Skip to content
  • Kunsill tal-Unjoni Ewropea
  • Stqarrija għall-istampa
  • 28 ta' Frar 2022 17:40

L-UE tadotta sett ġdid ta' miżuri b'rispons għall-aggressjoni militari tar-Russja kontra l-Ukrajna

Fid-dawl tal-aggressjoni militari mhux provokata u mhux ġustifikata tal-Federazzjoni Russa kontra l-Ukrajna u s-sitwazzjoni dejjem taggrava, il-Kunsill illum qabel dwar sett ġdid ta' miżuri li ser jimponu konsegwenzi severi fuq ir-Russja għall-azzjonijiet tagħha. Tali deċiżjonijiet ġew maqbula f'koordinazzjoni mill-qrib mas-sħab u l-alleati tal-UE.

L-ewwel nett il-Kunsill adotta żewġ miżuri ta' assistenza taħt il-Faċilità Ewropea għall-Paċi (EPF) li ser jikkontribwixxu għat-tisħiħ tal-kapaċitajiet u r-reżiljenza tal-Forzi Armati Ukreni biex jiddefendu l-integrità territorjali u s-sovranità tal-pajjiż, u jipproteġu l-popolazzjoni ċivili kontra l-aggressjoni militari li għaddejja bħalissa. Il-miżuri ta' assistenza, b'valur totali ta' EUR 500 000 000, ser jiffinanzjaw il-forniment ta' tagħmir u provvisti lill-Forzi Armati Ukreni, inkluż - għall-ewwel darba - tagħmir letali.

Ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni Ewropea għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà
Wara t-talba mill-Ministru għall-Affarijiet Barranin tal-Ukrajna, qed nirrispondu minnufih billi nimmobilizzaw il-Faċilità Ewropea għall-Paċi għal żewġ miżuri ta' assistenza ta' emerġenza biex tiġi ffinanzjata l-provvista ta' materjal letali u mhux letali lill-armata Ukrena. Din hija l-ewwel darba fl-istorja li l-UE ser tkun qed tipprovdi tagħmir letali lil pajjiż terz. Qed nagħmlu dak kollu li nistgħu biex nappoġġaw lill-Ukrajna, aħna nappoġġaw lill-poplu Ukren.
Ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni Ewropea għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà
Ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni Ewropea għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà

It-tieni nett, il-Kunsill adotta miżuri restrittivi severi relatati mal-avjazzjoni u l-finanzi.

L-istati membri tal-UE ser jiċħdu l-permess li jinżlu fit-territorju tagħhom, jitilqu minnu jew itiru minn fuqu lil kwalunkwe inġenju tal-ajru operat minn trasportaturi tal-ajru Russi, inkluż bħala trasportatur ta' kummerċjalizzazzjoni, jew għal kwalunkwe inġenju tal-ajru rreġistrat Russu, jew għal inġenji tal-ajru rreġistrati mhux Russi li huma proprjetà ta' jew mikrija, jew ikkontrollati b'xi mod ieħor minn persuna ġuridika jew fiżika Russa.

Barra minn hekk, ser ikun ipprojbit li jsiru tranżazzjonijiet mal-Bank Ċentrali Russu jew ma' kwalunkwe persuna ġuridika, entità jew korp li jaġixxu f'isem jew taħt id-direzzjoni tal-Bank Ċentrali Russu.

L-Unjoni Ewropea tikkundanna bl-aktar mod qawwi possibbli l-aggressjoni militari mhux provokata u mhux ġustifikata tal-Federazzjoni Russa kontra l-Ukrajna, kif ukoll l-involviment tal-Belarussja f'din l-aggressjoni.

L-Unjoni Ewropea teżiġi li r-Russja twaqqaf immedjatament l-azzjonijiet militari tagħha, tirtira mingħajr kundizzjonijiet il-forzi u t-tagħmir militari kollu mit-territorju sħiħ tal-Ukrajna u tirrispetta bis-sħiħ l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna fil-fruntieri tagħha rikonoxxuti internazzjonalment. Il-Kunsill Ewropew jappella lir-Russja u lill-formazzjonijiet armati appoġġati mir-Russja biex jirrispettaw id-dritt umanitarju internazzjonali u jwaqqfu l-kampanja tagħhom ta' diżinformazzjoni u attakki ċibernetiċi.

L-użu tal-forza u l-koerċizzjoni biex jinbidlu l-fruntieri mhux posthom fis-seklu 21. It-tensjonijiet u l-kunflitti għandhom jiġu solvuti esklużivament permezz tad-djalogu u d-diplomazija. L-UE ser tkompli tikkoopera mill-qrib mal-ġirien u ttenni l-appoġġ sod u l-impenn tagħha għas-sovranità u l-integrità territorjali tal-Georgia u tar-Repubblika tal-Moldova. Hija ser tkompli koordinazzjoni b'saħħitha mas-sħab u l-alleati, fi ħdan in-NU, l-OSKE, in-NATO u l-G7.

Kuntatti għall-istampa

Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.

L-aħħar reviżjoni: 14 ta' Jannar 2024