Skip to content

Il-protezzjoni u l-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem

Id-drittijiet tal-bniedem huma fil-qalba tal-azzjoni esterna tal-UE. L-Unjoni Ewropea hija impenjata li tipproteġi u tippromwovi d-drittijiet tal-bniedem madwar id-dinja.

Impenn tal-UE dwar id-drittijiet tal-bniedem

Trattati tal-UE

Ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem huwa wieħed mill-valuri fundamentali tal-Unjoni Ewropea u aspett fundamentali tar-relazzjonijiet esterni tagħha.

L-UE hija bbażata fuq il-valuri tar-rispett għad-dinjità tal-bniedem, il-libertà, id-demokrazija, l-ugwaljanza, l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, inkluż id-drittijiet ta' persuni li jagħmlu parti minn minoranzi.

L-Artikolu 2, it-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea

It-trattati tal-UE jistipulaw li l-azzjoni tal-UE fix-xena internazzjonali għandha tkun iggwidata mill-prinċipji li ispiraw il-ħolqien tagħha stess: id-demokrazija, l-istat tad-dritt, l-universalità u l-indiviżibbiltà tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, ir-rispett għad-dinjità tal-bniedem, il-prinċipji tal-ugwaljanza u s-solidarjetà, u r-rispett għall-prinċipji tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti u d-dritt internazzjonali.

Il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali

L-istituzzjonijiet u l-korpi tal-UE, kif ukoll l-istati membri tal-UE huma marbuta bil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali meta jimplimentaw liġi tal-UE. Iridu jirrispettaw ukoll il-karta fir-relazzjonijiet esterni tal-UE.

Id-dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem

Id-dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem, adottata fl-10 ta' Diċembru 1948, wittiet it-triq għal-liġi dwar id-drittijiet tal-bniedem kif tafha d-dinja llum. Id-dikjarazzjoni kienet referenza ewlenija għal dawk li abbozzaw il-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, li nfetħet għall-iffirmar fl-4 ta' Novembru 1950 u daħlet fis-seħħ fit-3 ta' Settembru 1953.

Is-27 pajjiż kollha tal-UE ffirmaw il-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem. L-UE hija marbuta bit-trattati tagħha li taderixxi għall-konvenzjoni.

Il-karatteristiċi tal-wiċċ ta' erba' persuni differenti jiffurmaw wiċċ wieħed f'collage.

Politika dwar id-drittijiet tal-bniedem

L-UE tfittex li tinkorpora d-drittijiet tal-bniedem fl-azzjoni esterna kollha tagħha, inkluż il-kummerċ, il-migrazzjoni u l-politiki ambjentali. Il-ftehimiet kollha ffirmati mill-UE jeħtieġ li jkunu konsistenti mad-drittijiet tal-bniedem.

Pjan ta' azzjoni dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija

Ir-referenza li tiggwida l-ħidma tal-UE dwar il-protezzjoni u l-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem madwar id-dinja hija l-pjan ta' azzjoni dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija, adottat f'Novembru 2020 għall-perjodu 2020-2024. Fis-27 ta' Mejju 2024, l-UE ddeċidiet li testendi l-pjan ta' azzjoni sal-2027.

Il-pjan huwa msejjes fuq ħames linji ta' azzjoni:

  • il-protezzjoni u l-emanċipazzjoni tal-individwi
  • il-bini ta' soċjetajiet reżiljenti, inklużivi u demokratiċi
  • il-promozzjoni ta' sistema mondjali għad-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija
  • it-teknoloġiji ġodda: l-isfruttament tal-opportunitajiet u l-indirizzar tal-isfidi
  • il-ksib ta' riżultati permezz tal-kollaborazzjoni

Rapporti annwali dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija

Ir-rapport annwali dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija jservi bħala ħarsa ġenerali komprensiva tal-isforzi u l-kisbiet tal-UE, u l-isfidi li qed tiffaċċa fit-trawwim ta' dinja fejn jiġu rrispettati d-drittijiet tal-bniedem u l-prinċipji demokratiċi, u jiġu salvagwardjati d-dinjità u l-libertà tal-individwi kollha.

