- Kunsill tal-Unjoni Ewropea
- Stqarrija għall-istampa
- 4 ta' Frar 2023 11:45
L-UE taqbel dwar il-livell tal-limiti massimi tal-prezzijiet għall-prodotti taż-żejt Russi
Illum il-Kunsill iddeċieda li jistabbilixxi żewġ limiti massimi tal-prezz għall-prodotti taż-żejt li jaqgħu taħt il-kodiċi NM li joriġinaw mir-Russja jew jiġu esportati minnha. Dawn huma l-ogħla prezzijiet għal kull barmil ta' prodotti taż-żejt mir-Russja li jkunu eżentati mill-projbizzjoni li jiġu pprovduti:
- trasport marittimu ta' prodotti taż-żejt lejn pajjiżi terzi u
- assistenza teknika, servizzi ta' senserija jew finanzjament jew assistenza finanzjarja, relatati mat-trasport marittimu tal-prodotti taż-żejt lejn pajjiżi terzi
L-ewwel limitu massimu tal-prezz għall-prodotti taż-żejt innegozjati bi skont għaż-żejt mhux maħdum huwa stabbilit għal $45 kull barmil, filwaqt li t-tieni limitu massimu tal-prezz għall-prodotti taż-żejt innegozjati bi primjum għaż-żejt mhux maħdum huwa stabbilit għal $100 kull barmil.
Il-livell tal-limitu massimu ġie stabbilit f'kooperazzjoni mill-qrib mal-Koalizzjoni tal-Limitu Massimu tal-Prezz u ser isir applikabbli mill-5 ta' Frar 2023. Huwa previst perjodu tranżitorju ta' 55 jum għal dawk il-bastimenti li jġorru prodotti taż-żejt Russi, li nxtraw u tgħabbew fuq il-bastiment qabel l-5 ta' Frar 2023 u li nħattu qabel l-1 ta' April 2023.
Barra minn hekk, il-Kunsill ser jerġa' jeżamina l-mekkaniżmu tal-limitu massimu tal-prezzijiet għaż-żejt mhux raffinat minn nofs Marzu u r-rieżami ser isir regolarment kull xahrejn.
Iffaċċjata mill-gwerra ta' aggressjoni tar-Russja, l-UE tappoġġa b'mod riżolut lill-Ukrajna u lill-poplu tagħha, u tinsab soda fl-appoġġ tagħha għall-indipendenza, is-sovranità u l-integrità territorjali tal-Ukrajna fil-fruntieri tagħha rikonoxxuti internazzjonalment, kif ukoll tad-dritt inerenti tal-Ukrajna għall-awtodifiża kontra l-aggressjoni Russa.
Informazzjoni ġenerali
Fis-6 ta' Ottubru 2022, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2022/1909, li introduċiet eżenzjoni mill-projbizzjoni li jiġi pprovdut trasport marittimu u mill-projbizzjoni li tingħata assistenza teknika, servizzi ta' senserija jew finanzjament jew assistenza finanzjarja, b'rabta mat-trasport marittimu lejn pajjiżi terzi ta' żejt mhux maħdum jew prodotti taż-żejt li joriġinaw mir-Russja jew li jiġu esportati minnha, mixtrija bi prezz li jkun ekwivalenti jew anqas minn dak massimu stabbilit minn qabel, miftiehem mill-Koalizzjoni għal-Limitu Massimu tal-Prezzijiet. Dik l-eżenzjoni hija maħsuba li ttaffi il-konsegwenzi negattivi fuq il-provvista tal-enerġija għal pajjiżi terzi u tnaqqas iż-żidiet fil-prezzijiet ikkawżati minn kundizzjonijiet straordinarji tas-suq, filwaqt li jiġi limitat id-dħul Russu miż-żejt.
Fit-3 ta' Diċembru 2022, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2022/2369, li stabbiliet il-limitu massimu tal-prezz għaż-żejt mhux raffinat għal $60 kull barmil.
- Żejt Russu: L-UE taqbel dwar il-livell tal-limitu massimu tal-prezz (stqarrija għall-istampa, 3 ta' Diċembru 2022)
- L-UE tadotta l-aħħar pakkett ta' sanzjonijiet tagħha kontra r-Russja minħabba l-annessjoni illegali tar-reġjuni Ukreni ta' Donetsk, Luhansk, Zaporizhzhia u Kherson (stqarrija għall-istampa, 6 ta' Ottubru 2022)
- Miżuri restrittivi tal-UE kontra r-Russja b'rabta mal-Ukrajna (informazzjoni ġenerali)
Kuntatti għall-istampa
-
Maria Daniela Lenzu Press officer
- +32 470 88 04 02
- +32 2 281 21 46
- @daniela_lenzu
Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.
L-aħħar reviżjoni: 4 ta' Frar 2025