Skip to content

Ir-rispons tal-UE għat-terroriżmu

Il-ġlieda kontra t-terroriżmu hija prijorità għall-UE. L-istati membri jaħdmu flimkien mill-qrib biex jipprevjenu attakki terroristiċi u jiżguraw is-sigurtà taċ-ċittadini.

Għalfejn il-ġlieda kontra t-terroriżmu hija prijorità ewlenija għall-UE

Wara sensiela ta' attakki mill-2015, l-Unjoni Ewropea adottat diversi miżuri biex twaqqaf it-terroriżmu.

Għalkemm ir-responsabbiltà għall-ġlieda kontra l-kriminalità u s-salvagwardja tas-sigurtà hija primarjament f'idejn l-istati membri, l-attakki terroristiċi tal-aħħar snin urew li din hija wkoll responsabbiltà komuni li għandhom jerfgħu flimkien. L-UE tikkontribwixxi għall-protezzjoni taċ-ċittadini tagħha billi taġixxi bħala l-forum ewlieni għall-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni fost l-istati membri.

Fl-2015, il-mexxejja tal-UE ħarġu dikjarazzjoni konġunta biex tiggwida l-ħidma tal-UE u tal-istati membri tagħha. Din appellat għal miżuri speċifiċi, li jiffokaw fuq tliet oqsma:

  • l-iżgurar tas-sigurtà taċ-ċittadini
  • il-prevenzjoni tar-radikalizzazzjoni u l-ħarsien tal-valuri
  • il-kooperazzjoni ma' sħab internazzjonali

F'Novembru 2020, wara l-attakki terroristiċi fi Franza, il-Ġermanja u l-Awstrija, il-ministri għall-affarijiet interni tal-UE qablu li jkomplu jsaħħu l-isforzi konġunti tagħhom fil-ġlieda kontra t-terroriżmu, mingħajr ma jikkompromettu l-valuri komuni tal-UE, bħad-demokrazija, il-ġustizzja u l-libertà tal-kelma.

F'Diċembru 2020, il-mexxejja tal-UE affermaw mill-ġdid l-għaqda tagħhom fil-ġlieda kontra r-radikalizzazzjoni, it-terroriżmu u l-estremiżmu vjolenti.

Definizzjoni tal-UE ta' terroriżmu

Skont id-dritt tal-UE, reati terroristiċi huma atti mwettqa bil-għan li:

  • popolazzjoni tiġi intimidata b'mod serju
  • gvern jew organizzazzjoni internazzjonali tiġi mġiegħla b'mod mhux xieraq biex twettaq jew tibqa' lura milli twettaq kwalunkwe att
  • l-istrutturi politiċi, kostituzzjonali, ekonomiċi jew soċjali fundamentali ta' pajjiż jew ta' organizzazzjoni internazzjonali jiġu destabbilizzati jew meqruda b'mod serju

Prevenzjoni tar-radikalizzazzjoni

Ir-radikalizzazzjoni mhix fenomenu ġdid, iżda saret theddida aktar serja f'dawn l-aħħar snin.

It-teknoloġiji ta' komunikazzjoni online għamluha aktar faċli għat-terroristi li jikkomunikaw minn naħa għal oħra tal-fruntieri u amplifikaw il-propaganda terroristika u wessgħu l-firxa tal-estremiżmu.

F'April 2021, l-UE adotta regolament dwar l-indirizzar tad-disseminazzjoni ta' kontenut terroristiku online. Ir-regoli l-ġodda ser japplikaw mis-7 ta' Ġunju 2022.

L-awtoritajiet kompetenti fl-istati membri ser ikollhom is-setgħa li joħorġu ordnijiet ta' tneħħija lill-fornituri ta' servizzi, li jirrikjedu li dawn ineħħu kontenut terroristiku jew jiddiżattivaw l-aċċess għalih fi żmien siegħa.

Infografika dwar ir-regoli ġodda li jindirizzaw id-disseminazzjoni ta' kontenut terroristiku online
L-indirizzar tad-disseminazzjoni ta' kontenut terroristiku online (Infografika)

L-indirizzar tad-disseminazzjoni ta' kontenut terroristiku online (Infografika)

Lista tal-UE ta' terroristi

Bħala parti mir-rispons tagħha għat-terroriżmu wara l-attakki tal-11 ta' Settembru 2001, l-Unjoni Ewropea stabbiliet lista ta' persuni, gruppi u entitajiet involuti f'atti terroristiċi u soġġetti għal miżuri restrittivi. Il-Kunsill jirrieżamina l-lista regolarment, tal-inqas kull sitt xhur.

Minn Settembru 2016, l-UE tista' tapplika s-sanzjonijiet tagħha stess kontra ISIL/Da'esh u Al-Qaeda u persuni u entitajiet li huma assoċjati magħhom jew li jappoġġawhom.