Ir-rappreżentant speċjali tal-UE għad-drittijiet tal-bniedem

Ir-rwol tar-rappreżentant speċjali tal-UE għad-drittijiet tal-bniedem huwa li tiżdied l-effettività, il-viżibbiltà u l-konsistenza tal-politika tal-UE dwar id-drittijiet tal-bniedem fl-azzjoni esterna tagħha u li tinbena narrattiva pożittiva dwar id-drittijiet tal-bniedem.

Minbarra d-djalogu man-Nazzjonijiet Uniti, ir-rappreżentant:

  • jippresiedi d-djalogi dwar id-drittijiet tal-bniedem ma' pajjiżi mhux tal-UE
  • jaħdem biex japprofondixxi l-kooperazzjoni politika mas-sħab rilevanti
  • jiġbed l-attenzjoni għall-ksur tad-drittijiet tal-bniedem li jeħtieġ rispons urġenti
  • jippromwovi l-konformità mad-dritt umanitarju internazzjonali
  • jaħdem biex jappoġġa l-ġustizzja kriminali internazzjonali

Ir-rappreżentant speċjali attwali għad-drittijiet tal-bniedem hija Kajsa Ollongren.

Linji gwida tal-UE dwar id-drittjiet tal-bniedem

L-UE adottat għadd ta' linji gwida dwar id-drittijiet tal-bniedem, li jsarrfu l-prijoritajiet tagħha fi struzzjonijiet prattiċi għal dawk li jfasslu l-politika tal-UE, l-istati membri tal-UE u d-delegazzjonijiet tal-UE madwar id-dinja.

Il-linji gwida jkopru, pereżempju, it-tortura u t-trattament ħażin, il-piena tal-mewt, il-libertà ta' reliġjon jew twemmin, id-drittijiet tat-tfal, il-protezzjoni tat-tgawdija tad-drittijiet tal-bniedem kollha minn persuni LGBTI, il-vjolenza kontra n-nisa u l-bniet, u l-libertà tal-espressjoni online u offline.

Aktar informazzjoni:

Kif l-UE timplimenta l-politika tagħha dwar id-drittijiet tal-bniedem

L-UE għandha varjetà wiesgħa ta' strumenti għall-implimentazzjoni tal-politika tagħha dwar id-drittijiet tal-bniedem. Dawn l-għodod jinkludu djalogi dwar id-drittijiet tal-bniedem, dikjarazzjonijiet u forom oħra ta' involviment f'fora, proġetti u programmi multilaterali, u missjonijiet ta' osservazzjoni elettorali tal-UE.

Djalogi dwar id-drittijiet tal-bniedem

L-UE torganizza djalogi regolari ma' pajjiżi li mhumiex fl-UE u ma' gruppi reġjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem. Kull djalogu huwa stabbilit skont il-linji gwida tal-UE għad-djalogi dwar id-drittijiet tal-bniedem, adottati mill-Kunsill fl-2001 u aġġornati l-aħħar fl-2021.

Il-Kunsill jivvaluta s-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-pajjiż ikkonċernat u jiddeċiedi jekk ikunx xieraq li jinbeda djalogu ma' dak il-pajjiż permezz tal-adozzjoni ta' konklużjonijiet.

Matul is-snin, ġew stabbiliti djalogi dwar id-drittijiet tal-bniedem ma' madwar 60 pajjiż u grupp reġjonali mid-dinja kollha. Dawn id-djalogi jipprovdu pjattaforma għall-kwistjonijiet ta' drittijiet tal-bniedem, l-iskambju tal-aħjar prattiki u t-tisħiħ tal-kooperazzjoni bilaterali u multilaterali.

Parteċipazzjoni f'fora multilaterali

Il-Kunsill hu inkarigat li jistabbilixxi l-prijoritajiet strateġiċi għall-Unjoni Ewropea fil-fora tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-drittijiet tal-bniedem. Għal dak l-għan, jadotta konklużjonijiet darba fis-sena li jistabbilixxu l-linji ta' azzjoni prinċipali għall-UE inkluż fil-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem.

