Skip to content
  • Kunsill tal-Unjoni Ewropea
  • Stqarrija għall-istampa
  • 5 ta' Ottubru 2021 10:35

Tassazzjoni: Anguilla, Dominica u s-Seychelles mneħħija mil-lista tal-UE ta' ġuriżdizzjonijiet li ma jikkooperawx

Fil-konklużjonijiet approvati llum, il-Kunsill iddeċieda li jneħħi lil Anguilla, Dominica u s-Seychelles mil-lista tal-UE ta' ġuriżdizzjonijiet li ma jikkooperawx għal finijiet ta' taxxa. It-tlieta li huma kienu diġà tpoġġew fil-lista minħabba li ma ssodisfawx il-kriterji ta' trasparenza fiskali tal-UE li jiġu kklassifikati bħala tal-inqas "fil-biċċa l-kbira konformi" mill-Forum Globali tal-OECD rigward l-iskambju ta' informazzjoni fuq talba. It-tneħħija mil-lista kienet ippreċeduta mid-deċiżjoni tal-forum li tagħti lil dawn il-guriżdizzjonijiet eżami supplimentari dwar din il-kwistjoni.

Disa' ġuriżdizzjonijiet jibqgħu fil-lista tal-UE ta' ġuriżdizzjonijiet li ma jikkooperawx (Anness I): is-Samoa Amerikana, Fiġi, Guam, Palau, Panama, Samoa, Trinidad u Tobago, il-Gżejjer Verġni tal-Istati Uniti u Vanuatu.

Fl-istennija tal-eżami supplimentari mogħti, Anguilla, Dominica u s-Seychelles issa huma inklużi fid-dokument dwar is-sitwazzjoni attwali (Anness II), li jkopri ġuriżdizzjonijiet li għadhom mhumiex konformi mal-istandards internazzjonali tat-taxxa kollha iżda li ħadu l-impenn li jimplimentaw prinċipji ta' governanza tajba tat-taxxa.

Żdiedu wkoll ma' dan id-dokument il-Costa Rica, Hong Kong, il-Malasja, il-Maċedonja ta' Fuq, il-Qatar u l-Urugwaj, filwaqt li l-Awstralja, l-Eswatini u l-Maldivi implimentaw ir-riformi tat-taxxa kollha meħtieġa u għalhekk tneħħew minnu.

Wara r-reviżjoni tal-lum, it-Turkija tkompli tissemma fl-Anness II. Fil-konklużjonijiet tiegħu ta' Frar 2021, il-Kunsill appella lit-Turkija biex timpenja ruħha għal skambju awtomatiku ta' informazzjoni mal-istati membri kollha. Minkejja li sar progress minn dak iż-żmien 'l hawn, jeħtieġ li jittieħdu passi ulterjuri.

Informazzjoni Ġenerali

Darbtejn fis-sena l-Kunsill jirrevedi l-lista tiegħu ta' ġuriżdizzjonijiet li ma jikkooperawx u dokument dwar is-sitwazzjoni attwali li jakkumpanjah. Din il-prattika ġiet stabbilita fl-2017 biex tippromwovi governanza tajba globali fit-tassazzjoni u tinforma lill-istati membri dwar liema ġuriżdizzjonijiet mhux tal-UE jinvolvu ruħhom fi prattika abbużiva fil-qasam fiskali. Dawn imbagħad jistgħu jimplimentaw miżuri difensivi biex jipproteġu d-dħul tagħhom mit-taxxa u jiġġieldu kontra l-frodi, l-evażjoni u l-abbuż tat-taxxa.

Il-kriterji għall-elenkar huma f'konformità mal-istandards internazzjonali tat-taxxa u jiffukaw fuq it-trasparenza fiskali, it-tassazzjoni ġusta u l-prevenzjoni tal-erożjoni tal-bażi tat-taxxa u t-trasferiment tal-profitt. Il-Kunsill jimpenja ruħu mal-pajjiżi li ma jissodisfawx dawn il-kriterji, jimmonitorja l-progress tagħhom u jirrevedi u jaġġorna regolarment din il-lista.

Ara l-paġna tal-laqgħa

Kuntatti għall-istampa

Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.

L-aħħar reviżjoni: 14 ta' Jannar 2024