- Kunsill tal-Unjoni Ewropea
- Stqarrija għall-istampa
- 19 ta' Ġunju 2017 12:55
Azzjoni esterna tal-UE dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu: il-Kunsill jadotta konklużjonijiet
Il-Kunsill adotta konklużjonijiet dwar l-azzjoni esterna tal-UE dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu. Il-Kunsill itenni l-kundanna qawwija u inekwivokabbli tiegħu tat-terroriżmu fil-forom u l-manifestazzjonijiet kollha tiegħu, irrispettivament minn min wettqu u jkun xi jkun l-iskop.
Filwaqt li jinnota li t-terroriżmu huwa waħda mit-theddidiet l-aktar serji għall-paċi u s-sigurtà internazzjonali, u li l-UE għandha interess kruċjali li tkompli taħdem ma' sħab fil-livelli bilaterali, reġjonali u multilaterali fil-ġlieda kontra din it-theddida ta' diversi aspetti, fil-konklużjonijiet tiegħu l-Kunsill jindirizza:
- L-istrutturi għall-ġlieda kontra t-terroriżmu, sabiex tissaħħaħ il-kapaċità tal-UE li żżid il-kooperazzjoni fil-ġlieda kontra t-terroriżmu, inkluż fid-delegazzjonijiet tal-UE permezz ta’ esperti tas-sigurtà jew tal-ġlieda kontra t-terroriżmu;
- Ir-rabta interna-esterna, sabiex tkun żgurata koerenza akbar bejn l-azzjonijiet interni u esterni fil-qasam tas-sigurtà, jissaħħaħ ir-rwol tal-aġenziji tal-ĠAI fir-rigward ta’ pajjiżi terzi, u waqt li jinnota li wara li mal-missjonijiet ta’ Feira żdiedet il-ġlieda kontra t-terroriżmu, permezz tal-konklużjonijiet tal-Kunsill ta’ Mejju 2017, il-missjonijiet u l-operazzjonijiet tal-PSDK għandhom rwol aktar b’saħħtu fil-ġlieda kontra t-terroriżmu;
- Il-kooperazzjoni msaħħa mal-Lvant Nofsani u l-Afrika ta’ Fuq, il-Balkani tal-Punent, it-Turkija, is-Saħel u l-Qarn tal-Afrika, permezz ta’ djalogu politiku msaħħaħ, aktar proġetti fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u appoġġ finanzjarju għall-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-ġlieda kontra l-estremiżmu vjolenti u l-prevenzjoni tiegħu, u komunikazzjonijiet strateġiċi msaħħa, speċjalment permezz tat-Task Force tal-Komunikazzjoni Strateġika tan-Nofsinhar (StratComms Task Force South);
- Il-kooperazzjoni internazzjonali msaħħa, b’mod partikolari ma’ sħab strateġiċi ewlenin, bħall-Istati Uniti, l-Awstralja, il-Kanada u s-sħab ta’ Schengen kif ukoll il-korpi reġjonali u multilaterali, b’mod partikolari n-Nazzjonijiet Uniti, in-NATO, il-Forum Globali kontra t-Terroriżmu, l-Interpol u l-Koalizzjoni Globali kontra d-Da’esh;
- It-tisħiħ tar-rispons tal-UE f’oqsma tematiċi ewlenin, bħall-prevenzjoni tal-estremiżmu vjolenti u l-ġlieda kontrieh, il-ħtieġa li r-reklutaġġ u r-radikalizzazzjoni bl-internet jiġu ttrattati b’mod effettiv, l-isfida akuta tal-ġellieda terroristi barranin, speċjalment il-kwistjoni ta’ dawk li jirritornaw, is-sigurtà tal-avjazzjoni, it-traffikar tal-armi tan-nar, il-kwistjoni tal-finanzjament tat-terroristi u l-ħasil tal-flus u r-rabta bejn il-kriminalità serja u organizzata u t-terroriżmu.
L-aħħar li l-Kunsill adotta konklużjonijiet dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu kien fid-9 ta’ Frar 2015, wara l-attakki fuq Charlie Hebdo (Jannar 2015), u dawn jibqgħu l-pedament li fuqhom jinbena l-impenn estern tal-UE fil-ġlieda kontra t-terroriżmu. Minn dakinhar, il-ħidma tal-UE f’dan il-qasam intensifikat konsiderevolment.
Kuntatti għall-istampa
-
Maria Daniela Lenzu Press officer
- +32 470 88 04 02
- +32 2 281 21 46
- @daniela_lenzu
Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.
L-aħħar reviżjoni: 14 ta' Jannar 2024