- Kunsill tal-Unjoni Ewropea
- Stqarrija għall-istampa
- 15 ta' Ġunju 2017 13:05
Protezzjoni aħjar għall-ħaddiema minn sustanzi li jikkawżaw il-kanċer: il-Kunsill jilħaq qbil
Illum, il-Kunsill EPSCO laħaq qbil li ser jiggarantixxi protezzjoni għal aktar minn 4 miljun ħaddiem minn esposizzjoni għal karċinoġeni jew mutaġeni fuq il-post tax-xogħol.
Il-President tal-Kunsill, is-Sinjura Helena Dalli qalet: "B’dan il-ftehim, nistgħu nipproteġu aħjar miljuni ta’ ħaddiema tal-UE minn sustanzi kimiċi li jikkawżaw il-kanċer fuq il-post tax-xogħol. Dan huwa ta' importanza partikolari għaliex il-kanċer huwa l-kawża ewlenija ta’ mwiet relatati max-xogħol fl-UE."
Id-direttiva proposta tfittex li tintroduċi valuri ta' limitu aktar stretti rigward l-espożizzjoni u n-notazzjonijiet dwar il-ġilda għal ħames karċinoġeni kif ukoll notazzjonijiet dwar il-ġilda indipendentement mill-valuri ta' limitu għal żewġ karċinoġeni oħra, li b'kollox ikopru seba' karċinoġeni.
Is-sustanzi karċinoġeni u mutaġeni koperti mid-Direttiva huma dawn li ġejjin: Żjut Minerali li qabel intużaw f’magni ta’ kombustjoni interna, ċerti taħlitiet ta' idrokarburi aromatiċi poliċikliċi (PAHs), trikloroetilen, 4,4'-metilendianilina, epikloroidrina dibromur tal-etilene, diklorur tal-etilen.
Informazzjoni ta' sfond
Il-Kummissjoni ppreżentat f'Jannar 2017 ir-reviżjoni proposta li tikkonċerna b'mod partikolari l-anness I u III tad-direttiva 2004/37/KE.
Il-valuri ta' limitu miżmuma huma bbażati fuq analiżi tal-impatti ekonomiċi, soċjali u ambjentali ta' għażliet ta' politika differenti għal kull aġent kimiku, fuq il-kriterji tal-parir xjentifiku tal-kumitat xjentifiku għal-limiti tal-espożizzjoni (SCOEL), l-effettività, l-effiċjenza u l-koerenza.
Il-valuri ta’ limitu qabel dwarhom ukoll il-kumitat ta’ konsulenza dwar is-sigurtà u s-saħħa fuq il-post tax-xogħol (ACSH).
Din ir-reviżjoni ssegwi proposta preċedenti tal-Kummissjoni li diġà inkludiet 13-il aġent karċinoġenu.
Pakkett ulterjuri ta' valuri ta' limitu proposti huwa mistenni li jiġi adottat mill-Kummissjoni fil-bidu tas-sena d-dieħla.
Kuntatti għall-istampa
-
Emma O'Driscoll Press officer
- +32 475 88 48 33
- +32 2 281 48 10
- @eo_press
Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.
L-aħħar reviżjoni: 13 ta' Jannar 2024