Fil-konklużjonijiet tiegħu adottati f'Jannar 2025, il-Kunsill enfasizza li biex il-liġijiet u n-normi jkunu aktar b'saħħithom mill-kunflitt, kulħadd irid jimpenja ruħu għall-multilateraliżmu u l-ordni internazzjonali, abbażi tan-Nazzjonijiet Uniti. Għal dan l-għan, l-UE ser tkompli tikkoopera mar-reġjuni kollha tad-dinja, u ssaħħaħ il-kooperazzjoni ma' pajjiżi tal-istess fehma.

L-UE ser tiffoka wkoll fuq l-iżgurar tar-responsabbiltà, u fuq iż-żieda tal-isforzi lejn l-ugwaljanza bejn il-ġeneri. L-UE ser tkompli l-ħidma tagħha biex ittemm u tipprevjeni aktar ksur tad-drittijiet tal-bniedem madwar id-dinja, inkluż fil-kuntest tal-gwerra ta' aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna u tas-sitwazzjoni fil-Lvant Nofsani, speċjalment f'Gaża.

Programm tematiku dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija

Il-programm tematiku dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija huwa wieħed mill-programmi taħt l-istrument tal-viċinat, l-iżvilupp u l-kooperazzjoni internazzjonali – il-programm tal-UE għall-fondi għall-azzjoni esterna għall-2021-2027. Dan għandu baġit ta' €1.5 biljun.

Il-programm joffri indipendenza tal-azzjoni, peress li jipprevedi kooperazzjoni diretta mad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili lokali mingħajr il-ħtieġa ta' approvazzjoni mill-awtoritajiet nazzjonali.

Barra minn hekk, għandu kamp ta' applikazzjoni dinji u jista' jintuża biex jappoġġa d-drittijiet tal-bniedem kullimkien barra mill-Unjoni Ewropea, filwaqt li jopera madwar id-dinja fil-livelli nazzjonali, reġjonali u internazzjonali.

Missjonijiet ta' osservazzjoni elettorali

Il-missjonijiet ta' osservazzjoni elettorali tal-UE huma parti fundamentali mill-azzjoni tal-Unjoni Ewropea biex tippromwovi d-demokrazija, id-drittijiet tal-bniedem u l-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili madwar id-dinja.

Il-missjonijiet ta' osservazzjoni elettorali għandhom l-għan li:

  • jsaħħu l-fiduċja tal-pubbliku fl-elezzjonijiet
  • iħeġġu l-parteċipazzjoni ċivika
  • iservu ta' deterrent għall-frodi
  • jipprovdu valutazzjoni infurmata, imparzjali u fattwali ta' proċess elettorali

Fuq medda twila ta' żmien, għandhom ukoll l-għan li:

  • itejbu l-qafas elettorali ġenerali u l-kuntest li fih isiru l-elezzjonijiet
  • isaħħu l-indipendenza u r-responsabbiltà tal-istituzzjonijiet tal-istat
  • isaħħu r-reżiljenza tal-pajjiżi sħab billi tiġi appoġġata l-governanza tajba
  • itaffu l-kunflitt potenzjali relatat mal-elezzjonijiet

Sa mill-2000, l-UE bagħtet aktar minn 180 missjoni ta' osservazzjoni elettorali f'aktar minn 65 pajjiż.

L-Unjoni Ewropea tibgħat missjonijiet ta' osservazzjoni elettorali f'pajjiżi madwar id-dinja kollha, bl-eċċezzjoni tar-reġjuni koperti mill-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa (OSKE). Fl-Istati Membri tal-UE, il-proċessi elettorali huma osservati mill-OSKE.

Sanzjonijiet relatati mad-drittijiet tal-bniedem

L-UE tista' timponi sanzjonijiet fuq individwi u entitajiet b'reazzjoni għall-abbużi u l-ksur tad-drittijiet tal-bniedem madwar id-dinja.

Ara wkoll

Drittijiet tal-bniedem

Drittijiet tal-bniedem

Gamiema bajda ttir ħdejn ktieb miftuħ, b'ċirku isfar fl-isfond.
Id-drittijiet fundamentali fl-UE

Id-drittijiet fundamentali fl-UE

Mara tgħolli idha fi protesta.
Sanzjonijiet kontra l-ksur tad-drittijiet tal-bniedem

Sanzjonijiet kontra l-ksur tad-drittijiet tal-bniedem