Skambju tal-informazzjoni

Il-kondiviżjoni effettiva tal-informazzjoni bejn l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi, l-awtoritajiet ġudizzjarji u l-awtoritajiet tal-intelligence fl-istati membri hija kruċjali fil-ġlieda kontra t-terroriżmu, għall-intraċċar tal-ġellieda barranin u għall-indirizzar tal-kriminalità organizzata.

L-UE ħadet miżuri biex ittejjeb l-iskambju ta' informazzjoni bejn il-pajjiżi tal-UE, inkluż, l-aktar reċenti:

  • qafas għall-interoperabbiltà bejn is-sistemi ta' informazzjoni tal-UE li jgħinu fil-ġestjoni tal-fruntieri, is-sigurtà u l-migrazzjoni (2019)
  • l-aġġornament tas-Sistema ta' Informazzjoni ta' Schengen, użata mill-pulizija u mill-gwardji tal-fruntieri biex jikkondividu allerti dwar persuni u oġġetti mfittxija jew neqsin (2018)
  • id-direttiva dwar ir-reġistru tal-ismijiet tal-passiġġieri, li tirregola t-trasferiment u l-ipproċessar ta' data personali pprovduta mill-passiġġieri tal-ajru (2016)
  • il-ħolqien ta' ċentru Ewropew għall-ġlieda kontra t-terroriżmu fil-Europol biex jappoġġa l-iskambju ta' informazzjoni bejn l-awtoritajiet tal-pulizija nazzjonali (2016)
L-UE qed tiżviluppa erba' għodod ġodda sabiex l-awtoritajiet ikunu jistgħu jaċċessaw u jikkondividu aħjar l-informazzjoni mal-UE kollha.
Kif bażijiet tad-data interoperabbli ser jagħtu spinta lis-sigurtà tal-Ewropa (Infografika)

Kif bażijiet tad-data interoperabbli ser jagħtu spinta lis-sigurtà tal-Ewropa (Infografika)

Koordinatur tal-UE għall-ġlieda kontra t-terroriżmu

Wara l-attakki terroristiċi f'Madrid fil-11 ta' Marzu 2004, il-mexxejja tal-UE adottaw dikjarazzjoni dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu. Fost miżuri oħra, huma qablu li jistabbilixxu l-pożizzjoni tal-Koordinatur tal-UE għall-Ġlieda Kontra t-Terroriżmu.

Il-koordinatur huwa responsabbli mill-koordinazzjoni tal-ħidma kontra t-terroriżmu fl-UE, mill-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-istrateġija tal-UE kontra t-terroriżmu u mit-titjib tal-komunikazzjoni bejn il-pajjiżi tal-UE u dawk mhux tal-UE.

Tnaqqis tal-finanzjament tat-terroriżmu

Il-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu huma ta' tħassib kbir għas-sistema finanzjarja tal-UE u s-sigurtà taċ-ċittadini tagħha.

Regoli aktar b'saħħithom kontra l-ħasil tal-flus ilhom fis-seħħ fl-UE mill-2018. Dawn ir-regoli jagħmlu l-ħabi ta' fondi illegali taħt saffi ta' kumpaniji fittizji diffiċli, u jsaħħu l-kontrolli fuq pajjiżi terzi riskjużi. Huma jsaħħu wkoll ir-rwol tal-awtoritajiet ta' superviżjoni finanzjarja, u jtejbu l-aċċess għall-informazzjoni u l-iskambju tagħha.

Hemm bżonn ta' aktar sforzi għall-prevenzjoni tal-ħasil ta' flus

Kontrolli fir-rigward tal-armi tan-nar

Fl-2017, sabiex jingħalqu l-lakuni legali li ppermettew lit-terroristi jużaw armi konvertiti mill-ġdid, il-Kunsill adotta regoli ġodda dwar il-kontroll tal-akkwist u l-pussess ta' armi.

Id-direttiva tinkludi miżuri biex tissaħħaħ it-traċċabilità u regoli aktar stretti għall-akkwist u l-pussess tal-armi tan-nar l-aktar perikolużi.

F'Ġunju 2019, il-Kunsill adotta regoli ġodda biex jillimita d-disponibbiltà tal-prekursuri tal-isplussivi għall-pubbliku ġenerali u biex jiżgura r-rapportar adegwat ta' tranżazzjonijiet suspettużi tul il-katina tal-provvista kollha.

Il-prekursuri tal-isplussivi huma sustanzi kimiċi li jistgħu jintużaw għal skopijiet leġittimi, iżda jistgħu jintużaw ukoll b'mod ħażin għall-manifattura illeċita ta' splussivi artiġjanali.

Diġitalizzazzjoni tal-kooperazzjoni ġudizzjarja

Aktar u aktar kriminali u terroristi qed jużaw it-teknoloġija biex jippjanaw u jwettqu reati. Bħala riżultat, l-awtoritajiet qed isiru dejjem aktar dipendenti fuq evidenza elettronika biex jintraċċaw u jikkundannaw il-kriminali. Bħalissa l-UE qed taħdem fuq regoli ġodda biex tiżgura mekkaniżmu aktar effiċjenti għall-aċċess transfruntier għall-evidenza elettronika.

