Skip to content
  • Kunsill tal-Unjoni Ewropea
  • Stqarrija għall-istampa
  • 8 ta' Diċembru 2022 16:25

Repubblika Demokratika tal-Kongo: l-UE ġġedded il-miżuri restrittivi u żżid tmien individwi oħra

Illum il-Kunsill iddeċieda li jżid tmien persuni mal-lista ta' dawk soġġetti għal miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo (RDK). Il-miżuri restrittivi eżistenti ġew imġedda b'sena.

It-tmien individwi elenkati jinkludu ħames membri ta' diversi gruppi armati (M23, ADF, CODECO, FDLR u Mai-Mai Yakatumba), kif ukoll membru tal-armata Kongoliża, politiku Kongoliż u negozjant Belġjan. Il-biċċa l-kbira minnhom huma responsabbli għal ksur u abbużi serji tad-drittijiet tal-bniedem u għas-sostenn tal-konflitt armat fir-RDK. Oħrajn ġew elenkati minħabba li inċitaw il-vjolenza u sfruttaw il-kunflitt permezz tal-isfruttament illeċitu jew il-kummerċ ta' riżorsi naturali.

B'kollox, 17-il individwu issa huma soġġetti għal miżuri restrittivi tal-UE, li ġġeddu sat-12 ta' Diċembru 2023 u jikkonsistu fi projbizzjoni fuq l-ivvjaġġar u ffriżar tal-assi. Barra minn hekk, ċittadini u kumpaniji tal-UE huma pprojbiti milli jagħmlu fondi disponibbli lil dawk elenkati.

Id-deċiżjoni tal-lum ittieħdet fil-kuntest ta' approċċ integrat tal-UE b'appoġġ għall-isforzi mill-awtoritajiet tar-RDK biex jibnu paċi dejjiema u jistabbilizzaw il-parti tal-Lvant tal-pajjiż. Din tindika l-impenn attiv tal-UE lejn ir-reġjun tal-Lagi l-Kbar, bil-ħsieb li jikkontribwixxi għall-indirizzar tal-kawżi sottostanti tan-nuqqas ta' sigurtà u jittrasformahom f'opportunitajiet għall-pajjiżi fir-reġjun u l-popolazzjonijiet tagħhom.

Il-Kunsill ser ikompli jissorvelja mill-qrib is-sitwazzjoni fil-pajjiż, u jista' jikkunsidra miżuri restrittivi addizzjonali fid-dawl tal-iżviluppi.

L-atti legali rilevanti, inkluż l-ismijiet tal-individwi elenkati, ġew ippubblikati f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-UE.

Informazzjoni ġenerali

Il-Kunsill adotta miżuri restrittivi individwali awtonomi tal-UE fid-dawl tas-sitwazzjoni fir-RDK għall-ewwel darba fl-2016 bi tweġiba, b'mod partikolari, għall-ksur tad-drittijiet tal-bniedem u t-tfixkil tal-proċess elettorali.

Fil-5 ta' Diċembru 2022, il-Kunsill iddeċieda li jemenda l-kriterji ta' deżinjazzjoni fid-Deċiżjoni 2010/788/PESK biex jippermetti l-applikazzjoni ta' miżuri restrittivi individwali kontra persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi li jsostnu, jappoġġaw jew jibbenefikaw mill-kunflitt armat, l-instabbiltà jew l-insigurtà fir-RDK, kif ukoll dawk responsabbli għall-inċitament għall-vjolenza, jew għall-isfruttament tal-konflitt armat, l-instabbiltà u l-insigurtà fir-RDK, inkluż permezz tal-isfruttament illeċitu u l-kummerċ ta' riżorsi naturali.

Ara l-paġna tal-laqgħa

Kuntatti għall-istampa

Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.

L-aħħar reviżjoni: 14 ta' Jannar 2024