Skip to content
  • Kunsill tal-Unjoni Ewropea
  • Stqarrija għall-istampa
  • 22 ta' Frar 2021 11:12

Drittijiet tal-bniedem: il-Kunsill jadotta konklużjonijiet dwar il-prijoritajiet tal-UE fil-fora tan-NU dwar id-drittijiet tal-bniedem fl-2021

Illum il-Kunsill adotta konklużjonijiet dwar il-prijoritajiet tal-UE fil-fora tan-NU dwar id-drittijiet tal-bniedem fl-2021. Il-konklużjonijiet jaffermaw mill-ġdid l-impenn tal-UE li tirrispetta, tipproteġi u tiggarantixxi d-drittijiet tal-bniedem, id-demokrazija u l-istat tad-dritt u li tinsab magħquda b'appoġġ għas-sistema tad-drittijiet tal-bniedem tan-NU bħala pedament tal-azzjoni esterna tagħha.

Speċjalment fil-kuntest tal-pandemija tal-COVID-19, l-UE ser tiżgura li d-drittijiet tal-bniedem kollha jibqgħu fil-qalba tar-rispons tagħha għall-pandemija u l-irkupru globali.

L-UE ser tkompli tissorvelja s-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem globalment u ser tikkundanna l-ksur u l-abbużi tad-drittijiet tal-bniedem kull fejn iseħħu, bl-użu tal-istrumenti kollha disponibbli fosthom ir-Reġim Globali ta' Sanzjonijiet tal-UE b'rabta mad-Drittijiet tal-Bniedem.

L-UE ser tappoġġa bis-sħiħ il-ħidma u l-mandat tal-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem u l-uffiċċju tagħha u ser tappella lill-istati kollha biex jirrispettaw l-indipendenza tagħha, jikkooperaw biex twettaq il-mandat tagħha b'mod effettiv, u jiżguraw finanzjament adegwat.

L-UE ser tkompli tuża l-għodod disponibbli kollha biex tħares l-impenji tagħha lejn id-drittijiet tal-bniedem, inkluż fil-qafas tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU, l-Assemblea Ġenerali tan-NU, il-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU u kwalunkwe fora rilevanti oħra.

Kull sena jiġu adottati konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-prijoritajiet tal-UE fil-fora tan-NU dwar id-drittijiet tal-bniedem.

Ara l-paġna tal-laqgħa

Kuntatti għall-istampa

Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.

L-aħħar reviżjoni: 15 ta' Jannar 2024