- Kunsill tal-Unjoni Ewropea
- Stqarrija għall-istampa
- 17 ta' Lulju 2017 10:35
L-użu ta’ armi kimiċi fis-Sirja: L-UE timponi sanzjonijiet kontra 16-il persuna oħra
Fis-17 ta’ Lulju 2017, il-Kunsill żied 16-il persuna mal-lista ta’ dawk milquta minn miżuri restrittivi tal-UE kontra r-reġim Sirjan. L-UE żiedet lil dawn is-16-il persuna għar-rwol tagħhom fl-iżvilupp u l-użu ta’ armi kimiċi kontra l-popolazzjoni ċivili, f’konformità mal-politika tal-UE biex tiġġieled il-proliferazzjoni u l-użu ta’ armi kimiċi. Dawn jinkludu 8 persuni li huma uffiċjali militari ta' grad għoli u 8 xjentisti involuti fil-proliferazzjoni u t-tqassim ta’ armi kimiċi. L-UE kienet diġà imponiet miżuri restrittivi fuq l-uffiċjali ta’ grad għoli, l-aktar reċentement fl-4 ta’ Marzu 2017 għall-użu ta’ armi kimiċi.
Id-deċiżjoni tal-lum iġġib it-total għal 255 persuna milquta minn projbizzjoni fuq vjaġġar u ffriżar tal-assi talli huma responsabbli għar-repressjoni vjolenti kontra l-popolazzjoni ċivili tas-Sirja, ibbenefikaw mir-reġim jew appoġġawh, u/jew assoċjaw ruħhom ma’ persuni bħal dawn.
Barra minn hekk, 67 entità huma milquta minn iffriżar tal-assi. B'mod aktar ġenerali, is-sanzjonijiet li huma attwalment fis-seħħ kontra s-Sirja jinkludu embargo fuq iż-żejt, restrizzjonijiet fuq ċerti investimenti, iffriżar tal-assi tal-bank ċentrali Sirjan miżmuma ġewwa l-UE, restrizzjonijiet fuq l-esportazzjoni ta’ tagħmir u teknoloġija li jistgħu jintużaw għal repressjoni interna kif ukoll fuq tagħmir u teknoloġija għall-monitoraġġ jew l-interċettazzjoni ta’ komunikazzjonijiet telefoniċi jew bl-internet. Dawn il-miżuri ġew estiżi l-aħħar fid-29 ta’ Mejju 2017 u jibqgħu fis-seħħ sal-1 ta’ Ġunju 2018.
L-UE tibqa' impenjata li ssib soluzzjoni politika dejjiema għall-konflitt fis-Sirja skont il-qafas eżistenti maqbul fin-NU. Kif iddikjarat fl-Istrateġija tal-UE dwar is-Sirja adottata f'April 2017, l-UE temmen li ma jistax ikun hemm soluzzjoni militari għall-konflitt u tappoġġa bis-sħiħ il-ħidma tal-Mibgħut Speċjali tan-NU u t-taħditiet intra-Sirjani f'Ġinevra.
Bħala d-donatur ewlieni fir-rispons internazzjonali għall-kriżi Sirjana, b'aktar minn €9.4 miljun allokati kollettivament mill-bidu tal-konflitt mill-UE u l-istati membri għall-għajnuna umanitarja u għall-iżvilupp, l-UE tkompli bl-appoġġ tagħha biex l-għajnuna umanitarja titwassal għand is-Sirjani kollha, inkluż dawk assedjati jew f'żoni li diffiċli jintlaħqu. Ir-reazzjoni tal-UE tinkludi wkoll sostenn lil istituzzjonijiet internazzjonali li jaħdmu biex jiżguraw ir-responsabbiltà għall-ksur tad-drittijiet tal-bniedem u tad-dritt umanitarju internazzjonali.
L-UE mhux ser tkun lesta li tgħin fir-rikostruzzjoni tas-Sirja ħlief meta tkun qed titwettaq b'mod deċiżiv transizzjoni politika komprensiva, ġenwina u inklużiva, innegozjata mill-partijiet Sirjani fil-konflitt abbażi tar-Riżoluzzjoni 2254 (2015) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU u l-Komunikat ta' Ġinevra tal-2012.
L-atti legali adottati mill-Kunsill, inkluż l-ismijiet tal-persuni kkonċernati, huma ppubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tat-18 ta’ Lulju 2017.
Kuntatti għall-istampa
-
Maria Daniela Lenzu Press officer
- +32 470 88 04 02
- +32 2 281 21 46
- @daniela_lenzu
Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.
L-aħħar reviżjoni: 14 ta' Jannar 2024