Skip to content
  • Kunsill tal-Unjoni Ewropea
  • Stqarrija għall-istampa
  • 25 ta' Ġunju 2018 10:15

Supercomputers: Il-Kunsill jaqbel li jiżviluppa infrastruttura fit-teknoloġija avvanzata

Illum il-Kunsill qabel li jagħti spinta lil ekosistema ta' computing ta' prestazzjoni għolja billi jistabbilixxi impriża konġunta Ewropea ġdida.

L-impriża konġunta ser tissorvelja l-akkomunament ta' riżorsi fl-Ewropa biex jiġu żviluppati supercomputers għall-ipproċessar ta' big data, li huwa essenzjali għall-indirizzar tal-isfidi maġġuri xjentifiċi u tas-soċjetà attwali.

Neħtieġu supercomputers b'saħħithom jekk ser noħolqu u niżviluppaw swieq ġodda b'valur miżjud sinifikanti. Huma jinsabu fil-qalba ta' teknoloġiji avvanzati li huma vitali għall-kompetittività u s-sigurtà tal-Ewropa, filwaqt li jindirizzaw sfidi maġġuri bħall-previżjoni tat-tibdil fil-klima u l-immudellar tal-mediċina avvanzata. Id-deċiżjoni tal-lum tappoġġa l-aġenda ambizzjuża diġitali u tal-innovazzjoni tal-UE biex tistabbilixxi ekosistema ta' computing ta' prestazzjoni għolja u ta' importanza dinjija madwar l-Ewropa. Parti essenzjali ta' din l-ambizzjoni hija li r-riċerkaturi u l-innovaturi jiġu mgħammra bil-ħiliet it-tajbin u jingħatalhom l-aċċess għal għarfien u teknoloġiji ġodda. Krasimir Valchev, Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xjenza tal-Bulgarija

Il-computing ta' prestazzjoni għolja huwa l-qofol tad-diġitalizzazzjoni tal-industrija u l-ekonomija tad-data. Il-ħafna applikazzjonijiet prattiċi tiegħu ser jipprovdu benefiċċji lil firxa wiesgħa ta' setturi industrijali u kummerċjali, kif ukoll lil utenti mill-akkademja, il-komunitajiet xjentifiċi u s-settur pubbliku.

Il-kapaċitajiet xjentifiċi, il-kompetittività industrijali u s-sovranità tal-Ewropa jistrieħu fuq l-aċċess għal infrastrutturi ta' importanza dinjija tas-supercomputers u tad-data biex ilaħħqu mal-isfidi u l-problemi li qed isiru dejjem aktar kumplessi tad-dinja moderna tagħna.

Sħubija pubblika-privata

L-impriża konġunta Ewropea għall-computing ta' prestazzjoni għolja (''EuroHPC'') ser tieħu l-forma ta' sħubija pubblika-privata. Hija ser tipprovdi qafas legali, kuntrattwali u organizzazzjonali lill-membri tagħha.

Il-membri tal-impriża konġunta ser ikunu l-UE, pajjiżi individwali tal-UE, pajjiżi terzi assoċjati mal-programm Orizzont 2020 u assoċjazzjonijiet privati.

L-impriża konġunta ser tibqa' miftuħa għall-parteċipazzjoni ta' membri ġodda.

L-impriża konġunta ser tibqa' għaddejja sa tmiem l-2026 u tkun ibbażata fil-Lussemburgu.

Finanzjament tal-proġett

L-impriża konġunta tal-EuroHPC ser tiġi ffinanzjata minn diversi sorsi: il-baġit ġenerali tal-UE, kontribuzzjonijiet individwali mill-istati membri parteċipanti tal-UE, pajjiżi terzi parteċipanti u investiment privat.

Il-kontribuzzjoni finanzjarja mill-baġit ġenerali tal-UE ser tammonta għal € 486 miljun: € 386 miljun mill-programm ta' riċerka ''Orizzont 2020'' u € 100 miljun mill-programm ''Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa''.

Passi li jmiss

L-impriża konġunta mistennija tibda topera sa mhux aktar tard mill-bidu tal-2019 sabiex tintlaħaq il-mira li l-UE tiġi mgħammra b'infrastruttura fuq skala preeksa u skala peta sal-2020, u jiġu żviluppati t-teknoloġiji u l-applikazzjonijiet meħtieġa għall-ksib ta' kapaċitajiet tal-iskala eksa (li tippermetti mill-inqas 1018 kalkolu fis-sekonda) madwar l-2022 u l-2023.

L-għan huwa li jiġu netwerkjati ċentri ta' eċċellenza eżistenti u ġodda u biex tiġi stabbilita ekosistema fit-tul għas-supercomputing fl-Ewropa.

Ċiklu ta' żvilupp tal-ġenerazzjoni li jmiss ta' teknoloġija tipikament jieħu bejn erba' u ħames snin.

Kuntest

Computing ta' prestazzjoni għolja tirreferi għat-teknoloġiji u l-użu ta' supercomputers b'saħħithom (interkonnessi f'sistema waħda jew qrib mijiet ta' eluf jew miljuni ta' unitajiet tal-computing li jaħdmu b'mod parallel) biex jitwettqu komputazzjonijiet massivi u malajr li tant huma kumplessi li ma jistgħux jitwettqu b'kompjuters ta' skopijiet ġenerali.

Fil-11 ta' Jannar 2018, il-Kummissjoni pproponiet regolament għall-istabbiliment tal-impriża konġunta tal-EuroHPC abbażi tal-artikoli 187 u 188 tat-trattat tal-UE.

Fit-23 ta' Marzu 2017, diversi stati membri ffirmaw id-dikjarazzjoni tal-EuroHPC, filwaqt li impenjaw ruħhom li jaħdmu lejn l-iżvilupp ta' infrastruttura integrata tas-supercomputing tal-ġenerazzjoni li jmiss.

Ara l-paġna tal-laqgħa

Kuntatti għall-istampa

Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.

L-aħħar reviżjoni: 15 ta' Jannar 2024