- Kunsill tal-Unjoni Ewropea
- Stqarrija għall-istampa
- 11 ta' Novembru 2020 18:20
Prinċipji ewlenin għall-ekonomija spazjali globali: il-Kunsill jadotta konklużjonijiet
Illum il-Kunsill adotta konklużjonijiet bit-titolu "Orjentazzjonijiet dwar il-kontribut Ewropew fl-istabbiliment ta' prinċipji ewlenin għall-ekonomija spazjali globali" bi tħejjija għall-għaxar laqgħa tal-Kunsill tal-Ispazju, li għandha ssir bħala vidjokonferenza fl-20 ta' Novembru 2020. It-test jagħti orjentazzjonijiet importanti għall-politika spazjali Ewropea futura.
F'dawn il-konklużjonijiet, il-Kunsill jinnota b'sodisfazzjon li qed tinħoloq industrija spazjali Ewropea u ktajjen tal-provvista kompetittivi ħafna, li jippermettu lill-Ewropa tipparteċipa (u tikkontribwixxi) fit-tkabbir globali tal-ekonomija spazjali. Il-Kunsill jappella lill-atturi kollha biex jaħdmu biex jiżguraw kondizzjonijiet ekwivalenti ta' kompetizzjoni globali u ekonomiji miftuħa, inkluż il-kummerċ ħieles u ġust, abbażi ta' soluzzjonijiet multilaterali u reċiproċità fis-settur tal-ispazju.
Bil-ħsieb li jitrawmu l-awtonomija, is-sigurtà u r-reżiljenza spazjali Ewropej, il-Kunsill jenfasizza l-ħtieġa għan-nondipendenza teknoloġika Ewropea u jfakkar fl-importanza li jinżamm aċċess sigur, awtonomu, affidabbli, kosteffettiv u affordabbli għall-ispazju. Tingħata attenzjoni partikolari lill-ġestjoni tat-traffiku spazjali, fejn hija enfasizzata l-ħtieġa għal approċċ Ewropew ikkoordinat, kif ukoll għaċ-ċibersigurtà spazjali.
Sabiex jintlaħqu dawn l-objettivi, il-Kunsill jenfasizza l-importanza ta' azzjonijiet ikkoordinati mill-Unjoni Ewropea, l-Aġenzija Spazjali Ewropea u l-istati membri rispettivi tagħhom, abbażi tal-kompetenzi paralleli u l-kompiti u r-responsabbiltajiet rispettivi u b'rispett sħiħ tal-kuntest istituzzjonali u l-oqfsa operazzjonali biex tissaħħaħ il-Politika Spazjali Ewropea.
Informazzjoni ġenerali
Il-Kunsill tal-Ispazju huwa laqgħa konġunta u konkomitanti tal-Kunsill tal-UE (Kompetittività - Konfigurazzjoni spazjali) u tal-Kunsill tal-Aġenzija Spazjali Ewropea (ESA) fil-livell ministerjali. Huwa forum li jippermetti lill-UE u lill-ESA jikkoordinaw attivitajiet ta' kooperazzjoni dwar il-politika spazjali Ewropea. L-ESA hija magħmula minn 22 stat membru: l-Awstrija, il-Belġju, id-Danimarka, l-Estonja, il-Finlandja, Franza, il-Ġermanja, il-Greċja, l-Irlanda, l-Italja, l-Iżvezja, il-Lussemburgu, in-Netherlands, il-Polonja, il-Portugall, ir-Repubblika Ċeka, ir-Rumanija, Spanja u l-Ungerija (li huma wkoll Stati Membri tal-UE) + l-Iżvizzera, in-Norveġja u r-Renju Unit. Il-Kanada wkoll għandha siġġu fil-Kunsill u tieħu sehem f'xi proġetti skont Ftehim ta' Kooperazzjoni. Is-Slovenja hija Membru Assoċjat. Seba' stati membri oħra tal-UE għandhom Ftehimiet ta' Kooperazzjoni mal-ESA: il-Bulgarija, Ċipru, il-Kroazja, il-Latvja, il-Litwanja, Malta u s-Slovakkja.
Kuntatti għall-istampa
-
Ferran Tarradellas Espuny Press officer
- +32 473 95 45 74
- +32 2 281 6291
- @TarradellasEU
Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.
L-aħħar reviżjoni: 6 ta' Frar 2025