L-użu ta' għodod diġitali fi proċeduri kriminali relatati ma' reati terroristiċi fl-UE kollha huwa kruċjali fid-dawl tax-xenarju ta' theddid għas-sigurtà li qed jevolvi u l-pass mgħaġġel tal-iżvilupp teknoloġiku.

Miżuri biex jitwaqqfu ġellieda terroristi barranin

Huwa stmat li mill-2011 'l hawn bejn 4 000 u 5 000 nazzjonal tal-UE vvjaġġaw jew ippruvaw jivvjaġġaw lejn żoni ta' kunflitt - prinċipalment fl-Iraq u s-Sirja - biex jingħaqdu ma' gruppi terroristiċi bħall-ISIL/Da'esh. 30% minnhom diġà marru lura lejn pajjiżhom. Il-kwistjoni tal-ġellieda barranin ilha fuq quddiem tal-aġenda politika tal-UE għal ħafna snin.

F'Marzu 2017, l-UE adottat direttiva dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu. Ir-regoli l-ġodda jsaħħu l-qafas legali tal-UE għall-prevenzjoni ta' attakki terroristiċi u jindirizzaw il-fenomenu tal-ġellieda terroristi barranin. Id-direttiva tikkriminalizza atti bħal:

  • it-taħriġ jew l-ivvjaġġar għal finijiet terroristiċi
  • l-organizzazzjoni jew il-faċilitazzjoni ta' tali vvjaġġar
  • il-provvista jew il-ġbir ta' fondi b'rabta ma' gruppi jew attivitajiet terroristiċi

F'Marzu 2017, l-UE adottat ukoll regolament li jemenda l-kodiċi tal-fruntieri ta' Schengen. Ir-regoli l-ġodda jobbligaw lill-istati membri jwettqu verifiki sistematiċi permezz ta' bażijiet ta' data rilevanti fuq il-persuni kollha li jaqsmu l-fruntieri esterni, inkluż ċittadini tal-UE u l-membri tal-familji tagħhom.

Kooperazzjoni ma' pajjiżi mhux tal-UE

Is-sigurtà tal-Unjoni u taċ-ċittadini tagħha hija marbuta direttament ma' dak li jiġri barra mill-Ewropa. Fl-2015, il-Kunsill iddeċieda li jintensifika l-azzjoni esterna kontra t-terroriżmu, b'mod partikolari fil-Mediterran, il-Lvant Nofsani, l‑Afrika ta' Fuq, il-Golf u s-Saħel:

  • il-kooperazzjoni ma' sħab ewlenin ser tissaħħaħ
  • ser jitniedu proġetti ġodda biex jiġi appoġġat it-tisħiħ tal-kapaċitajiet
  • l-azzjoni biex jiġu miġġielda r-radikalizzazzjoni u l-estremiżmu vjolenti ser tiġi intensifikata

Il-Kunsill adotta l-istrateġija tal-UE kontra t-terroriżmu/il-ġellieda barranin li tiffoka fuq is-Sirja u l-Iraq fl-2014. Din l-istrateġija tiddeskrivi diversi oqsma ta' prijorità, inkluż it-titjib tal-kooperazzjoni ma' pajjiżi terzi biex jiġu identifikati n-netwerks ta'reklutaġġ u l-ġellieda barranin.

Biex itenni l-impenn sod tiegħu għall-protezzjoni taċ-ċittadini tal-UE kontra t-terroriżmu u l-estremiżmu vjolenti, f'Ġunju 2020 il-Kunsill appella għat-tisħiħ tal-impenn u l-azzjoni esterni tal-UE relatati mal-ġlieda kontra t-terroriżmu f'ċerti oqsma ta' prijorità:

  • reġjuni ġeografiċi, inkluż il-Balkani tal-Punent, l-Afrika ta' Fuq, il-Lvant Nofsani, ir-reġjun tas-Saħel u l-Qarn tal-Afrika
  • oqsma tematiċi, inkluż id-drittijiet tal-bniedem, l-istat tad-dritt, il-prevenzjoni tar-radikalizzazzjoni li twassal għall-estremiżmu vjolenti, il-finanzjament tat-terroriżmu

X'qed tagħmel l-UE biex tiġġieled it-terroriżmu?

Agħmel dan il-vjaġġ fuq għoxrin sena u ara kif il-pajjiżi tal-UE tul dan iż-żmien ikkooperaw dejjem aktar mill-qrib fil-ġlieda kontra t-terroriżmu: mill-prevenzjoni tat-terroristi milli jixtru armi jew jibnu bombi sa meta ppruvaw jiġġieldu r-radikalizzazzjoni l-ewwel u qabel kollox.

L-istampa turi globu u fuqu ikoni ta' informazzjoni konnessi permezz ta' tikek. Jidhru tliet idejn u kull waħda minnhom għandhom lenti li tiffoka fuq passaport, xi karti tal-flus u marka tas-swaba'. Fl-isfond jidher sema msaħħab.

L-aħħar reviżjoni: 30 ta' Jannar 2025