministru ta' Malta, Joseph Muscat, f'isem il-Kunsill u l-Istati Membri, il-President tal-Kummissjoni Ewropea, Jean-Claude Juncker, ir-Rappreżentant Għoli/Viċi President, Federica Mogherini, u l-President tal-Parlament Ewropew, Antonio Tajani.

Il-Kunsens Ewropew ġdid dwar l-Iżvilupp jikkostitwixxi qafas komuni komprensiv għall-kooperazzjoni Ewropea għall-iżvilupp. Għall-ewwel darba, huwa japplika fl-intier tiegħu għall-Istituzzjonijiet kollha tal-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri kollha, li jimpenjaw ruħhom li jaħdmu flimkien aktar mill-qrib.

Il-Kunsens il-ġdid jerġa' jafferma bil-qawwa li l-qerda tal-faqar tibqa' l-objettiv primarju tal-politika Ewropea għall-iżvilupp. Huwa jintegra bis-sħiħ id-dimensjonijiet ekonomiċi, soċjali u ambjentali tal-iżvilupp sostenibbli. Meta jagħmel dan, jallinja l-azzjoni Ewropea għall-iżvilupp mal-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli li hija wkoll dimensjoni trasversali għall-Istrateġija Globali tal-UE.

Il-mexxejja Ewropej impenjaw ruħhom fi tliet oqsma:

  1. Huma jirrikonoxxu r-rabtiet qawwija bejn l-elementi differenti ta' tali azzjoni. Din tinkludi l-iżvilupp u l-paċi u s-sigurtà, l-għanjuna umanitarja, il-migrazzjoni, l-ambjent u l-klima, kif ukoll elementi trasversali, bħalma huma: iż-żgħażagħ; l-ugwaljanza bejn is-sessi; il-mobilità u l-migrazzjoni; l-enerġija sostenibbli u t-tibdil fil-klima; l-investiment u l-kummerċ; il-governanza tajba, id-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet tal-bniedem; l-involviment innovattiv ma' pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp aktar avvanzati; u l-mobilizzazzjoni u l-użu tar-riżorsi domestiċi.
  2. Barra minn hekk, il-Kunsens il-ġdid jieħu approċċ komprensiv lejn il-mezzi ta' implimentazzjoni, li jorbot l-għajnuna tradizzjonali għall-iżvilupp ma' riżorsi oħra, kif ukoll politiki sodi u approċċ imsaħħaħ lejn il-koerenza politika, filwaqt li jfakkar li l-kooperazzjoni tal-UE għall-iżvilupp dejjem għandha titqies fil-kuntest tal-isforzi proprji tal-pajjiżi sħab tal-Ewropa. Il-Kunsens jipprovdi l-bażi għall-UE u l-Istati Membri tagħha biex jinvolvu ruħhom f'forom aktar innovattivi ta' finanzjament għall-iżvilupp, l-attirazzjoni ta' investimenti tas-settur privat u l-mobilizzazzjoni ta' riżorsi domestiċi addizzjonali għall-iżvilupp.
  3. L-UE u l-Istati Membri tagħha ser joħolqu sħubiji mfassla aħjar ma' firxa usa' ta' partijiet ikkonċernati, inkluż is-soċjetà ċivili, u pajjiżi sħab fl-istadji kollha tal-iżvilupp. Huma ser ikomplu jtejbu l-implimentazzjoni tagħhom fuq il-post billi jaħdmu aħjar flimkien u jieħdu kont tal-vantaġġi komparattivi rispettivi tagħhom.

Kuntest

L-Ewropa hija mexxej globali fl-iżvilupp, peress li hija l-akbar fornitur ta' Għajnuna Uffiċjali għall-Iżvilupp. Il-Kunsens Ewropew ġdid dwar l-Iżvilupp ġie maqbul b'mod konġunt mill-Istituzzjonijiet Ewropej kollha u l-Istati Membri kollha tal-UE b'mod miftuħ u trasparenti, ukoll f'konsultazzjoni ma' sħab oħra. Dan il-kunsens huwa r-reazzjoni tal-UE għax-xejriet u l-isfidi globali tal-lum, li jallinja l-azzjoni esterna tal-UE mal-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli.

L-Aġenda 2030 ġiet adottata mill-komunità internazzjonali f'Settembru 2015, u tinkludi fil-qalba tagħha s-17-il Għan ta' Żvilupp Sostenibbli u l-miri assoċjati, li tibqa' għaddejja sal-2030. Flimkien mas-summits u l-konferenzi internazzjonali l-oħra li saru fl-2015 f'Addis Ababa u f'Pariġi, il-komunità internazzjonali għandha qafas ambizzjuż ġdid għall-pajjiżi kollha biex jaħdmu flimkien fuq l-isfidi komuni. Għall-ewwel darba, l-SDGs huma applikabbli b'mod universali għall-pajjiżi kollha u l-UE hija impenjata biex tkun fuq quddiem fl-implimentazzjoni tagħhom.

Fit-22 ta' Novembru 2016, il-Kummissjoni Ewropea pproponiet l-ideat tagħha għal approċċ strateġiku għall-ksib ta' żvilupp sostenibbli fl-Ewropa u madwar id-dinja, inkluż proposta tal-Kummissjoni għal Kunsens ġdid. Minn dakinhar il-Parlament Ewropew, il-Kunsill taħt il-Presidenza Maltija, u l-Kummissjoni kienu involuti f'serje intensiva ta' diskussjonijiet interistituzzjonali bl-għan li jaqblu dwar viżjoni kollettiva ġdida ta' politika għall-iżvilupp li twieġeb għall-Aġenda 2030 u għal sfidi globali oħra.

L-Ewropa hija minn ta' quddiem f'dak li għandu x'jaqsam mal-iżvilupp sostenibbli u l-Aġenda 2030, permezz tal-politiki esterni u oħrajn.

Ara wkoll

Dikjarazzjoni Konġunta mill-President tal-Parlament Ewropew, Antonio Tajani, il-President tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, Joseph Muscat, il-President tal-Kummissjoni Ewropea, Jean-Claude Juncker, u r-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà / Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea, Federica Mogherini.

Kuntatti għall-istampa

Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.

L-aħħar reviżjoni: 13 ta' Jannar 2024